
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa
L-Ambjent: Finanzjament ġdid ta' EUR 34.8 miljun għal soluzzjonijiet ambjentali fis-suq
Brussell, it-8 ta' Mejju 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi sejħa ta' EUR 34.8 miljun għal proġetti ta' ekoinnovazzjoni. Negozji u imprendituri minn madwar l-Ewropa jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala għajnuna biex jiżviluppaw proġetti ambjentali ġodda fis-suq. Is-sejħa hija miftuħa għal prodotti, tekniki, servizzi u proċessi ekoinnovattivi li għandhom l-għan li jipprevjenu jew inaqqsu l-impatti ambjentali, jew li jikkontribwixxu għall-aqwa użu tar-riżorsi. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija miftuħa sas-6 ta' Settembru 2012, u se jintgħażlu madwar 50 proġett għall-finanzjament.
Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal: "F'dawn l-aħħar erba' snin, l-Ekoinnovazzjoni tas-CIP għenet aktar minn mitt prodott ekoloġiku innovattiv sabiex isib post fis-suq. Il-programm juri kif in-negozji jistgħu jgħinu l-ekonomiji tagħna jikbru b'mod sostenibbli mil-lat ambjentali, ladarba jkollhom l-appoġġ xieraq. Inħeġġeġ partikolarment lill-SMEs sabiex japplikaw għall-finanzjament - huma għandhom rwol fundamentali fl-ixprunar tal-ekonomija tal-UE, u s-sena li għaddiet kienu jikkostitwixxu aktar minn 65 % tal-applikazzjonijiet."
Is-sejħa ta' din is-sena għandha ħames oqsma prinċipali ta' prijorità:
riċiklaġġ ta' materjali
ilma
prodotti sostenibbli tal-bini
negozju ekoloġiku
il-qasam tal-ikel u x-xorb
Is-sejħa hija partikolarment immirata lejn SMEs li żviluppaw prodott, proċess jew servizz innovattiv ekoloġiku li għadu qed jissielet biex isib postu fis-suq. Is-sejħa toffri kofinanzjament sabiex tkopri sa 50 % tal-ispejjeż tal-proġett, u, din is-sena, hija mistennija tappoġġja madwar 50 proġett ġdid.
Madwar 50 proġett issa jinsabu lesti għat-tnedija fil-kuntest tas-sejħa tas-sena l-oħra filwaqt li diġà qed jitwettqu aktar minn 140 proġett. Eżempji ta' skemi attwali jinkludu l-konverżjoni ta' settijiet qodma mormija tat-televiżjoni f'madum, mekkaniżmi ġodda ta' separazzjoni tal-iskart, imballaġġ ekoloġiku innovattiv għall-ħalib u teknika ġdida biex jiġu rriċiklati t-tessuti.
Sfond
L-inizjattiva Ekoinnovazzjoni hija ffinanzjata permezz tal-Programm għall-Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) u għandha baġit ta' madwar EUR 200 miljun għall-perjodu ta' żmien mill-2008 sal-2013. Tappoġġja prodotti li taw prova fil-livell teknoloġiku u li jgħinu sabiex l-Ewropa tuża b'mod aħjar ir-riżorsi naturali tagħha. L-Ekoinnovazzjoni hija qasam ekoloġiku tal-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u tikkontribwixxi b'mod dinamiku għall-Pjan ta' Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali (EcoAP). Il-programm huwa ġestit mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI).
Is-sejħa għall-proposti tal-2012 qed tiġi ppreżentata llum (8 ta' Mejju) matul il-Jum ta' Informazzjoni dwar l-Ekoinnovazzjoni fil-bini Charlemagne.
Aktar tagħrif:
Għal aktar tagħrif dwar l-Ekoinnovazzjoni tas-CIP ara:
http://ec.europa.eu/ecoinnovation
Għal eżempji ta' proġetti preċedenti li kienu ta' suċċess, ara:
Il-konverżjoni ta' settijiet ta' televiżjoni f'madum: Il-proġett "Glass Plus" - http://www.glassplus.eu/eco-innovation-en.aspx
Mekkaniżmi ġodda ta' separazzjoni tal-iskart: Il-proġett "SATURN": http://www.saturn.rwth-aachen.de/
Imballaġġ ekoloġiku għall-ħalib: Il-proġett "Greenbottle" - http://cip.greenbottle.com/
Teknika ġdida għar-riċiklaġġ tat-tessuti: Il-proġett "Textiles for Textiles (T4T)" - http://www.textiles4textiles.eu/
Kuntatti : Joe Hennon (+32 2 295 35 93) Monica Westeren (+32 2 299 18 30) Għall-EACI : Andrea Pascal (+32 2 299 04 52) |