Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri ġodda u tidentifika opportunitajiet ewlenin għal irkupru msejjes fuq ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

Strasburgu, it-18 ta 'April 2012 – Hekk kif fl-UE ntaħqu livelli rekord ta’ qgħad tal-UE u għax-xhur li ġejjin m’hemmx għajr tbassir ta' prospetti ekonomiċi koroh, il-Kummissjoni llum ressqet ġabra ta' miżuri konkreti biex jissaħħu l-impjiegi. Il-proposta tiffoka fuq il-lat tad-domanda tal-ħolqien tal-impjiegi, billi tistabbilixxi modi għall-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-impjegar billi jittaffew it-taxxi fuq ix-xogħol jew jitħeġġu aktar l-istart-ups. Tidentifika wkoll l-oqsma bl-akbar potenzjal ta’ impjiegi għall-ġejjieni: l-ekonomija ekoloġika, is-servizzi tas-saħħa u l-ICT. Il-komunikazzjoni dwar il-politika tenfasizza l-ħtieġa ta’ dimensjoni tal-impjiegi u soċjali aktar b’saħħithom fil-governanza tal-UE u tippreskrivi modi li jinvolvu aktar lir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema biex jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE.

Fi kliem il-President Barroso: “L-Ewropa teħtieġ strateġija għall-ħolqien tal-impjiegi biex tindirizza l-livell ta’ qgħad inaċċettabbli tagħha. L-UE għandha potenzjal kbir li għadu mhux sfruttat biex tqawwi l-ħolqien tal-impjiegi. Ilkoll flimkien, l-ekonomija ekoloġika, il-qasam tas-saħħa u s-setturi tat-teknoloġija l-ġdida se joħolqu aktar minn 20 miljun impjieg fis-snin li ġejjin. L-Istati Membri jeħtieġu jaħtfu dawn l-opportunitajiet, jimmobbilizzaw ir-riżorsi eżistenti u jħeġġu s-swieq tax-xogħol tagħhom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali. Flimkien jirnexxielna nwettqu dan."

Waqt li ppreżenta l-pakkett il-ġdid fi Strasburgu, László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "il-livelli attwali ta’qgħad fl-UE huma drammatiċi u inaċċettabbli. Il-ħolqien tal-impjiegi għandu jsir prijorità reali Ewropea". Żied jgħid: “Jekk irridu nirrestawraw it-tkabbir ekonomiku u nsibu rkaptu ta' bidliet strutturali maġġuri bħal ekonomija aktar ekoloġika, il-popolazzjoni li qed tixjiħ u t-tibdil teknoloġiku, l-UE teħtieġ suq tax-xogħol Ewropew dinamiku u inklussiv.”

1. Il-pakkett għall-impjiegi jħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki nazzjonali tagħhom tal-impjiegi. B’mod partikolari, dan jinkludi proposti għall-Istati Membri biex:

  • Joħolqu kundizzjonijiet tajbin għall-ħolqien tal-impjiegi u d-domanda tax-xogħol bħal sussidji għall-impjegar li jwasslu għall biex jinħolqu impjiegi ġodda, trasferiment mit-taxxa (newtrali għall-baġit) fuq ix-xogħol għal taxxi ambjentali, jew l-appoġġ gћal min irid jaħdem għal rasu.

  • Jisfruttaw l-oqsma ta’ bosta impjiegi potenzjali għall-ġejjieni bħall-ekonomija ekoloġika fejn 20 miljun impjieg jistgħu jiġu maħluqa bejn issa u l-2020 u biex jinkludu l-impjiegi ekoloġiċi fil-Pjanijiet Nazzjonali tax-Xogħol tagħhom, b’tisħiħ tal-intelliġenza fil-ħiliet ekoloġiċi.

  • Itejbu l-ippjanar u t-tbassir tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa biex il-provvista ta’ professjonisti tas-saħħa tlaħħaq aħjar mad-domanda filwaqt li dawn jiġu offruti prospetti tax-xogħol fit-tul u jiġi stimulat skambju dwar strateġiji innovattivi u effettivi għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-ħaddiema tas-saħħa. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tniedi konsultazzjoni dwar opportunitajiet ta' impjieg fis-servizzi personali u tal-unitajiet domestiċi.

  • Jappoġġjaw żieda fix-xogħol speċjalizzat fl-ICT u jippromwovu l-ħiliet diġitali fil-forza tax-xogħol kollha.

2. Il-Komunikazzjoni tistipula wkoll oqsma ewlenin għar-riforma biex b’hekk is-swieq tax-xogħol isiru aktar dinamiċi u inklużivi u għalhekk aktar adattabbli għall-bidla ekonomika. Dawn il-proposti jinkludu:

  • Azzjonijiet imsejsa fuq il-lezzjonijiet li għallmitna l-kriżi, bħall-istimolu tal-flessibilità interna biex innaqqsu l-insikurezza fl-impjiegi u l-ispejjeż fiskali;

  • It-twaqqif ta' pagi diċenti u sostenibbli u l-evitar ta’ ingann bil-pagi baxxi;

  • L-iżgurar ta’ arranġamenti kuntrattwali xierqa biex jiġi evitat l-użu eċċessiv ta' dawk mhux standard. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm riżultati konkreti fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, kif ukoll l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja li huwa kruċjali għas-sigurtà fl-impjieg u l-produttività.

  • B’erba’ miljun impjieg li għadhom vakanti madwar l-UE, il-"pakkett tal-impjiegi” jappella għal aktar investiment fil-ħiliet biex jindirizza t-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet mas tas-swieq tax-xogħol fl-Ewropa, kif ukoll il-previżjoni aħjar tal-ħiliet meħtieġa. Dan jipproponi strumenti speċifiċi li jtejbu r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki u jqarrbu id-dinjiet tal-edukazzjoni u x-xogħol lejn xulxin.

3. Il-“pakkett tal-impjiegi” jimmira wkoll biex jinħoloq suq tax-xogħol tal-UE ġenwin:

  • Għat-titjib tal-mobilità tax-xogħol, il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, permezz, ngħidu aħna, tat-titjib tal-portabbiltà tal-pensjonijiet, it-trattament fiskali ta’ ħaddiema transkonfinali jew l-għarfien dwar id-drittijiet u l-obbligi. Hija tappella lill-Istati Membri biex jippermettu l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad għal dawk li qed ifittxu x-xogħol f’pajjiż ieħor (għal perjodu sa sitt xhur). Hija qed twassal ukoll messaġġ qawwi lill-gvernijiet biex ineħħu r-ristrezzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija u biex jippermettu l-aċċess għal ċittadini minn Stati Membri oħra għal impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika.

  • Għat-titjib tat-tqabbil tal-impjiegi ma' min qed ifittex xogħol, il-pakkett jipproponi li jiġi ttrasformat il-portal EURES għal dawk li qed ifittxu x-xogħol fi strument verament Ewropew tal-pjazzament u r-reklutaġġ, filwaqt li jipprevedi (mill-2013) applikazzjonijiet onlajn innovattivi self-service li jipprovdu lill-utenti, b’mod ċar u minnufih, mappa ġeografika tal-offerti għax-xogħol fl-Ewropea.

4. Fl-aħħar nett, il-pakkett tal-impjieg iwitti t-triq għal koordinazzjoni rrinfurzata u monitoraġġ tal-politiki tal-impjiegi fil-livell tal-UE skont il-governanza ekonomika fl-UE. Mill-2013, u bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni qed tippjana li tintroduċi tabella li żżomm kont tal-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Impjiegi tagħhom. Sabiex issaħħaħ l-involviment tal-UE u tal-imsieħba soċjali nazzjonali fit-tfassil tal-politika tal-impjiegi, il-Kummissjoni ressqet pjanijiet għal skambji ta' fehmiet u monitoraġġ fil-livell tal-UE dwar l-iżviluppi tal-pagi. Fl-aħħar nett, il-pakkett jenfasizza ħolqa importanti bejn il-politika u l-istrumenti finanzjarji tal-UE (bħall-Fond Soċjali Ewropew) fl-appoġġ tal-prijoritajiet u r-riformi tal-pajjiżi fil-qasam tax-xogħol.

Kuntest

Il-pakkett se jiġi diskuss f'konferenza ta' livell għoli dwar l-impjiegi fis-6-7 ta’ Settembru li se tkompli timmobilizza lill-imsieħba kollha biex jimplimentaw il-miżuri mħabbra. Il-Pakkett tal-Impjiegi tal-lum jinkludi l-Komunikazzjoni politika tal-Kummissjoni “Lejn irkupru msejjes fuq ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” u disa’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li minnhom tnejn huma dokumenti ta’ konsultazzjoni:

  • Xejriet u sfidi fis-suq tax-xogħol (dokument analitiku)

  • Qafas ta' kwalità għall-apprentistati (dokument ta’ konsultazzjoni)

  • L-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ: l-ewwel passi meħuda (rapport ta’ progress)

  • L-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi tat-tkabbir ekoloġiku

  • L-isfruttament tal-potenzjal tax-xogħol tal-ICTs

  • Pjan ta’azzjoni għall-forza tax-xogħol tal-UE fil-qasam tas-saħħa

  • Il-forza tax-xogħol tas-servizzi tal-unitajiet domestiċi (dokument ta' konsultazzjoni)

  • Swieq tax-xogħol miftuħa, dinamiċi u inklużivi (valutazzjoni tal-kunċett ta’ flessigurtà)

  • Ir-riforma tas-Servizzi tal-Impjiegi Ewropej biex jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020 (dettalji tar-riforma tal-EURES)

Għal aktar informazzjoni:

Komunikazzjoni: Lejn irkupru msejjes fuq ħolqien abbundanti ta’ impjiegi: MEMO/12/252

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7619&langId=en

Bil-Franċiż:http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7619&langId=fr

Bil-Ġermaniż:http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7619&langId=de

Id-dokumenti kollha inklużi d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1270&furtherNews=yes

Bil-Franċiż:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=fr&catId=89&newsId=1270&furtherNews=yes

Bil-Ġermaniż:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=de&catId=89&newsId=1270&furtherNews=yes

Il-monitoraġġ tal-impatt soċjali tal-kriżi: perċezzjonijiet tal-pubbliku fl-Unjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ EMPL dwar l-Istrateġija għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=101

Kuntatti :

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Nadège Defrère (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website