Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni ssaħħaħ l-indipendenza u l-affidabbiltà tal-istatistika tal-UE

Brussell, is-17 ta' April 2012 – Fi proposta adottata mill-Kummissjoni llum ġew stipulati miżuri aktar b'saħħithom li jiżguraw il-kwalità u l-kredibbiltà tal-istatistika tal-UE. Statistika ta' kwalità għolja u affidabbli hija fundamentali għat-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza. Id-domanda għal tali dejta żdiedet aktar fid-dawl tal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika li ġiet miftiehma fl-UE matul is-sena li għaddiet. Minbarra dan, avvenimenti ekonomiċi riċenti wrew l-importanza ta' statistika kredibbli fl-iżgurar tal-fiduċja tal-pubbliku u tas-swieq finanzjarji f'tali deċiżjonijiet. Għaldaqstant, b'konformità ma' dak li kien previst fis-"Six Pack" (ara MEMO/11/627), il-Kummissjoni pproponiet li ssir reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Istatistika sabiex issaħħaħ aktar, mil-lat legali, l-indipendenza, l-affidabbiltà u l-ġestjoni ta' kwalità tal-istatistika li ġejja mill-Istati Membri u kkompilata fil-livell tal-UE.

Il-proposta tiffoka fuq żewġ oqsma prinċipali: (i) l-indipendenza tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u b'mod partikolari, tal-kapijiet ta' dawn l-awtoritajiet; (ii) l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiffirmaw l-"Impenji ta' Fiduċja" u b’hekk jikkonfermaw li qed jieħdu impenn, tal-ogħla livell politiku, li jirrispettaw il-Kodiċi tal-Prattika Ewropew tal-Istatistika.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-istatistika qal: "Illum, iktar minn qatt qabel, irridu nkunu kapaċi nserrħu ras iċ-ċittadini li l-politiki mressqa – partikolarment dawk ekonomiċi – huma msejsa fuq dejtà ta' kwalità u affidabbli. Il-proposta ta' llum tissalvagwardja, mil-lat legali, l-indipendenza tal-istatistika Ewropea, u se tiżgura li din tkun konformi mal-ogħla standards."

Il-kuntenut tal-proposta

L-ewwel fokus tal-proposta huwa fuq l-indipendenza tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) u, b'mod partikolari, tal-kapijiet ta' dawn l-awtoritajiet. Il-kapijiet tal-NSIs għandhom jinħatru esklussivament fuq kriterji professjonali (jiġifieri mingħajr kwalunkwe motivazzjoni politika), bi trasparenza sħiħa, u għandhom ikunu kompletament awtonomi fil-ħidma tagħhom. Dawn għandhom ikunu indipendenti meta jiddeċiedu dwar kif għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata l-istatistika kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-uffiċċju tal-istatistika. F'dan il-kuntest, l-indipendenza tal-Eurostat, bħala l-koordinatur ċentrali u sorveljatur tas-Sistema Ewropea tal-Istatisika kollha hemm hi, hija affermata mill-ġdid fi ħdan il-qafas legali rivedut. Barra minn hekk, fil-ġimgħat li ġejjin il-Kummissjoni se tadotta Deċiżjoni dwar l-Eurostat fejn tikkonferma l-indipendenza professjonali tiegħu billi tiċċara l-ambitu istituzzjonali, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni. Hija enfasizzata wkoll ir-responsabbiltà tal-kapijiet tal-NSIs, u għandu jiġi ppreżentat rapport annwali dwar l-attivitajiet statistiċi u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-istitut lill-awtorità nazzjonali rilevanti.

It-tieni aspett importanti tal-proposta ta' llum huwa li l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiffirmaw l-"Impenji ta' Fiduċja". Permezz ta' dan, se jkunu qed jieħdu impenn, tal-ogħla livell politiku, li jirrispettaw il-Kodiċi tal-Prattika Ewropew tal-Istatistika, biex jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-NSIs u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-istatistika. Dawn l-Impenji għandhom jiġu ffirmati mill-gvernijiet nazzjonali u se jkunu kontrofirmati mill-Kummissjoni. L-adeżjoni ma’ dawn l-Impenji se tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni (l-Eurostat).

Fl-aħħarnett, il-proposta tistabbilixxi sensiela ta' dispożizzjonijiet li jestendu u jiżguraw l-aċċess għal dejta amministrattiva għall-produzzjoni ta' statistika Ewropea.

Sfond

Il-Kodiċi ta' Prattika Ewropew tal-Istatistika kien miftiehem għall-ewwel darba fl-2005 u ġie sussegwentement rivedut fl-2011. Il-Kodiċi jistabbilixxi 15-il prinċipju, flimkien ma' indikaturi ta' prattika tajba, relatati mal-ambjent istituzzjonali, il-proċessi ta' produzzjoni ta' statistika u l-ħruġ ta' statistika. L-indipendenza professjonali, l-impenn lejn il-kwalità, il-metodoloġija soda u r-rilevanza tal-istatistika huma fost dawn il-prinċipji.

Il-qafas legali bażiku li jirregola l-istatistika ġie mmodernizzat fl-2009, biex itejjeb l-effiċjenza tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, u permezz ta' dan setgħet tirreaġixxi għall-isfidi li kienet u li għadha qed taffronta. F'dan ir-rigward ġew introdotti strutturi ċari għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, kif ukoll stipular prijoritarju u mekkaniżmi ta' simplifikazzjoni.

Fl-2011, bħala reazzjoni għall-iżviluppi ekonomiċi li wrew il-ħtieġa ta' tisħiħ ulterjuri tal-kredibbiltà tal-istatistika, il-Kummissjoni ressqet il-Komunikazzjoni tagħha "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea" (COM (2011) 211). Il-Komunikazzjoni tistipula l-modi kif tista' tissaħħaħ il-governanza tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS), inklużi l-idea ta' "Impenji ta' Fiduċja" u miżuri legali li jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-NSIs.

L-indipendenza professjonali tal-NSIs kienet espliċitament rikonoxxuta fil-leġiżlazzjoni tas-"Six Pack" dwar governanza ekonomika msaħħa.

Il-proposta ta' llum biex jiġi rivedut il-qafas legali tal-istatistika Ewropea ssegwi dawn l-iżviluppi u tirreaġixxi għalihom.

ll-proposta issa se tiġi kkomunikata lil-leġiżlatur Ewropew għad-diskussjoni u adozzjoni konċernati.

+ COM (2012)167

Contacts :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website