Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel id-drittijiet fundamentali realtà għaċ-ċittadini

European Commission - IP/12/370   16/04/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel id-drittijiet fundamentali realtà għaċ-ċittadini

Brussell, is-16 ta’ April 2012 – Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE – li issa ilha fis-seħħ u legalment vinkolanti għal aktar minn sentejn – iggwidat it-tfassil tal-liġijiet fl-UE sa mill-ewwel abbozz tagħhom sal-mument li jsiru parti mil-leġiżlazzjoni uffiċjali. Il-Karta tesponi d-drittijiet fundamentali - bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali – li jirriflettu l-valuri komuni tal-Ewropa u l-patrimonju kostituzzjonali tagħha. Fit-tieni rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Karta jingħad li fit-tfassil tal-politika tal-UE qed jiġu dejjem aktar integrati elementi li jolqtu d-drittijiet fundamentali. Pereżempju, il-vjaġġaturi se jkunu intitolati li jagħżlu li ma jgħaddux mill-iskennjar ta' sigurtà fl-ajruporti tal-UE u minflok jiġu skrinjati bl-użu ta’ metodi oħra, bis-saħħa tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni biex tintegra t-tħassib dwar il-privatezza f’liġi ġdida tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE qed tirreferi dejjem aktar għall-Karta, notevolment f’deċiżjonijiet ta’ importanza fundamentali bħalma huma każijiet ta’ diskriminazzjoni sesswali u l-privatezza tal-internet. Ir-rapport li ħareġ illum huwa parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex jitqajjem għarfien dwar il-Karta fost in-nies, dwar meta tapplika, u dwar ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

"L-għan ewlieni tiegħi tul l-aħħar sentejn, mindu l-Karta saret vinkolanti, kien li tinħoloq kultura tad-drittijiet fundamentali soda madwar l-UE. Il-Karta għamiltha l-boxxla għal-linji ta’ politika kollha deċiżi fil-livell tal-UE," qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Issa neħtieġu li ngħinu liċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-prattika billi naħdmu mal-Istati Membri biex niżguraw li n-nies ikunu jafu għand min jistgħu jirrikorru jekk id-drittijiet tagħhom jinkisru."

Ir-rwol ewlieni tal-Karta huwa li jiġi ggarantit li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali meta jkunu qed jitħejjew liġijiet Ewropej ġodda. Kwistjonijiet li jolqtu d-drittijiet fundamentali huma issa parti inerenti mit-tħejjija ta’ liġijiet ġodda tal-UE. Pereżempju, fl-2011, dan għen biex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE dwar l-użu ta’ skenners tas-sigurtà fl-ajruporti jkunu tat-tip li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ dejta personali, tal-ħajja privata u tad-dinjità (IP/11/1343).

Il-Kummissjoni mhux biss tiggarantixxi li l-proposti tagħha jkunu kumpatibbli mal-Karta, iżda tiżgura wkoll li l-Karta tiġi rispettata meta l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi tal-UE. Fl-2011, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-indipendenza tal-awtorità dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-Ungerija u miżuri rigward l-età tal-irtirar tal-imħallfin, il-prosekuturi u n-nutara pubbliċi. Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur biex tiżgura li l-Ungerija tindirizza dak kollu li kien ta’ tħassib għaliha fejn jidħlu liġijiet (IP/12/222).

Fl-istess ħin, il-Karta kull ma jmur qed tkun ta’ għajnuna fit-tfassil ta’ deċiżjonijiet mill-qorti. Fl-2011, in-numru ta’ deċiżjonijiet li jikkwotaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta żdied b’50% kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Sentenza ta’ importanza fundamentali bħal din mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE enfasizzat id-dritt ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil għal protezzjoni kontra trattament inuman jew degradanti meta kienet qed tiċċara r-regoli tal-UE għad-determinazzjoni ta’ liema pajjiż għandu jittratta applikazzjoni għall-ażil (MEMO/11/942). Id-deċiżjoni effettivament tipprojbixxi t-trasferimenti ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil lejn pajjiżi fejn il-kundizzjonijiet mhux xierqa jkunu jistgħu jikkompromettu d-drittijiet fundamentali tagħhom. F’Marzu 2011, il-Qorti ddeċidiet fil-każ Test-Achats li primjums differenti għall-irġiel u għan-nisa jikkostitwixxu diskriminazzjoni sesswali (MEMO/11/123) u, f’Novembru 2011, li jekk fornitur tas-servizz tal-Internet jiġi ordnat jistalla sistema ta’ filtrazzjoni biex ma jsirx ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, dan min-naħa tiegħu jkun ksur tad-dritt tal-konsumaturi li jirċievi u jibgħat informazzjoni (il-kaz Scarlet v. SABAM).

Iċ-ċittadini huma aktar konxji tal-Karta (64% fost l-Ewropej kollha, imqabbel ma’ 48% fl-2007), skont l-istħarriġ Flash Eurobarometer il-ġdid (Flash EB 340) dwar il-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali li wkoll ħareġ illum. Ħamsa u erbgħin fil-mija tal-ittri taċ-ċittadini lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali kkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-Karta tista’ tiġi applikata. Madankollu, għadu limitat it-tagħrif dettaljat dwar meta l-Karta tapplika. Ħamsa u sittin fil-mija tal-Ewropej jgħidu li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar fejn għandhom jirrikorru meta jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom skont il-Karta.

Spiss jiġri li fost iċ-ċittadini tal-UE jinfirex malintiż dwar l-iskop tagħha u s-sitwazzjonijiet fejn il-Karta tapplika jew ma tapplikax, kif ukoll dwar ir-rwol tal-UE. Aktar minn nofs l-ittri lill-Kummissjoni (55%) fl-2011 kienu lil hinn mill-kompitu tal-liġi tal-UE. Hemm impressjoni komuni fost il-pubbliku li l-Karta tagħti xi dritt ġenerali lill-Kummissjoni biex tintervjeni meta jiġi suspettat li d-drittijiet fundamentali jkunu ġew miksura xi mkien fl-UE. Dan mhuwiex il-każ. Il-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. Kull pajjiż tal-UE jipproteġi d-drittijiet permezz tal-kostituzzjoni nazzjonali tiegħu stess u permezz tal-qrati. Il-Karta ma tiħux posthom. F’dawn il-każijiet, jekk xi ħadd iħoss li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru, huma xorta jkollhom bżonn, fl-ewwel istanza, li jieħdu l-każ tagħhom quddiem qorti nazzjonali jew li jfittxu l-għajnuna minn ombudsman nazzjonali.

Kuntest

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti.

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat strateġija biex jiġi żgurat li l-Karta tiġi implimentata b'mod effettiv. Hija żviluppat "Lista ta' Kontroll tad-Drittijiet Fundamentali" sabiex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali tal-proposti leġiżlattivi tagħha (ara l-Anness). Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar meta hija tkun tista' tintervjeni fi kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali u li tippubblika Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta sabiex tissorvelja l-progress miksub.

Il-Kummissjoni qed taħdem mal-awtoritajiet rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll fil-livell tal-UE biex tinfurma aħjar lin-nies dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom u dwar għand min għandhom jirrikorru jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura. Il-Kummissjoni issa tipprovdi informazzjoni prattika dwar l-infurzar tad-drittijiet personali permezz ta’ portal dwar is-sistema ta' ġustizzja Elettronika u stabbilixxiet djalogu dwar kif ikunu ttrattati l-ilmenti dwar id-drittijiet fundamentali ma’ ombudsmen, korpi tal-ugwaljanza u istituzzjonijiet tad-drittijiet umani.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-drittijiet fundamentali:

http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights

Il-Kummissjoni Ewropea – Il-kamra tal-aħbarijiet tad-DĠ tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Rapport tal-Flash Eurobarometer dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

ANNESS

1. Ħarsa ġenerali lejn l-ittri u l-mistoqsijiet dwar id-drittijiet fundamentali

2. Sehem tal-ittri skont is-suġġett

3. “Il-lista ta’ verifika tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali”

1. Which fundamental rights are affected?

2. Are the rights in question absolute rights (which may not be subject to limitations, examples being human dignity and the ban on torture)?

3. What is the impact of the various policy options under consideration on fundamental rights? Is the impact beneficial (promotion of fundamental rights) or negative (limitation of fundamental rights)?

4. Do the options have both a beneficial and a negative impact, depending on the fundamental rights concerned (for example, a negative impact on freedom of expression and beneficial one on intellectual property)?

5. Would any limitation of fundamental rights be formulated in a clear and predictable manner?

6. Would any limitation of fundamental rights:

- be necessary to achieve an objective of general interest or to protect the rights and freedoms of others (which)?

- be proportionate to the desired aim?

- preserve the essence of the fundamental rights concerned?

4. Kjarifiki dwar meta tapplika l-Karta u meta ma tapplikax

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website