Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummisjoni tipproponi regoli ġodda tal-VAT għall-kupuni

Commission Européenne - IP/12/464   10/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummisjoni tipproponi regoli ġodda tal-VAT għall-kupuni

Brussell, 10 ta' Mejju 2012 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jiġu aġġornati r-regoli tal-VAT tal-UE biex tiżgura l-istess trattament tat-taxxa għat-tipi kollha ta' kupuni fl-Istati Membri kollha. Fl-Unjoni Ewropea, il-kupuni jirrappreżentaw suq ta' aktar minn EUR 52 biljun fis-sena. It-telekommunikazzjonijiet permezz ta' kupuni mħallsa minn qabel jammontaw għal kważi 70 % tas-suq tal-kupuni, segwiti mill-kupuni għar-rigali u mill-kupuni ta' skontijiet. Madanakollu, id-differenzi fir-regoli nazzjonali tal-VAT dwar il-kupuni jwasslu għal ineffiċjenzi kbar fis-suq. Minflok ma jsibu ruħhom f'pożizzjoni li verament jibbenefikaw mis-Suq Uniku, il-kumpaniji qed jiffaċċjaw problemi ta' taxxa doppja u diffikultajiet biex jespandu n-negozji tagħhom lil hinn mill-frutieri. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jirrimedjaw din is-sitwazzjoni.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Il-kupuni huma negozju li qed jiffjorixxi fl-Ewropa, b'miljuni mixtrija u mibjugħa kull ġimgħa. Ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għala dan is-suq li qiegħed dejjem jespandi għandu jinżamm lura minħabba l-inċertezzi u l-kumplikazzjonijiet fir-regoli tat-taxxa. Bir-regoli l-ġodda tal-VAT proposti llum, nistgħu nimxu lejn suq uniku awtentiku tal-kupuni, li minnu jibbenefikaw in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministraturi tat-taxxa."

Bir-regoli l-ġodda proposti, il-kategoriji differenti ta' kupuni jkunu ddefiniti b'mod ċar, kif tkun ukoll is-sistema tal-VAT applikabbli għalihom. Dan jippermetti li t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kupuni jiġu ttrattati bl-istess mod fl-Ewropa kollha. Il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta' kupuni għal skopijiet ta' VAT u li jidentifikaw meta l-VAT hija dovuta fuq il-kupuni (jiġifieri fil-punt tal-bejgħ jew meta jissarfu). Tinkludi wkoll regoli għall-kupuni li jgħaddu minn ktajjen ta' distribuzzjoni u minn mezzi ġenerali ta' ħlas. Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015.

Sfond

Bħalissa ma hemm l-ebda regola tal-VAT tal-UE dwar kif tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kupuni għandhom jiġu trattati. Fin-nuqqas ta' regoli komuni, l-Istati Membri żviluppaw il-prattiki proprji tagħhom. Dawn mhumiex ikkoordinati u ta' spiss joħolqu problemi għan-negozji u għall-ġbir tal-VAT. Meta jinħareġ kupun fi Stat Membru u jiġi użat fi Stat ieħor, mhuwiex dejjem ċar meta t-tranżazzjonijiet marbuta mal-kupun għandhom jiġu intaxxati. Dan iseħħ, pereżempju, fil-każ tal-lukandi internazzjonali li jippromwovu l-akkomodazzjoni permezz tal-kupuni f'diversi Stati Membri tal-UE.

L-għan tal-proposta tal-lum huwa li tiċċara u tarmonizza r-regoli tal-UE dwar it-trattament tal-VAT tal-kupuni. Din se jkollha effett pożittiv fuq in-negozji billi jiġu eliminati sitwazzjonijiet ta' taxxa doppja u ta' inċertezza dwar l-obbligi tal-konformità fiskali. Se tgħin ukoll billi jiġu eliminati lakuni li jiffaċiltaw l-evitar tat-taxxa minn ċerti kumpaniji li jisfruttaw in-nuqqas ta' konsistenza bejn l-Istati Membri. Ir-regoli l-ġodda joqgħodu sew ukoll fl-istrateġija aktar vasta tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, speċjalment l-għan tagħha li jinħoloq suq uniku diġitali.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu armonizzati d-definizzjoni ta' kupuni għall-għanijiet tal-VAT u l-punt ta' tassazzjoni għat-tranżazzjonijiet tal-kupuni, sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta' qbil li jista’ jwassal għal tassazzjoni doppja jew għal nuqqas ta' tassazzjoni miż-żewġ naħat. Il-mument li fih issir it-tassazzjoni se jiġi ddeterminat mit-tip tal-kupun, u b’hekk jiġi ċċarat jekk it-taxxa għandhiex tkun miżjuda meta jinbiegħ il-kupun jew meta dan jissarraf f'beni jew f'servizzi.

It-tieni nett, ir-regoli l-ġodda jagħmlu distinzjoni ċara bejn kupuni u mezzi oħra ta' ħlas. L-għadd dejjem jikber ta' apparati mobbli jagħmilha neċessarja li ssir distinzjoni bejn krediti ta' telekomunikazzjoni mħallsa minn qabel (li huma l-kupuni) u s-servizzi mobbli ta' ħlas (li huma intaxxati b'mod differenti). L-evoluzzjoni tat-teknoloġija tal-mezzi ta' ħlas, prinċipalment l-użu dejjem jiżdied ta' ħlasijiet mobbli, jirrikjedu li titneħħa kwalunkwe tip ta' konfużjoni possibbli.

It-tielet nett, id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għad-distribuzzjoni tal-kupuni fil-ktajjen ta' intermedjarji, speċjalment meta dawn ikunu estiżi fuq żewġ Stati Membri jew aktar. Pereżempju kard għat-telefon tista' tgħaddi diversi drabi minn idejn differenti fil-katina tad-distribuzzjoni qabel tasal għand il-konsumatur u n-negozji kkonċernati jeħtieġu ċertezza dwar l-obbligi fiskali tagħhom.

Ġew inklużi għadd ta' miżuri tekniċi oħra relatati mad-dritt ta' tnaqqis, ta' proċeduri ta' tisrif u ta' rimbors, il-persuna responsabbli mill-ħlas tat-taxxa u obbligi oħra għan-negozji.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt. Din tikkonkludi li l-unika mod effettiv biex jiġu ġestiti n-nuqqasijiet identifikati huwa billi d-dispożizzjonijiet ġodda għall-kupuni jiġu inklużi fid-Direttiva tal-VAT. Id-direttiva tal-VAT tal-UE u l-valutazzjoni tal-impatt jinsabu fuq is-sit tal-internet:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/legislation_proposed/index_en.htm

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site