Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

'We Mean Business': Il-Kummissjoni tniedi kampanja biex il-kollokamenti tax-xogħol jingħataw spinta

Brussell, is-17 ta 'April 2012 – Illum il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-kampanja “We Mean Business”, li għandha l-għan li tħeġġeġ lill-kumpaniji joħolqu aktar kollokamenti għall-apprentisti biex jissaħħu l-ħiliet u l-impjegabilità taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, l-apprentistati jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ biex mill-edukazzjoni u t-taħriġ jgħaddu mingħajr xkiel għall-ewwel impjieg tajjeb. Il-kollokamenti jistgħu wkoll ikunu ta' vantaġġ għall-kumpaniji, għaliex dawn għandhom il-potenzjal li jippermettulhom jidentifikaw impjegati futuri eċċellenti li jistgħu, permezz tal-ideat frisk tagħhom, ikunu ta' importanza fil-produttività u l-kompetittività tal-ġejjieni. Fl-2012-2013, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ finanzjarju b'total ta' 280 000 kollokament permezz tal-iskemi Leonardo da Vinci u Erasmus għal studenti vokazzjonali u ta’ edukazzjoni ogħla.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: “We Mean Business" se tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li laħaq livelli għolja u inaċċettabbli f 'xi pajjiżi tal-UE. B'mod partikolari, irridu nissensibilizzaw lin-nies dwar il-valur tal-kollokamenti internazzjonali, li jistgħu jtejbu l-ħiliet lingwistiċi ta' individwu kif ukoll ngħinuhom ikunu aktar adattabbli u kunfidenti magħhom infushom. L-istudji tagħna juru li kulma jmur dawk li jħaddmu qegħdin japprezzaw dejjem aktar dawn it-tipi ta' ħiliet."

L-istħarriġiet jenfasizzaw li ftit huma l-kumpaniji li huma konxji tal-possibbiltà li jistgħu jilqgħu magħhom apprentist fi ħdan il-qafas ta' programm Ewropew1. Il-kampanja "We Mean Business" għandha l-għan li tibdel din is-sitwazzjoni u tagħti prova tal-benefiċċji tal-kollokamenti internazzjonali lin-negozji.

Il-kampanja għandha websajt apposta, li fiha tagħrif u links dwar kif torganizza jew kif issib kollokament Ewropew. Se jsiru avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri li huma mmirati lejn il-kmamar tal-kummerċ, l-aġenziji għall-iżvilupp reġjonali, l-organizzazzjonijiet għall-appoġġ tan-negozji u "multiplikaturi" oħra li jistgħu jixtħu dawl fuq il-benefiċċji tal-kollokamenti għall-kumpaniji.

L-Isfond

Bħala parti mill-inizjattiva "Youth Opportunities" tagħha, li tħabbret f’Diċembru tal-2011 (IP/11/1568), il-Kummissjoni Ewropea ntrabtet li żżid bi 30% l-għadd ta’ kollokamenti tax-xogħol tal-Leonardo da Vinci u l-Erasmus għall-istudenti vokazzjonali u ta’edukazzjoni ogħla. Fl-2012, mill-inqas 130 000 żgħażugħ ser jirċievu appoġġ għal apprentistat f'post tax-xogħol barra pajjiżhom. Is-sena d-dieħla, din iċ-ċifra għandha titla' għal 150 000.

L-istudji juru li l-apprentisti b'ħiliet fil-lingwi barranin jistgħu jgħinu lill-intrapriżi jidħlu fi swieq ġodda. Fl-istess ħin, in-negozji b'forzi tax-xogħol li għandhom nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi u komunikattivi għandhom mnejn iġarrbu spejjeż minħabba l-opportunitajiet mitlufa. Fi stħarriġ tal-Kummissjoni tal-2006 ta' kważi 2000 negozju Ewropew, 11% ta' dawk li rrispondew spiċċaw tilfu xi kuntratt minħabba nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi, li b'kollox swielhom sa EUR 50 miljun2.

F'simultanjetà mal-kampanja 'We Mean Business', għada (it-18 ta' April) l-Kummissjoni se tadotta pakkett komprensiv ta' miżuri ġodda maħsub biex iwassal għal irkupru mimli impjiegi. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu se jkun li jistimola r-reklutaġġ fl-ekonomija ekoloġika, is-servizzi tas-saħħa u l-ICT.

Għal aktar tagħrif:

Aktar tagħrif dwar l-Inizjattiva dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ : http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1006&langId=mt

Il-websajt tal-kampanja: http://we-mean-business.europa.eu

http://ec.europa.eu/culture

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

1 :

L-Istħarriġ Belgo-Taljan tal-Kamra tal-Kummerċ, 2010

2 :

ELAN: effects on the European economy of shortages of foreign language skills in enterprise (l-effetti tan-nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi barranin fl-intrapriża fuq l-ekonomija Ewropea), 2006, http://ec.europa.eu/languages/languages-mean-business/files/elan-full-report_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website