Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lill-Ministri tal-Proċess ta' Bolonja: ir-riforma fl-edukazzjoni għolja hija essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi

European Commission - IP/12/394   25/04/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Lill-Ministri tal-Proċess ta' Bolonja: ir-riforma fl-edukazzjoni għolja hija essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi

Brussell, il-25 ta' April 2012 – Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, qalet lill-Istati Membri li, mill-aktar fis, jeħtieġu jimmodernizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni għolja tagħhom u jneħħu l-ostakli għal Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) li taħdem sew b'reazzjoni għall-kriżi u ż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. Hija u titkellem qabel il-laqgħa ta’ kull sentejn tal-Ministri tal-edukazzjoni għolja f'Bukarest (ir-Rumanija), fil-qafas tal-proċess ta’ Bolonja, il-Kummissarju Vassiliou enfasizzat li jeħtieġ tittieħed azzjoni biex tgħin fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa.

"Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja bla dubju sarrfet fi progress reali fit-tqarrib tas-sistemi tal-pajjiżi differenti. Iżda jeħtieġ nagħmlu aktar: l-edukazzjoni għolja għandha tkun fil-qalba tal-isforzi kollha tagħna biex negħlbu l-kriżi, biex tiftaħ il-bibien għal opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ tagħna," qalet il-Kummissarju. "Huwa essenzjali li l-Ewropa timplimenta riformi li jħollu l-potenzjal kollu tagħha biex nibnu l-ġejjieni tagħna. Il-mira tagħna hija EHEA li tiffunzjona għalkollox u li tipprovdi edukazzjoni u ħiliet għall-impjiegi tal-aħjar kwalità għal kulħadd, li tistimula l-innovazzjoni u li tiżgura rikonoxximent xieraq tal-kwalifiki akkademiċi."

Żiedet li dawn l-għanijiet mhux se jintlaħqu "jekk l-edukazzjoni għolja ma jkollhiex biżżejjed fondi biex isir kontribut dejjiemi lill-benessri ekonomiku u l-progress soċjali".

Il-ministri tal-edukazzjoni għolja minn 47 pajjiż Ewropew1 se jiltaqgħu f'Bukarest fis-26 u s-27 ta' April biex jiftiehmu dwar ir-riformi għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja modernizzata u miftuħa. Fl-isfond tal-kriżi u tal-impatt soċjali tagħha, il-Ministri ftiehmu li r-riformi għandhom jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-kapaċità mhux utilizzata tal-edukazzjoni għolja b’mod li din tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjegabilità – messaġġ li huwa wkoll ċentrali għall-"Aġenda għall-Modernizzazzjoni tas-Sistemi tal-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa" tal-Kummissjoni Ewropea adottata f'Settembru 2011 (ara IP/11/1043)

Illum qed jiġi ppubblikat ukoll rapport dwar l-istat preżenti tal-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-Proċess ta’ Bolonja.

L-Isfond

Konferenza Ministerjali

Il-Konferenza Ministerjali se tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-istadju li jmiss tal-Proċess ta’ Bolonja (2012-2015) għall-pajjiżi tal-EHEA. Il-Ministri se jadottaw l-Istrateġija tal-Mobilità ta’ Bolonja li tiddikjara li, sal-2020, 20% tal-lawreati li jiggradwaw mill-edukazzjoni għolja Ewropea se jkunu għamlu parti mill-istudji tagħhom barra l-pajjiż, f’konformità mar-referenza Ewropea għall-mobilità fl-edukazzjoni għolja adottata f' Novembru 2011.

Il-konferenza qed issir fl-istess żmien tal-Forum Politiku ta’ Bolonja li jiġbor flimkien pajjiżi minn barra l-EHEA, u jirrifletti l-interess ta’pajjiżi madwar id-dinja fir-riformi ta’ Bolonja.

Il-Proċess ta' Bolonja

Il-proċess ta’ Bolonja jimmira li joħloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħżlu minn firxa wiesgħa u trasparenti ta' korsijiet ta' kwalità għolja u jibbenefikaw minn proċeduri sempliċi ta’ rikonoxximent.

Mill-bidu tiegħu fl-1999, il-Proċess ta’ Bolonja kien eżempju ta’ suċċess fil-kooperazzjoni Ewropea, li laqqa’ l-pajjiżi Ewropej biex jiftiehmu dwar riformi għall-edukazzjoni għolja u jimplimentawhom fuq il-bażi tal-kooperazzjoni volontarja. Sar progress li ma kienx ikun possibbli b’approċċi purament nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea hija membru attiv tal-proċess ta’ Bolonja, flimkien mas-47 pajjiż membru.

Ir-riformi ewlenin ta’ Bolonja kkonċentraw fuq l-istruttura tal-lawrija bi tliet ċikli (baċċellerat, masters, dottorat), l-assikurazzjoni tal-kwalità, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-perjodi ta' studju.

L-istruttura tal-lawriji ta’ Bolonja qed tiġi adottata b’mod ġenerali; fi tliet kwarti mill-pajjiżi tal-EHEA, bejn 70 u 90% tal-istudenti qed jistudjaw fi programmi li jikkorrispondu għas-sistema tal-baċċellerat u tal-masters ta’ Bolonja.

L-aħħar Rapport tal-Implimentazzjoni ta’ Bolonja, ippreżentat lill-Ministri f 'Bukarest, u mħejji bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, jikkonkludi li l-pajjiżi kollha għamlu bidliet sinifikanti li għenu biex tiżviluppa ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja. Madankollu, il-progress mhuwiex uniformi, fl-isfond tat-tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni għolja, u għad hemm xi problemi prattiċi. Hemm wisq studenti li jabbundunaw l-istudji fl-edukazzjoni għolja jew l-istudji postlawrija mingħajr ħiliet li jgħinuhom isibu impjieg. Xi wħud jiffaċċjaw ostakli fir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi tagħhom barra minn pajjiżhom u l-istituzzjonijiet qed jieħdu ż-żmien biex jaqilbu għal "tagħlim iċċentrat fuq l-istudenti" – fejn il-programmi edukattivi jiġu mfassla fuq dak li jeħtieġu l-istudenti, u jistipulaw b’mod ċar dak li l-istudenti għandhom ikunu kapaċi jifhmu u jagħmlu b’riżultat tal-istudji tagħhom ("riżultati tat-tagħlim"). B'mod ġenerali, l-edukazzjoni għolja għadha mhix tagħti riżultati komparabbli mal-potenzjal tagħha fl-istimolu tat-tkabbir.

Għadd ta' strumenti żviluppati fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja qed jgħinu biex ikun hemm ċaqliq lejn sistemi iktar iċċentrati fuq l-istudenti. Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) talloka punti ta’ kreditu għal kull parti minn programm ta’ studju, abbażi tax-xogħol li jridu jagħmlu l-istudenti sabiex jinkisbu riżultati tat-tagħlim speċifikati. Dan jagħmilha aktar faċli għall-istudenti biex jakkumulaw il-krediti miksubin fi programmi differenti, u jissimplifika r-rikonoxximent ta' studju barra l-pajjiż fl-istituzzjoni ta’ pajjiżhom. Is-"Suppliment tad-Diploma", mehmuż ma’ diploma, jagħti deskrizzjoni standardizzata tal-istudji li tlestew – dan jagħmilha iktar faċli li wieħed jifhem il-kontenut ta’ kwalunkwe diploma, irrispettivament mill-pajjiż li fih inkisbet.

L-użu ta' dawn l-għodod qed ikompli jikber u jiżviluppa, iżda dan mhux dejjem ikun sistematiku u għad hemm xi nuqqasijiet. Għad hemm ukoll problemi fir-rikonoxximent tal-kwalifiki. Minkejja r-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni ta' Rikonoxximent ta' Lisbona, għadd ta’ pajjiżi ma rnexxilhomx jiżguraw li l-proċeduri tar-rikonoxximent istituzzjonali tagħhom jikkonformaw mal-Konvenzjoni.

Il-Grupp ta' Segwitu ta' Bolonja

Il-Kummissjoni Ewropea hija membru tal-Grupp ta' Segwitu ta' Bolonja u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu; dan jappoġġja s-Segretarjat ta' Bolonja u n-netwerk ta' esperti dwar il-proċess ta’ Bolonja; jikkontribwixxi fondi għal-laqgħat Ministerjali u għal bosta rapporti, konferenzi u seminars. Ħafna għodod ta’ Bolonja (pereżempju, l-ECTS) oriġinaw fil-programm ta' skambju tal-istudenti tal-Kummissjoni, l-Erasmus. Ir-Rapport tal-Implimentazzjoni dwar il-progress fir-riformi ta’ Bolonja, miktub għall-Konferenza Ministerjali mill-Eurydice, il-Eurostat u l-Eurostudent, hu appoġġjat mill-Kummissjoni.

L-aġenda tal-modernizzazzjoni tal-Kummissjoni għall-edukazzjoni għolja tistipula ħames oqsma ċentrali għar-riforma – żieda fin-numri tal-gradwati biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' 40% taż-żgħażagħ bi kwalifiki tal-edukazzjoni għolja sal-2020; titjib fil-kwalità u aktar rilevanza tal-edukazzjoni għolja għall-bżonnijiet tal-impjiegi u tas-soċjetà; mobilità ta’ kwalità aħjar għall-istudju; integrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fit-"trijangolu tal-għarfien" tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni; u titjib fit-tmexxija u l-finanzjament. Il-proċess ta' Bolonja u l-aġenda tal-modernizzazzjoni tal-Kummissjoni jsaħħu lil xulxin.

Il-Kummissjoni tappoġġja skambji aktar intensivi bejn l-EHEA u pajjiżi oħra madwar id-dinja. Kienet influwenti fit-twaqqif tal-"Forum Politiku ta' Bolonja", fejn il-Ministri tal-EHEA jiddiskutu kwistjonijiet tal-edukazzjoni għolja mal-imsieħba globali, u li jiltaqa’ fl-istess żmien tal-Konferenza Ministerjali ta' Bolonja.

L-UE tappoġġja wkoll miżuri ta’ ħolqien tal-kapaċità li jimmodernizzaw l-edukazzjoni għolja f’27 pajjiż tal-viċinat u biex iġibu s-sistemi tagħhom konformi mar-rekwiżiti Bolonja. Il-programm Tempus, li bħalissa għandu baġit annwali ta' madwar EUR 90 miljun, Mill-1990 'l hawn iffinanzja madwar 4 000 proġett ta’ kooperazzjoni, li jinvolvu iktar minn 2 000 università mill-UE u mill-pajjiżi msieħba. Il-programm ewlieni tal-UE għall-kooperazzjoni akkademika dinjija, Erasmus Mundus, joffri boroż ta’ studju għal Masters u Dottorati Konġunti għal studenti minn kull parti tad-dinja.

Għal iktar informazzjoni:

Aktar dwar il-proċess ta’ Bolonja http://www.ehea.info/

Aktar dwar l-Aġenda tal-Modernizzazzjoni

http://ec.europa.eu/education/higher-education/agenda_en.htm#doc

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58), Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

L-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Awstrija, l-Azerbajġan, il-Belġju, il-Bosnja-Ħerżegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġeorġja, il-Ġermanja, il-Greċja, is-Santa Sede, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Kazakistan, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Moldova, il-Montenegro, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Federazzjoni Russa, is-Serbja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, l-Ukraina, ir-Renju Unit.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website