Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Lejn żona ferrovjarja unika Ewropea: is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)

Brussell, is-16 ta' April 2012 - Illum joperaw fl-Ewropa aktar minn 20 sistema nazzjonali ta' sinjalar u ta' kontroll tal-veloċità. B'xorti ħażina, dawn is-sistemi mhumiex kompatibbli ma' xulxin. Dawn l-ineffiċjenzi tekniċi huma xkiel kbir għas-suq tat-trasport bil-ferrovija - suq li qed jikber b'ritmu mgħaġġel, u li l-akbar potenzjal tiegħu jinsab fit-traffiku transfruntier. L-ineffiċjenzi msemmija qegħdin irażżnu wkoll l-iżvilupp tan-netwerk Ewropew tat-trasport f'sens wiesa'.

Is-soluzzjoni ta' dan kollu hija s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). L-ERTMS jistabbilixxi standard waħdani għat-tagħmir tas-sinjalar mal-Ewropea kollha, li jikkontrolla l-veloċità tat-trejns u jġegħilhom inaqqsuha fejn meħtieġ. Is-sistema għandha tippermetti lit-trejns jgħaddu minn netwerk nazzjonali għal ieħor komptibbli mingħajr l-ebda xkiel, l-ebda dewmien, l-ebda kontroll żejjed u l-ebda "sintonizzazzjoni". L-ERTMS, bħala sistema moderna bi prestazzjoni għolja, se toħloq żona ferrovjarja unika.

Skont Siim Kallas, il-Viċi-President tal-Kummissjoni responsabbli għat-Trasport, "Jekk l-ERTMS tiġi implimentata f'iżolament, minn pajjiż wieħed biss, l-ikbar vantaġġi tagħha jintilfu. L-Istati Membri ddeċidew flimkien li jkomplu jimxu lejn l-implimentazzjoni, u b'hekk għandhom jaġixxu flimkien ukoll. Irridu naħdmu id f'id biex it-trejns ikunu jistgħu joperaw fin-netwerk trans-Ewropew kollu".

Illum f'Kopenħagen, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Daniża nedew konferenza ta' jumejn dwar is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Din il-konferenza hija avveniment ewlieni bil-għan li jixpruna l-interoperabbiltà tal-ferroviji Ewropej, bħala pass importanti lejn żona ferrovjarja unika. Il-konferenza se tindirizza x-xkiel li għandu jingħeleb minn tal-ewwel, sabiex jinkiseb is-servizz transfruntier effiċjenti li l-Ewropej tassew għandhom bżonn. Il-konferenza tagħti wkoll l-opportunità li titressaq rakkomandazzjoni mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar kif jistgħu jittejbu r-regoli tekniċi għall-implimentazzjoni tal-ERTMS. Dan se jippermetti lil min imexxi l-infrastrutturi jikseb iktar effiċjenza u jnaqqas l-ispejjeż meta jiġi biex jistalla l-ERTMS. Il-verżjoni l-ġdida tal-ERTMS hija mistennija partikularment mid-Danimarka u mill-Iżvizzera, billi dawn iż-żewġ pajjiżi ddeċidew li jużawha biex jgħammru lin-netwerks sħaħ tagħhom tul is-snin li ġejjin.

Henrik Dam Kristensen, il-ministru Daniż tat-trasport, qal: "L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-Kummissjoni ntrabtu fl-2008 li jlestu din il-verżjoni ġdida tal-ispeċifikazzjoni sal-2012, u qed nieħu pjaċir ħafna naraha ssir realtà. B'hekk inkunu nistgħu nimplimentaw l-ERTMS fin-netwerk kollu tagħna, eżatt kif kien ippjanat ".

L-Iżvizzera diġà ffirmat kuntratt biex tgħammar in-netwerk kollha tagħha bl-ERTMS sal-2017, bi spiża totali ta’ EUR 250 miljun (inqas minn EUR 80 000 kull kilometru). Fid-Danimarka, il-problemi ta' sinjalar minħabba l-ġestjoni tal-infrastruttura huma responsabbli għal madwar nofs il-każijiet ta' dewmien. Huwa għal din ir-raġuni li l-implimentazzjoni tal-ERTMS hija integrata fi proġett ikbar, li jimmira li jaġġorna bis-sħiħ is-sistemi tas-sinjalar ferrovjarju u tal-ġestjoni tat-traffiku fid-Danimarka. Il-proġett jinkludi elementi oħra, bħat-tiġdid tas-sistema tal-interlocking u tat-tagħmir tat-trejns. L-investiment totali huwa ta' EUR 3.2 biljun tul perjodu ta' 12-il sena.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website