Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tkabbir ekonomiku għall-Greċja: Il-Kummissjoni turi t-triq lejn l-ixprunar tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi

European Commission - IP/12/377   18/04/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Tkabbir ekonomiku għall-Greċja: Il-Kummissjoni turi t-triq lejn l-ixprunar tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi

Brussell, it-18 ta’ April 2012 - Wara bosta xhur ta’ kriżi, issa jeżistu l-kundizzjonijiet biex fil-Greċja nibdew mexjin lil hinn mill-kriżi u lejn it-tkabbir. Il-Ftehim dwar it-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku u s-suċċess tal-ftehim tat-tnaqqis fid-dejn mas-settur privat ifissru li issa l-isforzi kollha jistgħu jibdew jiġu kkonċentrati fuq it-tkabbir u l-impjiegi li tant hemm bżonnhom. Illum il-Kummissjoni fissret ir-raġunijiet li minħabba fihom temmen li l-Greċja tista’ tittrasforma ruħha – bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament maqbul u bl-appoġġ kontinwu u s-solidarjetà tal-UE, mogħtija direzzjoni mill-Kummissjoni. F'Komunikazzjoni ġdida il-Kummissjoni tenfasizza l-passi li għandhom isiru matul l-2012 bħala parti mill-programm u tispjega l-firxa enormi ta' miżuri ta’ appoġġ li hija tista’ timmobilizza biex tgħin lill-Greċja tibda’ tiġġenera dinamiżmu ekonomiku ġdid, ħolqien tal-impjiegi u koeżjoni soċjali.

Il-President Barroso qal: "Il-poplu tal-Grecja mhux qiegħed jitħalla waħdu fl-isforzi tiegħu biex il-pajjiz jerġa’ lura lejn it-tkabbir u l-impjiegi. L-UE u l-komunità internazzjonali aktar wiesgħa wrew solidarjetà mal-poplu tal-Greċja fuq skala li qatt ma rajna bħala qabel. Ġie mobilizzat pakkett ta’ għotjiet, self u ħfir ta’ dejn li jammonta għal € 380 biljun. Is-sagrifiċċji li qed isiru mill-poplu Grieg se jwasslu għal riżultati pożittivi dalwaqt hekk kif il-Greċja tħaddan l-azzjonijiet ta' prijorità għall-2012, li ġew identifikati mill-Kummissjoni llum. "

Il-Komunikazzjoni tfisser ukoll l-impatt tal-kriżi fuq il-Greċja, tagħti d-dettalji tal-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE u tal-għajnuna teknika pprovduta u tispjega kif ċerti linji ta’ politika ewlenin tal-UE jgħinu biex jiġu mgħejjuna t-tkabbir u l-impjiegi fil-Greċja.

L-Isfond

L-Unjoni Ewropea qed tgħin lill-Greċja f’termini finanzjarji u prattiċi. Il-finanzjament mill-UE għall-perjodu 2007-2013 jammonta għal €40 biljun. Is-settur privat aċċetta li jaħfer €100 biljun mid-dejn tiegħu u l-assistenza finanzjarja mill-UE u mis-sħab internazzjonali tammonta għal €240 biljun. Dan huwa ekwivalenti għal €33 600 għal kull abitant Grieg. Jew 177% tal-PDG Grieg.

It-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku għandu jitwettaq bis-sħiħ. Huwa programm multiannwali u jrid jgħaddi xi żmien qabel dan jilħaq l-impatt kollu tiegħu. Fil-Komumikazzjoni tal-lum il-Kummissjoni tenfasizza tliet oqsma ewlenin fejn wieħed jista’ jistenna li l-azzjoni li tittieħed mill-awtoritajiet Griegi matul l-2012, bħala parti mill-programm, tagħti riżultati promettenti sa tmiem l-2012. Dawn huma:

  • Jinkiseb kontroll fuq il-finanzi pubbliċi u d-dħul pubbliku b’mod li l-finanzi pubbliċi jsiru sostenibbli wara ċertu zmien;

  • L-ekonomija reali jinfetħilha l-aċċess għas-self billi l-banek jiġu rikapitalizzati u l-SMEs jkunu jistgħu jiksbu self li jistgħu jifilħu;

  • In-negozji tingħatalhom il-possibbiltà li jkunu l-mutur tat-tkabbir - riforma maġġuri tal-ambjent tan-negozju hija meħtieġa b’mod urġenti sabiex il-Greċja terga’ ssir post fejn l-investituri domestiċi u barranin jkollhom fiduċja biex jinvestu u joħolqu l-impjiegi.

Il-Komumikazzjoni tagħti dettalji dwar kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jingħataw self u garanziji lill-SMEs fil-Greċja (hemm disponibbli € 4 biljuni) u l-UE biddlet ir-regoli tagħha biex tagħmilhom aktar flessibbli u eħfef fl-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ bħalissa fil-Greċja. Tiddeskrivi miżuri meħtieġa biex in-negozju fil-Greċja jkun il-mutur tat-tkabbir, pereżempju billi tiġi ffaċilitata u promossa l-esportazzjoni, jiġi mmodernizzat u ssimplifikat l-ambjent regolatorju, kumpaniji tal-istat jitħejjew għall-privatizzazzjoni u jiġu mmodernizzati setturi bħal ma huma dak tal-enerġija u t-trasport.

Il-Komunikazzjoni tispjega wkoll kif il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet Griegi fejn jidħol l-impatt soċjali tal-kriżi. It-Tieni Programm ta’ Aġġustament Ekonomikku tfassal biex jitħares l-appoġġ għal dawk vulnerabbli, pereżempju billi jiġi żgurat li t-tnaqqis fil-pensjonijiet ikun immirat, u jitħarsu dawk li jkunu qed jieħdu l-anqas ammont ta’ pensjoni, billi tiġi miġġielda l-frodi fil-benefiċċji soċjali, billi jitnaqqsu l-kosti tas-sistema tas-saħħa mingħajr ma jitqiegħed fil-periklu l-livell ta’ kura u billi tiżdied il-ġustizzja fis-sistema fiskali. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi biex tgħin lil żgħażagħ qiegħda billi tgħinhom jiksbu esperjenza ta' xogħol, billi jinfirxu l-apprendistati, billi tingħata promozzjoni lill-imprenditorija fost iż-żgħażagħ u wkoll billi tappoġġja perjodu ta’ studju u taħriġ fi Stati Membri oħra tal-UE. Il-Fondi Strutturali tal-UE qed ikunu ta' għajnuna ekonommika temporanja għal gruppi li jsofru minn xi żvantaġġ. Dawn il-miżuri se jakkumpanjaw il-modernizzazzjoni tas-suq tax-xogħol Grieg bħala parti mir-restawr tal-kompetittività tal-kosti tal-Greċja.

Il-modernizzazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tal-Greċja hija wkoll parti kruċjali tat-trasformazzjoni Griega kif ukoll li din tingħata futur aktar dinamiku, aktar ġust u soċjalment koeżiv. F’oqsma kruċjali bħal ma huma l-amministrazzjoni fiskali u l-ġbir tat-taxxa, ir-reġistrazzjoni tal-artijiet, ir-riforma ġudizzjarja, ir-ristrutturar tal-gvern lokali u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika l-Komunikazzjoni tfisser fejn il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza teknika u appoġġ finanzjarju permezz tat-Task Force iddedikat għall-Greċja.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/12/255 Tkabbir u impjiegi għall-Greċja – FAQ

Kopja sħiħa tal-komunikazzjoni tinstab hawn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/2012/04/20120418_speeches_2_en.htm

Aktar informazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force għall-Greċja tinstab hawn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/taskforce-greece/index_en.htm

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website