Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissarju Dalli jniedi r-raba’ Premju tas-Saħħa tal-UE għall-Ġurnalisti

Commission Européenne - IP/12/444   03/05/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissarju Dalli jniedi r-raba’ Premju tas-Saħħa tal-UE għall-Ġurnalisti

Brussell, it-3 ta’ Mejju 2012 - Illum, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika Soċjali, John Dalli, iniedi r-raba' premju konsekuttiv tas-saħħa għall-ġurnalisti li jsir kull sena. Biex ikollhom iċ-ċans li jirbħu l-ogħla premjijiet, il-ġurnalisti huma mistiedna jibagħtu l-artikli dwar:

  • Suġġett wieħed jew aktar tal-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti. Is-suġġetti huma, il-farmaċewtika, il-kura tas-saħħa bejn pajjiż u ieħor, il-mard rari, il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, is-sikurezza tal-pazjenti, id-donazzjoni u t-trapjanti tal-organi, il-kanċer, it-tilqim, l-użu prudenti tal-antibijotiċi, is-saħħa mentali, il-marda ta’ Alzheimer u forom oħra ta’ dimenzja.

  • It-tixjiħ attiv u san, fid-dawl tas-Sena Ewropea għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet 2012;

  • Suġġett bi premju speċjali: il-waqfien mit-tipjip.

Il-Kummissarju Dalli ħabbar t-tnedija tal-Premju lil aktar minn 600 persuna li jfasslu l-politika, partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa u ġurnalisti f’konferenza dwar ir-riżultati u l-perspettivi għall-ġejjieni tal-Programm tas-Saħħa tal-UE. Il-Kummissarju Dalli qal: “Illum qed inniedi r-raba’ Premju tas-Saħħa tal-UE għall-Ġurnalisti, hekk kif qed nippreżentaw il-kisbiet tal-Programm tas-Saħħa tal-UE. Jien tal-fehma li l-Programm ipprovda l-valur miżjud tal-UE biċ-ċar liċ-ċittadini fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, billi żied l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura u ħares lin-nies mit-theddid għas-saħħa minn pajjiż għal ieħor. Il-ġurnalisti fil-qasam tas-saħħa jressqu dawn is-suġġetti aktar lejn kulħadd. Fir-rapporti tagħhom dwar l-esperjenzi marbuta mas-saħħa tal-ħajja reali taċ-ċittadini, huma jwasslu tagħrif u jqajmu għarfien dwar is-saħħa u l-politika tas-saħħa. Għalija l-komunikazzjoni hija parti sħiħa mill-azzjoni tagħna u l-ġurnalisti huma l-akbar alleati tagħna”.

Dejta dwar is-saħħa

Waqt il-konferenza tnieda wkoll strument utli dwar is-saħħa - Heidi (Health in Europe: Information and Data Interface; Is-Saħħa fl-Ewropa: Interfaċċja ta’ Informazzjoni u Dejta) hija wiki bbażata fuq l-internet li tippreżenta tagħrif dwar is-saħħa fil-livell tal-UE dwar l-istat ta' saħħa, id-determinanti, is-servizzi tas-saħħa u bosta suġġetti oħra. Bl-abbundanza ta’ dejta u indikaturi dwar is-saħħa, li jistgħu jinqasmu skont is-sena, il-pajjiż u r-reġjun, il-Heidi Wiki tista' tkun ta' valur kbir għal dawk li jfasslu l-politika, ir-riċerkaturi, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-ġurnalisti. Ħolqa għall-wiki: http://ec.europa.eu/health/heidi

Programmi tas-Saħħa tal-UE: passat u futur

Il-programmi tas-saħħa tal-UE taw appoġġ u wettqu bosta azzjonijiet u proġetti bl-għan li jiġu mħeġġa l-adozzjoni tal-innovazzjoni, kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura, il-promozzjoni tas-saħħa u l-ħarsien mill-mard u t-theddid għas-saħħa minn pajjiż għal ieħor. Mill-2008 ’l hawn il-programm tas-saħħa ffinanzja proġetti li swew madwar EUR 237 miljun f’oqsma bħas-saħħa taż-żgħażagħ, modi ta’ ħajja sani, il-kanċer, mard rari, tagħrif dwar is-saħħa u diżugwaljanzi fis-saħħa. Il-programm pprovda valur miżjud sostanzjali lil bosta individwi u komunitajiet mill-UE kollha. Ħafna minn dawn il-proġetti jinsabu esposti fil-konferenza ta’ llum.

Il-programm tas-saħħa attwali jibqa’ għaddej sa tmiem l-2013. Il-Programm tas-Saħħa l-ġdid huwa parti mill-prijoritajiet finanzjarji tal-UE għall-2014-2010 (il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE), li tħabbar mill-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju 2011. Jekk it-taħditiet fost il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew jimxu bla xkiel, il-Programm tas-Saħħa għandu jiġi adottat sa tmiem l-2012 u jibda fl-2014.

Il-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-Ġurnalisti: Ir-Regoli

  • Il-premjijiet li se jingħataw huma: EUR 6,000 għall-ewwel post, EUR 2,500 għat-tieni post u EUR 1,500 għat-tielet post. Jingħataw EUR 3000 lir-rebbieħ tal-premju speċjali ta’ din is-sena.

  • Dawk li jieħdu sehem fil-kompetizzjoni jridu jkunu ċittadini jew residenti ta’ xi wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE u jkollhom 18-il sena jew aktar.

  • Jistgħu jiġu sottomessi sa massimu ta’ żewġ artikli minn kull parteċipant u jiġu aċċettati wkoll sottomissjonijiet minn gruppi, sakemm il-grupp ma jaqbiżx il-ħames persuni.

  • L-artikli kollha jridu jkunu b'xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u jridu jkunu ġew ippubblikati oriġinarjament jew minn mezz tal-midja stampata jew onlajn.

  • It-tul massimu tal-artiklu ma jistax jaqbeż l-20,000 karattru (inklużi l-ispazji).

  • Aktar regoli u kondizzjonijiet, kif ukoll tagħrif dwar kif jintgħażlu r-rebbieħa, jinsabu fuq il-websajt apposta

Aktar tagħrif:

Il-websajt tal-Kummissarju John Dalli:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/dalli/index_en.htm

Contacts :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site