Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-progress fl-ugwaljanza bejn is-sessi jwassal għat-tkabbir ekonomiku, jgħid ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea

Brussell, is-16 ta’ April 2012 - Skont l-aħħar rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-titjib tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hu essenzjali għar-rispons tal-UE għall-kriżi ekonomika attwali. Ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar matul l-aħħar sena fil-konfront tal-inugwaljanzi li fadal bejn in-nisa u l-irġiel fl-impjiegi, l-ekonomija u s-soċjetà b’mod ġenerali. Filwaqt li sar ċertu progress biex jiżdied in-numru ta’ nisa f'pożizzjonijiet għolja fil-qasam tan-negozju u biex tonqos id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, għad fadal sfidi importanti. Il-pajjiżi tal-UE jridu jdaħħlu aktar nisa fis-suq tax-xogħol biex jirnexxilhom jilħqu l-miri ġenerali tal-UE ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75% għall-adulti kollha sal-2020. Mod wieħed ta’ kif tista’ titjieb il-kompetittività tal-Ewropa hu billi jinkiseb aktar bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-pożizzjonijiet li jinvolvu t-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi. Studji wrew li d-diversità tas-sessi toffri aktar benefiċċji u l-kumpaniji b’persentaġġi ogħla ta’ nisa fil-bordijiet korporattivi jiffunzjonaw aħjar minn dawk b’bordijiet magħmulin minn irġiel biss.

"It-teżi ekonomika biex ikun hemm aktar nisa jaħdmu u f'karigi għolja fl-UE hi f'saħħitha mmens," qalet Viviane Reding, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Aħna nistgħu biss nilħqu l-miri ekonomiċi tagħna u dawk tal-impjiegi dment li nagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi umani kollha tagħna kemm fis-suq tax-xogħol bħala entità sħiħa u kemm fl-ogħla livelli. Dan jagħmel parti essenzjali mill-pjanijiet tagħna għall-irkupru ekonomiku."

Ir-rapport tal-lum dwar il-progress li sar matul l-2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hu parti mir-rapport usa' tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fl-aħħar sena (IP/12/370). Dan jenfasizza l-iżviluppi ewlenin kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak Ewropew fil-ħames oqsma ewlenin tal-istrateġija ġenerali tal-UE favur l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2010-2015, jiġifieri: l-ekonomija, il-pagi indaqs, it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-vjolenza marbuta mas-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi lil hinn mill-UE.

Fis-suq tax-xogħol, ir-rata tal-impjieg tan-nisa hi 62.1%, meta mqabbla ma' 75.1% għall-irġiel, li jfisser li l-UE tista' tilħaq ir-rata ta’ impjieg globali ta’ 75% kif immirata għall-Ewropa 2020 dment li timpenja ruħha b’mod qawwi lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. Skont l-istrateġija għall-Ewropa 2020, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tippromwovi bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, b’mod partikolari permezz ta’ kura adegwata tat-tfal, aktar aċċess għal arranġamenti flessibbli tax-xogħol, u billi jkun żgurat li s-sitemi ta’ taxxa u benefiċċji ma jikkastigawx it-tieni dħul (IP/11/685). Dan kollu jista’ jgħin biex jiżgura li aktar nisa jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi naqset kemxejn madwar l-UE. Bħala medja, in-nisa jaqilgħu 16.4% anqas mill-irġiel għal kull siegħa xogħol. Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi hi kkawżata minn diversi fatturi bħas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol u differenzi fl-għażliet edukattivi. It-tieni Jum Ewropew għall-Paga Ugwali enfasizza din il-kwistjoni u s-soluzzjonijiet potenzjali (IP/12/211). Il-progress limitat fi ħdan il-bordijiet tal-kumpaniji biex tonqos id-differenza fil-pagi bejn is-sessi wassal biex il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-miżuri possibbli fil-livell tal-UE biex tkun indirizzata din il-problema, li hi ta’ riskju għall-avvanz tal-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa (IP/12/213).

Finalment, il-Kummissjoni għamlet pass importanti biex tilħaq l-għan li tintemm il-vjolenza bbażata fuq is-sessi billi pproponiet pakkett ta' miżuri biex issaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità (IP/11/585). Dan inkluda sensiela ta’ miżuri mmirati b’mod speċifiku biex jgħinu lin-nisa li jisfaw vittmi ta’ vjolenza domestika.

Kuntest

Il-promozzjoni ta' ugwaljanza akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet hi waħda mill-miri stabbiliti fil-Karta Ewropea tan-Nisa (ara IP/10/237), li ġiet imnedija mill-President José Manuel Barroso u mill-Viċi President Reding f’Marzu 2010. Il-Kummissjoni segwiet dawn l-impenji billi adottat Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi f’Settembru 2010 għall-ħames snin li ġejjin (ara IP/10/1149 u MEMO/10/430). L-Istrateġija tistipula serje ta' azzjonijiet fost erba' oqsma oħra flimkien mal-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet: l-indipendenza ekonomika ugwali; il-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali; id-dinjità, l-integrità u t-tmiem tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi; u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni.

Ammont ta’ evidenza li dejjem qed jikber juri li hemm benefiċċji ekonomiċi sinifikanti li jirriżultaw minn bilanċ aħjar bejn is-sessi fit-teħid ta’deċiżjonijiet ekonomiċi. Il-preżenza ta’ aktar nisa fl-ogħla impjiegi tista' tikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol aktar produttiv u innovattiv kif ukoll għal titjib fil-prestazzjoni tal-kumpanija b’mod ġenerali. Dan ikompli jsaħħaħ il-kompetittività. In-nisa jirrappreżentaw 60% tal-gradwati universitarji ġodda iżda huma ftit dawk li jaslu fil-quċċata tal-kumpaniji. Il-ftuħ tal-bibien għall-ogħla pożizzjonijiet iservi bħala inċentiv għan-nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, li jgħin biex jogħlew ir-rati tal-impjiegi tan-nisa u jsir użu aħjar mill-potenzjal tan-nisa bħala riżorsi umani.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-kamra tal-aħbarijiet tad-DĠ għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/index_mt.htm

Video clip – id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-pay-gap/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website