Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Benessri tal-Annimali: Il-Kummissjoni żżid il-pressjoni fuq l-Istati Membri biex tiġi implimentata projbizzjoni fuq l-imqajjel individwali tal-ħnieżer nisa

Brussell, is-26 ta' April 2012 – Il-Kummissjoni llum intensifikat is-sejħiet tagħha lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-projbizzjoni fuq l-imqajjel individwali tal-ħnieżer nisa tiġi applikata b'mod sħiħ mill-1 ta' Jannar 2013. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE dwar il-ħarsien tal-ħnieżer tirrikjedi li mill-1 ta' Jannar 2013, il-ħnieżer nisa u l-ħnieżer żgħar (ħnieżer femminili li għadhom mhumiex maturi) iridu jinżammu fi gruppi għal madwar xahrejn u nofs tat-tqala tagħhom fl-azjendi kollha fejn jinżammu 10 ħnieżer jew aktar. Għaldaqstant, il-ħnieżer se jiġu mċaqalqa mill-imqajjel individwali ristretti għal sistemi li jirrispettaw aktar il-benessri tagħhom.

L-Istati Membri jinsabu quddiem nett fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE u ilhom mill-2001 jiżguraw li l-industrija tal-biedja tapplika r-regoli tagħha. Sa issa, tliet Stati Membri (ir-Renju Unit, l-Isvezja u l-Lussemburgu) indikaw li diġà jirrispettaw il-projbizzjoni imminenti, filwaqt li d-dejta pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni turi li 16 minnhom iridu jkunu konformi sa meta din tidħol fis-seħħ.

John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, stqarr li "Il-konsumaturi Ewropej għandhom aspettattivi għoljin fejn għandu x'jaqsam l-ikel ta' kwalità filwaqt li l-bdiewa jeżiġu bil-qawwa li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi u kompetittivi. L-ibbilanċjar ta' dawn il-kwistjonijiet mal-isfidi ekonomiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija tal-biedja huwa sfida diffiċli. L-Istati Membri kellhom tnax-il sena biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u l-Kummissjoni se tuża l-poteri legali għad-dispożizzjoni tagħha u tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-regoli li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni tal-ħnieżer."

Sfond – il-bżonn ta’ bidla:

Il-projbizzjoni fuq l-imqajjel individwali tal-ħnieżer nisa twieġeb għat-talbiet, b'mod partikolari mill-konsumaturi tal-UE, biex jitjiebu l-kwalità tal-ikel u s-saħħa tal-annimali fl-UE. Din tirrappreżenta pass importanti għall-benessri tal-annimali u ġiet deċiża b’mod konġunt mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-Parlament abbażi ta' evidenza xjentifika qawwija li turi li l-benessri tal-ħnieżer nisa jkun serjament kompromess meta dawn ikunu maqfula fi mqajjel individwali tal-ħnieżer. Is-sistema ġdida tal-biedja toffri anki valur miżjud billi żżid biċ-ċar ir-rata ta' sopravivenza tal-ħnienes li għadhom jitwieldu kif ukoll iżżid il-produttività tal-ħnieżer nisa.

Il-projbizzjoni mhux biss tiżgura li l-ikel prodott fl-UE jkun ta’ kwalità għolja u ta' benefiċċju għas-saħħa tal-konsumatur iżda tikseb ukoll standards ogħla tal-benessri tal-annimali. Il-projbizzjoni fuq l-imqajjel tal-ħnieżer nisa ġiet introdotta b'tali mod li tħalla ħafna żmien għall-industrija biex din taġġusta l-prattiki tagħha u biex il-kost tal-investiment jinfirex maż-żmien.

Matul is-sena li għaddiet, meta deher ċar li bosta Stati Membri kienu għadhom ma kkonformawx, il-Kummissjoni għal diversi drabi ġibdet l-attenzjoni għall-iskadenza imminenti.

Il-passi li jmiss:

Il-Kummissjoni se tkompli tisħaq mal-Istati Membri fuq l-importanza li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE u se tkompli tipprovdi dejta trasparenti u armonizzata dwar l-implimentazzjoni tal-akkomodazzjoni tal-ħnieżer nisa fi gruppi.

Għal iktar informazzjoni:

MEMO/12/280

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website