Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Ambjent: Deheb mill-iskart – kif xi Stati Membri qed isarfu l-iskart f'riżorsa

Brussell, it-16 ta' April 2012 – L-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni għandhom rati ta' riċiklaġġ li jilħqu s-70 % u ma jordmu kważi xejn, filwaqt li oħrajn għadhom jarmu fil-miżbliet aktar minn tliet kwarti tal-iskart tagħhom. Kif irnexxilhom il-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni jsarfu l-problema tal-iskart f'riżorsa? Rapport ġdid mill-Kummissjoni Ewropea llum jispjega li dan huwa possibbli permezz ta' kombinazzjoni ta' strumenti ekonomiċi. Taħlita ta' taxxi u projbizzjonijiet marbuta mar-rimi f'miżbliet u l-inċinerazzjoni, skemi ta' responsabbiltà tal-prodottur u l-kunċett ta' 'ħallas skont kemm tarmi' wrew li huma l-aktar għodda effikaċi biex ibiddlu x-xejra fil-flussi tal-iskart lejn waħda aktar sostenibbli. Sabiex l-UE tilħaq l-għanijiet stipulati fil-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi – li ma jkun hemm ebda rimi fil-miżbliet, ikun hemm riċiklaġġ u użu mill-ġdid massimu u li l-irkuprar tal-enerġija jiġi limitat għal skart mhux riċiklabbli – se jkollhom jiġu introdotti dawn l-istrumenti b'mod aktar mifrux fost l-Istati Membri.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "L-iskart huwa prezzjuż wisq biex naqbdu u narmuh, u jekk jiġi ġestit sew tista' tqiegħed dak il-valur lura fl-ekonomija. Sitt Stati Membri issa jikkombinaw il-kunċett ta' żero skart fil-miżbliet ma' rati għolja ta' riċiklaġġ . Dawn mhux biss jisfruttaw il-valur tal-iskart iżda ħolqu industriji li qed jiffjorixxu u ħafna impjiegi fil-proċess. Dan ir-rapport juri kif kisbu dan: billi għamlu l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ aktar ekonomikament attraenti permezz ta’ għażla ta’ strumenti ekonomiċi. Issa għandna responsabbiltà komuni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex niżguraw li dawn l-istrumenti jkunu użati b’mod effikaċi u mifruxa madwar l-UE. Dan huwa wieħed mill-għanijiet ċentrali tal-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi."

L-esperjenza fl-Istati Membri turi li kombinazzjoni ta' dawn l-istrumenti hija l-aħjar mod biex tittejjeb il-ġestjoni tal-iskart:

  • Taxxi u/jew projbizzjonijiet fuq ir-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni – ir-riżultati tal-istudju huma inekwivokabbli: ir-rati ta' rimi fil-miżbliet u inċinerazzjoni naqsu f’pajjiżi fejn projbizzjonijiet jew taxxi żiedu l-ispejjeż għal dawn iż-żewġ sistemi.

  • Skemi ta' "Ħallas skont kemm tarmi" wrew li huma effiċjenti ħafna fil-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart u jħeġġu liċ-ċittadini biex jipparteċipaw fi ġbir separat tal-iskart.

  • Skemi ta' responsabbiltà tal-produttur ippermettew lil bosta Stati Membri li jiġbru u jqassmu l-fondi meħtieġa biex jittejbu l-ġbir separat u r-riċiklaġġ. Iżda l-kosteffiċjenza u t-trasparenza jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u bejn flussi ta' skart, għaldaqstant dawn l-iskemi jesiġu ppjanar u monitoraġġ bir-reqqa.

Differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri

Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-iskart. Skont rapport ippubblikat mill-Eurostat fis-27 ta’ Marzu (ara STAT/12/48), fl-aktar sitt Stati Membri avvanzati – il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi – inqas minn 3 % tal-iskart muniċipali tagħhom jintrema fil-miżbliet. Fl-estrem l-ieħor, 9 Stati Membri għadhom jarmu fil-miżbliet aktar minn 75 % tal-iskart muniċipali tagħhom. Statistika riċenti, ippubblikata mill-Eurostat turi progress kontinwu f’xi Stati Membri ġodda, fejn ir-rati ta' riċiklaġġ qed jiżdiedu b’mod rapidu. Il-ġenerazzjoni ta’ skart muniċipali naqset ukoll f 'diversi Stati Membri probabbilment minħabba tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

Strumenti ekonomiċi meħtieġa biex jiġu milħuqa l-għanijiet tal-UE

Jeħtieġ li jiġu replikati dawn l-istrumenti fl-Istati Membri kollha biex l-UE tkun tista' tilħaq il-miri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-iskart u l-miri tagħha għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Għalhekk, fl-analiżi tal-2014 tal-miri tal-UE għall-iskart se tiġi vvalutata l-possibbiltà li l-użu tagħhom isir legalment vinkolanti f'ċerti każijiet. Il-Kummissjoni se tinkludi wkoll il-ġestjoni soda tal-iskart fil-kundizzjonijiet biex jiġu mogħtija ċerti fondi Ewropej (ara IP/11/1159 u MEMO/11/663).

L-iskart huwa negozju tajjeb

Sadanittant il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw, b’mod aktar effettiv, leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart. L-industriji ta' ġestjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ fl-UE kellhom fatturat ta' EUR 145 biljun fl-2008, li jirrappreżenta madwar 2 miljun impjieg. Il-konformità sħiħa mal-politika tal-UE dwar l-iskart tista' toħloq 400 000 impjieg addizzjonali fl-UE u fatturat annwali addizzjonali ta' EUR 42 biljun (ara IP/12/18). Ġestjoni tal-iskart aħjar tista' tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu bosta għanijiet u miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Aktar tagħrif

Ir-rapport u riżultati dettaljati għal kull Stat Membru:

http://ec.europa.eu/environment/waste/use.htm

Rapport ESTAT dwar il-ġestjoni tal-iskart muniċipali:

STAT/12/48

Studju dwar l-immudellar makroekonomiku tal-iżvilupp sostenibbli u r-rabtiet bejn l-ekonomija u l-ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/enveco/studies_modelling/index.htm#macro

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website