Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Tbassir għar-rebbiegħa 2012-2011: lejn irkupru bil-mod

Commission Européenne - IP/12/466   11/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Tbassir għar-rebbiegħa 2012-2011: lejn irkupru bil-mod

Brussell, 11 ta' Mejju 2012 - Wara t-tnaqqis fil-produttività fl-aħħar tal-2011, bħalissa huwa stmat li l-ekonomija tal-UE tinsab għaddejja minn fażi ta’ riċessjoni moderata. Filwaqt li għad fadal inċertezza kbira dwar il-prospetti ekonomiċi u finanzjarji, azzjonijiet ta' politika b'saħħithom u avvanzi maġġuri fil-qafas istituzzjonali tal-UE ppermettew li jitħaffu t-tensjonijiet fis-suq finanzjarju fil-bidu tal-2012 u kkontribwixxew għall-istabilizzazzjoni tal-kunfidenza, li hija mistennija tissaħħaħ aktar tul il-perjodu ta' tbassir. Flimkien ma' aċċellerazzjoni mistennija fit-tkabbir globali, huwa mbassar li l-irkupru għandu jibda jseħħ bil-mod il-mod mit-tieni nofs tas-sena 'l quddiem. L-istampa preżentata fit-tbassir interim fi Frar, hija ġeneralment ikkonfermata għall-2012, fejn huwa maħsub li l-PDG reali għandu jistaġna fl-UE u jonqos b'-0.3 % fiż-żona tal-euro. Għall-2013, it-tkabbir huwa mbassar li jkun dak ta' 1.3 % fl-UE u 1.0 % fiż-żona tal-euro. Huwa mistenni li matul il-perjodu ta' tbassir il-qgħad jibqa' għoli b'rata ta' 10 % fl-UE u 11 % fiż-żona tal-euro. L-inflazzjoni għandha tonqos gradwalment hekk kif itaffi l-impatt ta' prezzijiet ogħla taż-żejt u taż-żidiet fit-taxxa. Qed jiġi mbassar li l-konsolidazzjoni fiskali għandha żżid, hekk kif, fl-2013, id-defiċit pubbliku għandu jonqos għal 3.3 % fl-UE u għal ftit inqas minn 3 % fiż-żona tal-euro. Hemm differenza konsiderevoli bejn is-sitwazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri, u dan ukoll fid-dawl tal-aġġustament li għaddej bħalissa għall-inugwaljanzi kbar fil-pożizzjonijiet esterni u l-kundizzjonijiet strutturali li ħarġu fid-dieher tul dawn l-aħħar snin.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: Jidher li resqin lejn l-irkupru, iżda s-sitwazzjoni ekonomika għadha waħda fraġli, u għad hemm inugwaljanzi kbar bejn l-Istati Membri. Qed nassistu għal aġġustament kontinwu tal-iżbilanċi fiskali u strutturali akkumulati qabel u wara li faqqgħet il-kriżi, u li saru agħar minħabba l-ambjent ekonomiku dgħajjef li għadu preżenti. Madankollu, jekk ma jkunx hemm aktar azzjoni determinanti, it-tkabbir fl-UE jista' jibqa' dgħajjef. Finanzi pubbliċi b'saħħithom huma kundizzjoni essenzjali għal tkabbir dejjiemi, u, filwaqt li nibbażaw fuq il-qafas ġdid u b'saħħtu għall-governanza ekonomika, għandna nappoġġjaw l-aġġustament billi naċċelleraw l-istabbiltà u l-politiki li jsaħħu t-tkabbir."

Irkupru dgħajjef aktar tard din is-sena

L-attività ekonomika fl-UE naqset fl-aħħar tliet xhur tal-2011 u huwa stmat li naqset ukoll fl-ewwel tliet xhur tal-2012. Fit-tieni nofs tas-sena huwa mistenni li jibda rkupru gradwali li għandu jkompli jiżdied fl-2013. Madankollu dan l-irkupru għandu jibqa' dgħajjef hekk kif bosta fatturi jibqgħu jkunu ta' piż fuq id-domanda domestika. L-isforzi neċessarji min-naħa tal-banek sabiex itejbu aktar il-karti tal-bilanċ tagħhom se jkomplu jimponu kundizzjonijiet ta' kreditu stretti, għalkemm id-domanda għall-kreditu b'mod ġenerali baqgħet waħda dgħajfa, s'issa. Il-konsum privat se jonqos minħabba r-rata għolja ta' qgħad, it-tkabbir bil-mod tas-salarji u minħabba l-inflazzjoni kif ukoll minħabba id-dejn għoli tal-familja f'għadd ta' Stati Membri. Fl-aħħar nett, l-investiment privat bħalissa għadu qiegħed jonqos, imma, matul il-perjodu ta' tbassir, għandu jibda jibbenefika mill-ksib mistenni ta’ aktar kunfidenza, rati baxxi ta' imgħax u tkabbir b'saħħtu tal-prodjuzzjoni dinjija. Il-kontribut pożittiv tal-esportazzjonijiet netti huwa l-element ewlieni li jixpruna t-tkabbir tal-PDG fl-2012. Fl-2013, huwa mistenni li tibda tiddomina domanda domestika dejjem aktar b’saħħitha. Dan it-tbassir huwa bbażat fuq l-ipotesi li maż-żmien il-kunfidenza se tissaħħaħ, hekk kif l-isfidi li ġabet magħha l-kriżi jiġu indirizzati b'suċċess, u dan speċjalment bl-implimentazzjoni soda ta azzjonijiet ta politika determinati li jkun sar qbil dwarhom.

Kumplessivament, l-istampa għall-2012 kif proġettata mit-tbassir interim ta' Frar hija ġeneralment ikkonfermata.It-tkabbir annwali fil-PDG għal din is-sena huwa mbassar li jkun wieqaf (0.0%) fl-UE u ta’ -0.3 % fiż-żona tal-euro. Għall-2013, huwa mbassar tkabbir modest ta' 1.3 % fl-UE u 1 % fiż-żona tal-euro. Filwaqt li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku affettwa lill-Istati Membri kollha, huwa mistenni li d-differenzi fit-tkabbir jibqgħu jippersistu, abbażi tal-ħtiġijiet differenti ta' aġġustament strutturali, tal-ispejjeż tal-finanzjament u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. L-aġġustament ta' żbilanċi esterni fil-livell tal-Istati Membri għadu għaddej u huwa mistenni li jkompli matul il-perjodu ta' tbassir.

Fl-istess ħin li r-ritmu tal-attività ekonomika jkompli jonqos, fl-2012, l-impjiegi mistennija jonqsu b'0.2 % fl-UE (0.5 % fiż-żona tal-euro). Ir-rendiment mistenni tat-tkabbir għandu jwassal għal titjib gradwali fis-swieq tax-xogħol fl-2013, u dan għandu jikkontribwixxi għal irkupru aktar dejjiemi. Huwa mistenni li matul il-perjodu kopert mit-tbassir il-qgħad jibqa' fil-livell ta’ 10.3 % fl-UE u ta’ 11 % fiż-żona tal-euro fl-2013.

Titjib fil-finanzi pubbliċi

Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu tal-produttività matul l-2011, il-finanzi pubbliċi tjiebu b'mod sinifikanti fl-UE fl-2011. Abbażi ta' azzjoni ta’ konsolidazzjoni li diġà ġiet deċiża, flimkien mal--irkupru ekonomiku gradwali li seħħ aktar tard matul il-perjodu ta' tbassir, il-bilanċ negattiv tal-baġit huwa mistenni li jkompli jonqos minn 4.5  % tal-PDG fl-UE (4.1 % fiż-żona tal-euro) fl-2011 għal 3.6 % fl-UE (3.2 % taż-żona tal-euro) fl-2012 u aktar għal 3.3 % (2.9 %) fl-2013, b'differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Madankollu, l-ipotesi li l-politiki ma jinbidlux timplika li għall-UE, kważi ma seta jiġi inkluż l-ebda titjib strutturali fit-tbassir għall-2013. Iż-żieda fil-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG hija mbassra li tonqos u għandha tilħaq 87.2 % tal-PDG fl-UE (92.6 % fiż-żona tal-euro) sal-2013.

Iż-żiediet fil-prezzijiet tal-enerġija u fit-taxxa indiretta kienu l-elementi ewlenin li żiedu l-inflazzjoni fil-prezz għall-konsumatur f'dawn l-aħħar xhur, filwaqt li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku rażżan il-pressjonijiet sottostanti fuq il-prezzijiet domestiċi. Matul il-perjodu ta' tbassir, huwa mistenni li l-inflazzjoni timmodera gradwalment u tinżel għal taħt 1.8% fl-2013.

Bħal fi Frar, ir-riskji ta' tnaqqis se jibqgħu jiddominaw fit-tbassir rigward il-PDG. Ir-riskju prinċipali jibqa' dak li l-kriżi tad-dejn sovran tkompli teħżien b'kontaġju finanzjarju u tnaqqis qawwi fid-disponibbiltà tal-kreditu. Riskju prominenti ieħor ġej mill-inċertezza ġeopolitika li tista twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt. Mil-lat pożittiv, il-kisba rapida ta aktar kunfidenza tista' twassal għal irkupru aktar bikri u sod. Barra minn hekk, l-ekonomija globali tista' tkun aktar dinamika milli qed jiġi mbassar bħalissa.

Ir-riskji għal prospettiva ta' inflazzjoni huma ġeneralment ibbilanċjati.

Ir-rapport dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2012_spring_forecast_en.htm

Contacts :

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site