Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ferroviji Ewropej: il-Kummissjoni tħeġġeġ l-interoperabilità u l-kompetittività

Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li ssaħħaħ il-proċess taċ-ċertifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ linji u treni mgħammra bis-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (European Train Control System (ETCS)). L-ETCS hija standard Ewropew għas-sinjalazzjoni tat-treni u l-kontroll tal-veloċità. L-implimentazzjoni tal-ETCS fir-rotot kollha prinċipali tal-merkanzija u dawk ta’ veloċità għolja ser itejbu l-kompetittività tal-ferroviji Ewropej.

Il-kunċett tal-ETCS huwa sempliċi: l-informazzjoni tiġi trażmessa mill-art għat-tren, fejn din tintuża minn kompjuter abbord biex tiġi kkalkolata l-veloċità massima awtorizzata u jekk ikun hemm bżonn it-tren jisslowja awtomatikament. L-ETCS hija parti mis-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (European Rail Traffic Management System, ERTMS).

Bħalissa, hemm aktar minn 20 sistema differenti ta’ sinjalazzjoni operattivi fl-Ewropa u l-inkompatibilità tagħhom hija ostaklu tekniku kbir għat-traffiku internazzjonali. Pereżempju, iż-żieda ta’ sistema nazzjonali addizzjonali ta’ sikurezza f'lokomottiva eżistenti, diġà awtorizzata f'diversi pajjiżi, u l-ksib mill-ġdid tal-awtorizzazzjonijiet kollha tas-sikurezza jistgħu jiswew aktar minn EUR 2 miljuni u jieħdu aktar minn sentejn. L-ETCS se telimina dawn l-ispejjeż.

Madankollu, l-ETCS tista' biss tirnexxi jekk il-prodotti jkunu totalment kompatibbli u jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet Ewropej. Id-deċiżjoni adottata llum issaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-ittestjar, partikolarment li l-prodotti abbord ikunu ġew ittestjati f'laboratorji akkreditati.

Sfond tekniku

Il-kunċett tas-Sistema Ewropea ta' Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) mhuwiex wieħed ġdid: diġà hemm aktar minn 20 sistema nazzjonali għall-kontroll awtomatiku tal-veloċità tat-treni. Sfortunatament, dawn is-sistemi nazzjonali huma bejniethom inkompatibbli. Biex iċ-ċirkolazzjoni f'netwerks mgħammra b'sistemi differenti tiffunzjona, jew ikunu jridu jinbidlu l-magni fil-fruntieri (li jsarraf f'ħafna telf ta’ ħin) jew il-magni jkunu jridu jiġu attrezzati b'sistemi abbord differenti kompatibbli mas-sistemi differenti tar-rotot użati min-netwerks differenti (li jżidu l-kost u s-sogru ta’ falliment). Ikun xi jkun, dan joħloq distakk fis-suq uniku u ostaklu għall-moviment ħieles.

Dan għandu impatt avvers partikolari fuq it-trasport tal-merkanzija. Minkejja li l-trasport ferrovjarju għandu jkun aktar kompetittiv fuq id-distanzi t-twal, kull fruntiera żżid kost u dewmiet akbar sinifikanti, li jissarfu f'telf kummerċjali u saturazzjoni fuq in-netwerk stradali.

Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) tista' żżid konsiderevolment il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju. Dan huwa partikolarment il-każ għall-merkanzija meta s-sistema tiġi implimentata b'mod koordinat matul rotta u tkun akkumpanjata minn miżuri relevanti, bħall-armonizzazzjoni tar-regoli operatorji jew it-titjib tal-infrastruttura fejn ikun meħtieġ. Fir-rotta ta’ Rotterdam-Ġenova, pereżempju, il-volum ta’ merkanzija ttrasportata jista' jirdoppja sal-2020, li jkun l-ekwivalenti ta’ vettura kbira tal-ġarr tal-merkanzija oħra kull 37 sekonda fuq din ir-rotta.

L-ERTMS kienet suċċess industrijali kbir għall-Ewropa. Il-prestazzjoni u l-kost tagħha jfissru li ġiet aċċettata malajr anki lil hinn mill-Ewropa u bħalissa hija standard globali ta’ referenza, użata fuq il-linji l-ġodda kollha.

Illum, fl-Ewropa, aktar minn 4,000 km ta' linji huma mgħammra bl-ETCS. Barra minn hekk, l-attrezzar ta’ aktar minn 4,000 kilometru ieħor diġà ngħata b'kuntratti, u dan huwa indikazzjoni li t-tul ta’ linji mgħammra bl-ETCS se jkun aktar mid-doppju tul is-sentejn jew tliet snin li ġejjin u r-rata ta' attrezzar hija mistennija li tiżdied aktar fis-snin li ġejjin.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website