Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Id-drittijiet taċ-ċittadini: Il-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għall-usa' konsultazzjoni pubblika li qatt saret u titlob liċ-ċittadini jgħinuha tistabbilixxi l-aġenda futura tagħha

Brussell, it-8 ta' Mejju 2012 – id-9 ta' Mejju jaħbat Jum l-Ewropa. Din għandha tkun aktar minn sempliċiment ġurnata ta' ċelebrazzjoni għaċ-ċittadini. Minn għada, il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel appell liċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea kollha biex jgħinuha tistabbilixxi l-aġenda politika tagħha għas-snin li ġejjin u tifforma l-futur tal-Ewropa, fl-ikbar konsultazzjoni pubblika li qatt saret fil-livell tal-UE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini. Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa għal erba' xhur sad-9 ta' Settembru, u matul dan iż-żmien il-membri tal-pubbliku se jiġu mistoqsijin dwar l-ostakli li jkollhom jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE, meta jivvjaġġaw fl-Ewropa, meta jivvutaw, meta joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet kif ukoll meta jixtru onlajn. Dan l-eżerċizzju se jsir qabel l-2013, is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/11/959). Il-kontributi tal-pubbliku se jiġu inklużi direttament fl-aġenda politika tal-Kummissjoni u se jiffurmaw il-bażi tar-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li għandu jiġi ppreżentat fi żmien sena bl-eżatt: fid-9 ta’ Mejju 2013.

"Għoxrin sena wara li ħloqna ċ-ċittadinanza tal-UE fil-belt żgħira ta' fuq il-fruntiera ta' Maastricht, irridu nagħtu nifs ġdid lill-proġett Ewropew u dan nistgħu niksbuh bil-għajnuna diretta taċ-ċittadini tagħna," qalet il-Viċi President Viviane Reding, l-ewwel Kummissarju tal-UE għaċ-Ċittadinanza. "L-Unjoni Ewropea teżisti bis-saħħa taċ-ċittadini tagħha u qiegħda hemmhekk biex isservihom. In-nies jistennew riżultati konkreti mill-Ewropa, u dan huwa preċiżament dak li biħsiebna nagħtuhom, permezz ta' prezzijiet orħos għar-roaming, drittijiet aħjar għall-vittmi tal-kriminalità u l-iffaċilitar tax-xiri onlajn għall-konsumaturi. Il-kontribut dirett taċ-ċittadini se jgħinna nkomplu b'xogħolna – u saħansitra se jgħinna nwettquh aħjar fil-futur. Nistieden lil kulħadd jiddedika ftit minuti biex jaqsam l-opinjoni tiegħu magħna: dan kollu jikkonċerna d-drittijiet u l-futur tagħkom."

Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE li kien jinkludi lista ta' 25 azzjoni li jindirizzaw il-problemi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini tal-UE meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Minn dakinhar 'l hawn, il-Kummissjoni ħadmet bis-sħiħ biex iżżomm il-wegħdiet li għamlet permezz ta':

  • It-tisħiħ tad-drittijiet ta' madwar 75 miljun vittma tal-kriminalità fis-sena mal-UE kollha (IP/11/585)

  • It-tneħħija tal-burokrazija żejda għal 3.5 miljun ruħ li jirreġistraw karozza fi Stat Membru ieħor tal-UE fis-sena, li tirriżulta fi tfaddil ta' EUR 1.5 biljun (IP/12/349)

  • Il-projbizzjoni ta' imposti żejda fuq il-karti tal-kreditu u ta' kaxxi mmarkati minn qabel għal dawk li jixtru onlajn (MEMO/11/675)

  • It-tisħiħ tad-drittijiet għal smigħ ġust għaċ-ċittadini kollha tal-UE, li se japplika fil-każ ta' madwar 8 miljun proċedura kriminali fis-sena (IP/12/430, IP/10/1305)

  • L-iċċarar tad-drittijiet għall-proprjetà għas-16-il miljun koppja internazzjonali li hawn fl-Ewropa (IP/11/320)

Wieħed jista' jara l-progress li sar sa issa hawnhekk:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/factsheets/index_en.htm.

Madanakollu, ħafna nies għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakli meta jiġu biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tisma' dwar dawn il-problemi li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini meta jiċċaqalqu minn naħa għal oħra fl-UE, kemm jekk għax-xogħol, għall-istudju jew għall-vaganzi, meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom jew id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Il-Kummissjoni trid ukoll tisma' dwar x’tip ta’ Unjoni Ewropea ċ-ċittadini jixtiequ li jkunu qed jgħixu fiha fl-2020.

Tħejja kwestjonarju qasir li jista' jimtela faċilment onlajn, matul dawn l-erba' xhur li ġejjin (mid-9 ta' Mejju sad-9 ta' Settembru 2012):

http://ec.europa.eu/your-rights-your-future.

Sfond

Bis-saħħa taċ-ċittadinanza tal-UE – li ma tissostitwix iċ-ċittadinanza nazzjonali iżda tikkumplimentaha – iċ-ċittadini kollha tas-27 Stat Membru tal-UE jgawdu minn sensiela ta’ drittijiet addizzjonali bħala ċittadini tal-UE. Dawn jinkludu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE li jgħixu fih, id-dritt għal protezzjoni konsulari barra mill-pajjiż taħt l-istess kondizzjonijiet daqslikieku kienu ċittadini u d-dritt li jippreżentaw petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew, jew li mill-2012, jieħdu sehem f'Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini.

Il-libertà tal-moviment hija l-aktar dritt taċ-ċittadinanza tal-UE li huwa miżmum b'għożża (ara l-istqarrija għall-istampa Nru 14/2011). Fil-fatt, l-Ewropej jagħmlu aktar minn biljun vjaġġ fl-UE fis-sena, u għadd dejjem akbar ta' Ewropej qed jibbenefikaw mid-dritt li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor tal-UE: huwa stmat li fl-2009 kien hemm 11.9 miljun ċittadini jgħixu fi Stat Membru li mhux dak tagħhom stess; fl-2010 din iċ-ċifra kibret għal 12.3 miljun (STAT/11/105). Dawn iċ-ċifri huma ferm akbar meta wieħed iqis lil dawk iċ-ċittadini tal-UE li jaqsmu liberament il-fruntieri interni tal-Unjoni għal perjodi qosra ta' żmien. Aktar minn hekk, madwar 40 miljun ruħ jixtru onlajn minn pajjiżi Ewropej oħrajn.

Ir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza għall-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) semma 25 azzjoni konkreta li jridu jittieħdu sabiex jitneħħa dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini tal-UE milli jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jiċċaqilqu b’mod ħieles fl-UE. Wieħed minn dawn huwa li jissaħħaħ l-għarfien tan-nies dwar l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE, dwar id-drittijiet tagħhom u dwar xi jfissru dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-2013 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u li, matul dik is-sena, jiġu organizzati avvenimenti mmirati dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u dwar il-politiki relatati maċ-ċittadinanza.

Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni rapport tal-UE dwar iċ-ċittadinanza, li se jservi bħala pjan ta' azzjoni għat-tneħħija ta’ dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini milli jgawdu bis-sħiħ drittijiethom bħala ċittadini tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-ĠustizzjaViviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Il-konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/your-rights-your-future

Iċ-ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site