Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE IT

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

It-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni titlob lill-Italja u lil Malta jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-gassijiet fluworinati

Brussell, is-26 ta’ April 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Italja u lil Malta biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-gassijiet fluworinati, li huma gassijiet serra qawwija li jikkontribwixxu għat-tisħin globali.

Fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ Connie Hedegaard, il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, il-Kummissjoni qed tibgħat “opinjoni motivata” liż-żewġ Stati Membri fejn b’mod formali qed titlob li jieħdu azzjoni biex jiżguraw konformità sħiħa mar-Regolament tal-UE dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (“Ir-Regolament dwar il-Gassijiet-F”)1. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

B’mod li jmur kontra r-rekwiżiti tar-Regolament, l-Italja u Malta ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom għall-kumpaniji u l-persunal involuti f’attivitajiet li jinvolvu l-gassijiet-F. L-Italja lanqas ma nnotifikat ir-regoli tagħha dwar is-sanzjonijiet f’każ li tinkiser dispożizzjoni tar-Regolament.

Sfond

Il-gassijiet fluworinati industrijali jintużaw f’diversi tipi ta’ prodotti u applikazzjonijiet, l-aktar bħala sostituti għal sustanzi li jnaqqsu l-ożonu bħall-klorofluworokarburi (CFCs), l-idroklorofluworokarburi (HCFCs) u l-aloni, li qed jitnaqqsu gradwalment skont il-Protokoll ta’ Montreal. Għalkemm il-Gassijiet-F ma għandhomx proprjetajiet li jnaqqsu l-ożonu, għandhom potenzjal qawwi għat-tisħin globali, f’xi każijiet eluf ta’ drabi ogħla mid-diossidu tal-karbonju (CO2), il-gass serra ewlieni.

Ir-Regolament dwar il-Gassijiet-F, li ġie ssupplimentat b’10 atti ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni, isegwi żewġ mogħdijiet ta’ azzjoni:

  • Li jiġu evitati l-Gassijiet-F f’xi applikazzjonijiet fejn alternattivi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent huma kosteffikaċi. Il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ ċerti Gassijiet-F.

  • Li titnaqqas it-tnixxija minn tagħmir li jkun fih il-Gassijiet-F. Il-miżuri jinkludu: it-tikkettar ta’ tagħmir li fih il-Gassijiet-F, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji u l-persunal li jimmaniġġjaw dawn il-gassijiet, it-trażżin u l-irkupru.

Għal aktar informazzjoni rigward ir-Regolament dwar il-Gassijiet-F, ara:

http://ec.europa.eu/clima/policies/f-gas/index_en.htm

Għall-istatistika attwali dwar il-każijiet ta' ksur inġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm

MEMO/12/279

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

1 :

Ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website