Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna għar-ristrutturar tal-Air Malta

European Commission - IP/12/42   25/01/2012

Other available languages: EN FR DE

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna għar-ristrutturar tal-Air Malta

Brussell, il-25 ta' Jannar 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni dettaljata biex teżamina jekk l-għajnuna ta' ristrutturar ta' EUR 130 miljun għal-linja tal-ajru proprjetà tal-Istat Malti l-Air Malta hijiex konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni b'mod partikolari se teżamina jekk il-miżuri imħejjija humiex xierqa biex jirrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija u jekk jiżgurawx biżżejjed kumpens għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jiġġenera dan l-appoġġ mill-Istat. Il-ftuħ tal-investigazzjoni dettaljata jippermetti lill-partijiet terzi interessati biex jikkumentaw dwar il-miżuri li jkunu taħt il-lenti. Dan ma jippreġudiukax il-konklużjoni aħħarija.

F'Novembru tal-2010 il-Kummissjoni awtorizzat faċilità ta' self ta' EUR 52 miljun għall-Air Malta bħala għajnuna ta' salvataġġ (ara IP/10/1509). L-awtoritajiet Maltin ikkommettew ruħhom li jinnotifikaw pjan ta' ristrutturar fi żmien 6 xhur wara d-deċiżjoni tal-għajnuna ta' salvataġġ.

F'Mejju tal-2011, Malta avżat lill-Kummissjoni b'żieda fil-kapital ta' EUR 130 miljun. Dan biex tingħata għajnuna għar-ristrutturar tal-kumpanija, li għal bosta snin għaddiet minn diffikultajiet finanzjarji. Il-pjan sottostanti ta' ristrutturar ikopri perjodu ta' ristrutturar ta' ħames snin mill-2011 sal-2016.

Il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk il-pjan ta' ristrutturar innotifikat hux konformi mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida tal-UE dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar (ara IP/04/856 u MEMO/04/172) B'mod partikolari, il-Kummissjoni hi mħassba li t-tbassir tal-vijabbiltà fit-tul jista' ma jkunx realistiku biżżejjed u li t-tnaqqis propost fil-kapaċità jista' ma jkunx xieraq biex jikkumpensa għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jinħolqu permezz ta' dan l-appoġġ mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha wkoll dubji jekk il-kontribuzzjoni proprja tal-Air Malta għall-ispejjeż tar-ristrutturar hix biżżejjed.

Fl-aħħar il-Kummissjoni għandha bżonn aktar informazzjoni biex tiddetermina jekk l-Air Malta hix eliġibbli għall-għajnuna ta' ristrutturar fid-dawl tal-injezzjoni tal-kapital li saret minn Malta fl-2004.

Kuntest

L-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar hija ta' dannu kbir għall-kompetizzjoni għaliex b'mod artifiċjali żżomm kumpanija fis-suq li,kieku mhux għal dik l-għajnuna, kienet altrimenti toħroġ minnu. Il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jitolbu li l-pjan ta' ristrutturar jippermetti lill-kumpanija li ssir vijabbli fit-tul fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet realistiċi. Dan biex jiġi evitat li l-kumpanija tibqa' titlob għal appoġġ pubbliku. Il-pjan għandu jipprevedi miżuri biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jiġġenera l-appoġġ mill-Istat, bħat-tnaqqis tal-kapaċità jew sehem mis-suq. Barra minn hekk, il-benefiċjarju jeħtieġ li jagħmel kontribuzzjoni sinjifikanti hu stess għall-ispejjeż tar-ristrutturar. Fl-aħħar, l-għajnuna ta' ristrutturar tista' tingħata darba biss fuq perjodu ta' għaxar snin (il-prinċipju 'darba, tal-aħħar').

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni se ssir disponibbli taħt in-numru tal-każ SA.33015 fir-Reġistru tal-Ġħajnuna mill-Istat u fuq is-sit tad-DĠ Kompetizzjoni ladarba jkunu riżolti l-kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità. Pubblikazzjonijiet ġodda dwar id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali huma elenkati fl-iState Aid Weekly e-News

Kuntatti :

Antoine Colombani (+32 2 297 45 13)

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website