Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Konsumaturi: l-aktar rapport reċenti dwar is-sikurezza tal-prodotti juri li hemm inqas prodotti perikolużi li jidħlu fis-suq tal-UE.

Brussell, it-8 ta’ Mejju 2012 - il-konsumaturi tal-UE jridu jkunu żguri li l-prodotti - kemm jekk magħmulin fl-UE kemm jekk impurtati minn pajjiżi terzi - huma mingħajr ebda periklu. L-aħbar tajba hi li bis-saħħa tal-effikaċja dejjem tiżdied tas-sistema ta’ twissija rapida tal-UE għall-prodotti perikolużi mhux tal-ikel (“RAPEX”) il-prodotti perikolużi nsiru nafu bihom aktar qabel il-waqt u b’mod aktar effettiv u jitneħħew mis-suq tal-UE fil-pront. Din il-proċess jinvolvi sensiela ta’ azzjonijiet li tinkludi sforzi fl-istadji bikrija tal-produzzjoni biex id-disinn stess jelimina r-riskji mill-bidu nett, stima aħjar tar-riskju u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-UE, speċjalment dawk tad-dwana, biex jidentifikaw ir-riskji fil-punti tad-dħul.

John Dalli, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: “Il-fatt li anqas prodotti perikolużi jidħlu fis-suq tal-UE hija aħbar tajba għall-konsumaturi. Iżda rridu nibqgħu ddedikati biex inkunu nistgħu nilqgħu għall-isfidi tal-katina ta' provvisti globali u nindirizzaw kull kwistjoni ta' sikurezza tal-prodotti ġodda malli titfaċċa. Din hija r-raġuni l-għala l-bini tas-sistema ta’ “Sorveljanza Kontinwa” bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-UE stess u t-titjib tal-kooperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali jibqa’ prijorità”.

RAPEX: sistema ta’ twissija rapida għas-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE

RAPEX kibret b’mod sinifikanti mill-2004 lil hawn (meta id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali). L-Istati Membri nefqu madwar EUR 100 miljun u ħaddmu madwar 6,000 spettur fuq l-infurzar tas-sikurezza tal-prodotti. Ir-rapport tal-2011 jenfasizza x’inkiseb:

  • sejbien minn kmieni

  • sorveljanza aħjar tas-suq u infurzar aħjar tas-sikurezza tal-prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż permezz ta’ proġetti speċifiċi;

  • stima tar-riskju aħjar mill-awtoritajiet;

  • aktar attenzjoni fuq il-kwalità u l-utilità tan-notifikazzjonijiet;

  • kooperazzjoni dejjem tiżdied mal-awtoritajiet tad-dwana;

  • bini ta’ netwerk u taħriġ issoktat ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

Rapport RAPEX 2011: xi jsir dwar il-pajjiżi ta’ oriġini:

Għalkemm iċ-Ċina għadha fl-ewwel post bħala l-pajjiż bl-ogħla numru ta’ notifikazzjonijiet dwar il-prodotti tagħha, b’aktar minn nofs tat-total ta’ notifikazzjonijiet RAPEX, kien hemm tnaqqis minn 58% fl-2010 għal 54% fl-2011.

19% (293 notifikazzjoni) kienu ta’ oriġini Ewropea. 15% kienu minn pajjiżi oħra. 8% kienu ta’ oriġini mhux magħrufa (imqabbla ma’ 23% fl-2004 - bi tnaqqis konsistenti bis-saħħa ta’ mezzi aħjar ta’ identifikazzjoni).

Kien hemm 293 notifikazzjoni (19%) ta’ prodotti perikolużi ta’ oriġini Ewropea inkluż 44 prodott ta’ oriġini Franċiża (3%), 43 prodott ta’ oriġini Ġermaniża (3%) u 32 prodott ta’ oriġini Taljana (2%).

In-notifikazzjoni tal-pajjiżi - involuti l-Istati Membri kollha:

L-Istati Membri kollha pparteċipaw fis-sistema RAPEX billi sabu u nnotifikaw prodotti ġodda perikolużi u żguraw li jkun hemm azzjonijiet ta' segwitu xierqa. Il-pajjiżi l-aktar attivi kienu Spanja (189 notifikazzjoni), il-Bulgarija (162 notifikazzjoni), l-Ungerija (155 notifikazzjoni), il-Ġermanja (130 nofitikazzjoni) u r-Renju Unit (105 notifikazzjoni). In-notifikazzjonijiet mibgħuta minn dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 47% tan-notifikazzjonijiet kollha mibgħuta permezz tas-sistema dwar prodotti li huma ta' riskju serju.

Ilbies u tessuti, ġugarelli u vetturi bil-mutur jinsabu fil-quċċata tal-lista

L-ilbies u t-tessuti kienu l-aktar prodotti nnotifikati ta’ sikwit (423 notifikazzjoni - kkonċernaw iriskju ta’ fgar u irritazzjoni), u warajhom il-ġugarelli (324 notifikazzjoni - l-aktar, għal riskju ta’ fgar), il-vetturi bil-mutur (171 notifikazzjoni - għal riskju ta’ korriment), tagħmir elettriku (153 notifikazzjoni - għal riskju ta’ xokk elettriku) u kożmetiċi (104-il notifikazzjoni - għal riskju tossiku), li flimkien iġibu 74% tan-notifikazzjonijiet kollha dwar prodotti li kien fihom riskju serju fl-2011.

Xi jmiss :

Il-ħidma tissokta:

  • It-tiswir tas-sistema ta’ ‘Sorveljanza Kontinwa’;

  • It-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, partikolarment b’mod bilaterali maċ-Ċina u b’mod trilaterali mal-Istati Uniti u ċ-Ċina (il-laqgħa trilaterali li jmiss hija fl-iskeda għal Ġunju 2012), kif ukoll li jsir progress fil-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja dwar ħidma importanti dwar il-ġbir komuni ta’ tagħrif rilevanti taħt l-awspiċi tal-OECD;

  • L-iffinalizzar ta' proposti għal pakkett leġiżlattiv komprensiv dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq;

  • It-trawwim fost l-intrapriżi ta’ aktar għarfien tal-obbligi tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara:

MEMO/12/309

Il-ħolqa għall-websajt tagħna:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_mt.htm

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site