Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Erasmus jikser rekord ġdid b'żieda ta' 8.5% fl-għadd ta' skambji tal-istudenti

Brussell, it-8 ta' Mejju 2012 - Ħamsa u għoxrin sena mit-tnedija tiegħu, il-Programm Erasmus sar l-aktar programm magħruf tal-UE kif ukoll l-iskema ta' skambju tal-istudenti bl-akbar suċċess fid-dinja. Matul is-sena akkademika 2010-11, kien hemm aktar minn 231 000 student li rċevew għotjiet mill-Erasmus biex imorru jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom – rekord ġdid u żieda ta' 8.5% meta mqabbel mas-sena preċedenti. Bl-enfasi tiegħu fuq il-lingwi, l-adattabilità, l-għarfien interkulturali u s-sens ta' tmexxija, l-Erasmus jipprovdi liż-żgħażagħ b'ħiliet vitali biex isaħħu l-impjegabilità u l-iżvilupp personali tagħhom. Minn meta beda fl-1987, il-programm ta l-opportunità lil aktar minn 2.5 miljun student Ewropew li jsiefru u jistudjaw f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jew li jingħataw post temporanju ma' kumpanija. Skont ix-xejriet attwali, l-Unjoni Ewropea se tilħaq il-mira tagħha li ssostni 3 miljun student tal-Erasmus sas-snin 2012-13.

It-tliet destinazzjonijiet l-iktar imfittxija mill-istudenti fis-sena akkademika 2010/11 kienu Spanja, Franza u l-Ġermanja. Il-pajjiż li bagħat l-ikbar għadd ta' studenti barra mill-pajjiż kien Spanja, segwit minn Franza u l-Ġermanja. Meta tqies il-proporzjon tal-popolazzjoni ta' studenti nazzjonali, il-pajjiż li bagħat l-akbar għadd ta' studenti barra minn pajjiżhom kien il-Lussemburgu (ara MEMO/12/310 għaċ-ċifri fid-dettall). Il-baġit tal-Erasmus għas-snin 2010-11 maħsub għall-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema kien madwar €460 miljun.

"Il-programm Erasmus, li din is-sena qed niċċelebraw il-25 anniversarju tiegħu, huwa wieħed mill-ikbar stejjer ta' suċċess tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċifri jitkellmu weħidhom – u setgħu kienu anki ogħla kieku kellna r-riżorsi neċessarji biex illaħħqu mad-domanda. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, il-valur tal-ħiliet miksuba permezz tal-istudji u tal-postijiet temporanji bis-saħħa tal-Erasmus huwa ogħla minn qatt qabel," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Mill-għadd totali ta' studenti sostnuti mill-Erasmus fis-sena akkademika 2010-11, madwar 190,000 student għażlu li jqattgħu sa 12-il xahar mill-kors tal-lawrja tagħhom f'università jew f'istituzzjoni oħra ta' edukazzjoni għolja barra minn pajjiżhom, f'wieħed mit-32 pajjiż li ħadu sehem fl-Erasmus (is-27 Stat Membru, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija. L-Isvizzera saret it-33 pajjiż imsieħeb mal-Erasmus fis-sena akkademika 2011-12). L-għadd ta' studenti li għażlu din il-possibilità ta' studju żdied b'7.2 % meta mqabbel mas-snin 2009-10.

Il-postijiet temporanji ma' kumpaniji f'pajjiżi barranin ilhom jiġu sostnuti mill-Erasmus mill-2007, u qed isiru dejjem iktar popolari. Fis-snin 2010-2011, wieħed minn kull sitt studenti tal-Erasmus, kważi 41 000 b’kollox, għażlu din il-possibilità. Dan jirrappreżenta żieda ta' 15% fuq is-sena ta' qabel.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li jieħdu sehem, id-domanda tkun ferm ogħla mill-għotjiet tal-Erasmus li huma disponibbli . L-għotja medja tal-Erasmus kull xahar, maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-għajxien barra mill-pajjiż u mal-ivvjaġġar, kienet ta' €250 - ftit inqas minn dik tas-sena preċedenti (€254), li ppermettiet li jkun hemm aktar studenti li jibbenefikaw mill-Programm.

Barra minn hekk, ingħataw 40 000 għotja lill-impjegati fl-universitajiet u lill-għalliema biex jgħallmu barra inkella biex jitħarrġu barra; 13% aktar mis-sena preċedenti.

Sfond

Il-mobilità fit-tagħlim hija objettiv ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll il-punt ċentrali tal-inizjattiva tal-Kummissjoni "Żgħażagħ Attivi", li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-Erasmus.

F'Settembru li għadda, il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (IP/11/1043) enfasizzat il-ħtieġa li l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex jiksbu l-ħiliet permezz ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom. L-objettiv Ewropew għall-mobilità komprensiva tal-istudenti huwa tal-anqas 20% sa tmiem id-deċennju. Bħalissa, madwar 10% jistudjaw jew jitħarrġu barra bis-saħħa tal-Erasmus jew b'mezzi pubbliċi jew privati oħrajn. Madwar 4.5% minnhom jingħataw għotja mill-Erasmus.

L-Erasmus ma jindirizzax biss lill-istudenti u lill-impjegati fl-edukazzjoni għolja, imma permezz tal-iffinanzjar ta' proġetti u netwerks transnazzjonali jagħmilha possibbli wkoll biex l-istituzzjonijiet edukattivi jaħdmu flimkien. Lil dawn l-istituzzjonijiet, l-Erasmus ippermettielhom ikunu innovattivi fil-metodi tat-tagħlim, u tejjeb is-sistemi ta' kif jiġu rikonoxxuti l-perjodi ta' studju barra mill-pajjiż; ta wkoll spinta lis-servizzi ta' sostenn lill-istudenti, lill-kooperazzjoni man-negozji u lill-immaniġjar tal-istituzzjonijiet.

F'Novembru li għadda, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal "Erasmus għal kulħadd" (IP/11/1398), programm ġenerali ġdid li jqiegħed lil Erasmus mal-iskemi internazzjonali u ma' skemi oħra tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, hekk li s-seba' programmi eżistenti jiġu sostitwiti b'wieħed. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet baġit ta' EUR 19-il biljun għall-Erasmus għal Kulħadd għall-perjodu bejn l-2014-2020, żieda ta' bejn wieħed u ieħor 70% meta mqabbla mal-baġit ta' 7 snin li bħalissa hemm għall-programmi eżistenti. Żewġ terzi mill-finanzjament għall-programm Erasmus għal Kulħadd imorru f'għotjiet biex jissaħħu l-għarfien u l-ħiliet. Il-bqija jsostnu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, in-negozji u organizzazzjonijiet oħrajn.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/12/310 Il-programm Erasmus fis-snin 2010-11: spjegazzjoni taċ-ċifri

Il-programm Erasmus

L-istatistika Erasmus

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Twitter: @VassiliouEU

Anness 1: Il-Programm Erasmus 2010-2011 - L-għadd ta' studji li marru barra mill-pajjiż, skont il-pajjiż

Anness 2: Il-Programm Erasmus 2010-2011 - Il-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus: pajjiżhom u l-pajjiż li żaru

Anness 3: Il-Programm Erasmus 2010-2011 - L-ewwel 100 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li l-aktar li laqgħu studenti tal-Erasmus

Anness 4: Il-Programm Erasmus 2009-2010 - L-ewwel 100 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li l-aktar li laqgħu studenti tal-Erasmus

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58), Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website