Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Trasport: Il-Kummissjoni tfassal il-prijoritajiet għas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri

Brussell, l-24 ta' April 2012 – Illum, il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, Siim Kallas, stabbilixxa l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri. Dan sar fid-diskors ewlieni f'konferenza kbira dwar is-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri, imtellgħa fi Brussell mill-Kummissjoni. L-għan ta' din il-konferenza kien il-varar ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar l-azzjonijiet ta' prijorità għall-futur.

Il-Viċi President Kallas qal: "Aċċidenti traġiċi bħal tat-Titanic, l-MS Estonia jew il-Costa Concordia jitfgħu l-attenzjoni fuq is-sikurezza tal-bastimenti. Diżastri bħal dawn jgħallmuna dejjem, u m'aħniex qegħdin nistennew sempliċement li jseħħ id-diżastru li jmiss. Inkunu temerarji wisq jekk nirrispondu wara li jasal u mhux qabel. Fil-qasam tas-sikurezza tal-bastimenti, l-UE għandha l-iktar regoli stretti fid-dinja, u dan bis-saħħa ta' proċess ta' titjib kostanti, b'miżuri proattivi ta' prevenzjoni sabiex intellgħu l-istandards tas-sikurezza fuq il-baħar."

Il-Viċi President fassal approċċ għat-tisħiħ tas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri, imsejjes fuq tliet pilastri:

(1) il-promozzjoni ta' miżuri volontarji mill-industrija

(2) l-intensifikar tal-infurzar u tal-implimentazzjoni; as well as

(3) miżuri regolatorji.

Il-proposti jibbażaw fuq iktar minn sentejn ħidma intensiva fuq is-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri, għalkemm kienet diġà bdiet reviżjoni tal-Kummissjoni fl-2010.

L-azzjonijiet ta' prijorità jinkludu:

1. Impenji voluntarji mill-industrija

Il-Viċi President Kallas laqa' t-tħabbira tal-lum mingħand il-Kunsill Ewropew tal-Kruċieri, rigward aktar impenji voluntarji li jmorru lil hinn minn dak li hu rikjest mil-liġi, f'oqsma bħall- ippjanar tar-rotot, l-aċċess għall-pont tas-sikurezza, u l-aċċess għall-ġkieket tas-salvataġġ abbord. Bħala żvilupp importanti, l-impenji tal-Kunsill Ewropew tal-Kruċieri jinkludu l-ħatra ta' erba' esperti indipendenti biex jissorveljaw u jimmonitorjaw il-progress u l-implimentazzjoni. L-impenji voluntarji tal-industrija jista' jkollhom effett importanti u mill-iktar immedjat jekk jiġu implimentati b'mod strett.

2. Azzjonijiet ta’ infurzar

Ir-regoli tas-sikurezza jeħtieġu infurzar rigoruż. Bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħha f'dan il-qasam, u bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), il-Kummissjoni bdiet żjarat ta' spezzjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marittima, inkluż, b'mod partikulari fl-2012, ir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri abbord. Din il-ħidma hija parti minn programm usa' ta' azzjonijiet immirati ta' infurzar għas-settur tal-bastimenti tal-passiġġieri.

3. Miżuri regolatorji

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq approċċ imqassam fi stadji, bi proposti ppjanati għall-2012 u b'miżuri speċifiċi addizzjonali possibbli għall-2013. Billi t-trasport bil-baħar huwa minnu nnifsu ta' relevanza globali, jeħtieġ approċċ fuq żewġ binarji, u ħidma mill-qrib mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), il-korp tan-Nazzjonijiet Uniti li jistipula r-regoli internazzjonali għat-trasport bil-baħar.

Il-Kummissjoni se tressaq proposti leġiżlattivi dwar ir-regoli tas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri nazzjonali sa tmiem l-2012, bil-għan li jwessgħu r-regoli eżistenti tal-UE lil hinn mill-bastimenti tal-passiġġieri nazzjonali mibnija mill-azzar. Dawn il-bastimenti, eż. bastimenti iżgħar tal-passiġġieri, bastimenti mibnija minn materjal ieħor flok l-azzar, kif ukoll vapuri bil-qlugħ u bastimenti storiċi, jirrappreżentaw sehem dejjem jikber tas-suq, partikularment għat-turiżmu.

Il-Kummissjoni beħsiebha tressaq proposta biex jiġu aġġornati r-regoli ta' stabbiltà tal-bastimenti tal-passiġġieri li jtellgħu u jniżżlu l-vetturi, bil-għan partikulari li tittejjeb l-istabbiltà wara l-ħsara. Fl-istess nifs, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-IMO ir-riċerka tagħha dwar l-istabbiltà tal-bastimenti tal-passiġġieri li jtellgħu u jniżżlu l-vetturi, sabiex ir-regoli internazzjonali tal-IMO jkunu jistgħu jissaħħu. L-istabbiltà hija ta' importanza partikulari għal dawn il-bastimenti, minħabba problemi potenzjali bl-ilma fuq il-gverta. L-UE ilha bir-regoli tas-sikurezza reġjunali tagħha minn meta seħħet it-traġedja tal-MS Estonia.

Kunsiderazzjonijiet għall-ġejjieni: Is-sejbiet preliminari tal-proġett tar-riċerka GOALDS, iffinanzjat mill-UE, dwar l-istabbiltà tal-bastimenti tal-kruċiera u ROPAX (bastimenti tal-passiġġieri li jtellgħu u jniżżlu l-vetturi, inklużi dawk li jġorru l-merkanzija), huma mistennija għall-ħarifa tal-2012. Il-Kummissjoni se tistenna r-riżultati ta' dawn l-istudji tekniċi, kif ukoll tal-istħarriġ li għaddej bħalissa tan-nawfraġju tal-Costa Concordia (it-13 ta' Jannar 2012) mill-awtoritajiet tal-Italja, qabel ma tibda tikkunsidra jekk ikunx hemm bżonn aktar proposti. Ara l-MEMO għal aktar dettalji.

X'inhu l-pass li jmiss?

Il-konsultazzjoni pubblika dwar is-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri ddum 12-il ġimgħa, u tintemm fil-5 ta' Lulju 2012. Wara l-konsultazzjoni se jsir workshop għall-partijiet interessati, bi preżentazzjoni tal-kontributi li jkunu waslu. Abbażi ta' din il-konsultazzjoni, u abbażi tas-sentejn l-ħidma teknika, il-Kummissjoni għandha tressaq l-ewwel proposti leġiżlattivi tagħha sa tmiem l-2012.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website