Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Tiżdied l-edukazzjoni intraprenditorjali

Brussell, it-13 ta' April 2012 – L-edukazzjoni intraprenditorjali qed tiġi promossa dejjem iżjed f'ħafna mill-pajjiżi Ewropej, skont rapport ġdid li ppubblikat il-Kummissjoni Ewropea. Tmien pajjiżi (id-Danimarka, l-Estonja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, in-Norveġja, Wales u l-parti Fjamminga tal-Belġju) nedew strateġiji speċifiċi sabiex jippromwovu l-edukazzjoni intraprenditorjali, filwaqt li 13-il pajjiż ieħor (l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, il-Liechtenstein, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u t-Turkija) jinkludewha fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom tat-tagħlim tul il-ħajja, iż-żgħażagħ u t-tkabbir. Nofs il-pajjiżi Ewropej huma għaddejjin minn proċess ta' riformi edukattivi li jinkludu t-tisħiħ tal-edukazzjoni intraprenditorjali. B'kollox ġew mistħarrġa 31 pajjiż Ewropew u ħames reġjuni għar-rapport bit-titlu: "Edukazzjoni Intraprenditorjali fl-Iskola fl-Ewropa".

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "L-edukazzjoni intraprenditorjali hija impetu għat-tkabbir fil-ġejjieni u se tgħinna nispiraw l-intraprendituri ta' għada. Jekk l-Ewropa trid tibqa' kompetittiva, din trid tinvesti fil-persuni, fil-ħiliet tagħhom, fil-kapaċità tagħhom li jadattaw u fil-kapaċità tagħhom li jkunu innovattivi. Dan ifisser li fl-Ewropa jeħtiġilna nħeġġu għal bidla tassew fil-mentalità fejn jidħlu l-attitudnijiet intraprenditorjali u din tista' sseħħ billi sa mill-edukazzjoni bikrija jibda jiddaħħal spirtu ta' intraprenditorija."

Ir-rapport juri li l-edukazzjoni intraprenditorjali hija rrikonoxxuta b'mod espliċitu fil-kurrikuli tal-edukazzjoni primarja ta' żewġ terzi tal-pajjiżi mistħarrġa. Minkejja li l-intraprenditorija mhix mgħallma fl-iskejjel primarji bħala suġġett separat, nofs il-pajjiżi ddefinixxew riżultati tat-tagħlim li għandhom x'jaqsmu mal-attitudnijiet intraprenditorjali u ma' ħiliet bħas-sens ta' inizjattiva, it-teħid tar-riskju u l-kreattività.

Fl-edukazzjoni sekondarja, nofs il-pajjiżi jintegraw l-intraprenditorija fis-suġġetti obbligatorji bħall-ekonomija u x-xjenzi soċjali. Żewġ pajjiżi (il-Litwanja, u r-Rumanija) jgħallmu l-intraprenditorija bħala suġġett separat obbligatorju. Erba' pajjiżi (il-Litwanja, ir-Rumanija, il-Liechtenstein u n-Norveġja) jispeċifikaw ħiliet intraprenditorjali prattiċi.

Ir-rapport juri li 12-il pajjiż jappoġġaw inizjattivi li għandhom x'jaqsmu mal-edukazzjoni intraprenditorjali bħal li tiżdied il-koperazzjoni mill-qrib bejn l-edukazzjoni u n-negozji, u li jitwaqqfu kumpaniji żgħar immexxija mill-istudenti. Madanakollu, taħriġ speċifiku f'dan il-qasam għall-għalliema jsir biss fil-Komunità Fjamminga tal-Belġju, fil-Bulgarija u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Terz biss tal-pajjiżi Ewropej jagħti linji gwida ċentrali u materjal tat-tagħlim għall-edukazzjoni intraprenditorjali.

Kuntest

L-Unjoni Ewropea tippromwovi l-intraprenditorija bħala fattur ewlieni għall-kompetittività u enfasizzat l-importanza li tkompli tikber kultura intraprenditorjali Ewropea billi titrawwem il-mentalità ġusta u jiġu indokrati l-ħiliet li għandhom x'jaqsmu mal-intraprenditorija.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja tinkludi l-intraprenditorija bħala waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin (1).

Il-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet intreprenditorjali u innovattivi taċ-ċittadini hija enfasizzata wkoll fi tliet inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli: "l-Unjoni tal-Innovazzjoni", "Żgħażagħ Attivi" u "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi".

It-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, huwa wkoll għan fit-tul tal-'Edukazzjoni u Taħriġ 2020', il-qafas strateġiku għal koperazzjoni Ewropea (2).

Bħala parti minn dan, f'Novembru 2011 il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' ħidma dwar l-edukazzjoni intraprenditorjali. Il-grupp huwa magħmul minn esperti mill-24 pajjiż kif ukoll minn rappreżentanti tan-negozji u l-junjins. L-għan huwa li jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex iwettqu l-edukazzjoni intraprenditorjali u li tiġi ggwidata l-ħidma tal-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali. Qabel it-tmiem tal-2013, il-grupp se joħloq manwal tal-politika dwar l-edukazzjoni intraprenditorjali.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jenfasizza bil-qawwa l-intraprenditorija u għandu l-għan li jeduka l-ġenerazzjoni li jmiss ta' intraprendituri żgħażagħ. Dan iħeġġeġ u jappoġġa individwi u kumpaniji biex joħolqu ideat innovattivi u jwassluhom sas-suq. L-ewwel kumpaniji ġodda li nħolqu fi ħdan il-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tal-EIT intwerew dan l-aħħar fl-ewwel Premjijiet tal-Intraprenditorija tal-EIT (IP/12/160).

Il-Eurydice

In-Netwerk tal-Eurydice jagħti tagħrif dwar u janalizza s-sistemi u l-politiki edukattivi Ewropej. Dan huwa magħmul minn 37 unità nazzjonali ibbażati fit-33 pajjiż kollha li qed jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija). Dan huwa kkoordinat u mmexxi mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-UE għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura li tabbozza l-istudji u tipprovdi firxa ta' riżorsi onlajn.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapport sħiħ bl-Ingliż jista' jinstab hawn: Edukazzjoni Intraprenditorjali fl-Iskola fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u Taħriġ

Anness

  • Figura 1.2: Strateġiji u inizjattivi nazzjonali/reġjonali fit-twettiq tal-edukazzjoni intraprenditorjali fl-edukazzjoni ġenerali (ISCED 1-3), 2011/12

  • Figura 2.3:Is-suġġetti li jintegraw l-edukazzjoni intraprenditorjali fl-edukazzjoni sekondarja minima ġenerali
    (ISCED 2), 2011/12

L-intraprenditorija

L-ekonomija, l-istudji tan-negozju,
u l-edukazzjoni tal-karrieri

Ix-xjenzi soċjali

Il-matematika, ix-xjenzi,
it-teknoloġija u l-ICT

L-arti u l-mużika

Fergħat li mhumiex obbligatorji

Obbligatorji għal kulħadd

Sors: il-Eurydice.

Nota speċifika għal kull pajjiż

Ir-Renju Unit (UK-ENG): L-Edukazzjoni Intraprenditorjali hija mgħallma bħala parti mill-Edukazzjoni Personali, Soċjali u Sanitarja u Ekonomika. Dan is-suġġett mhux obbligatorju li jiġi mgħallem fl-iskejjel, iżda jiġi mgħallem f'ħafna mill-iskejjel u f'dak il-każ ikun obbligatorju għall-istudenti.

  • Figura 3.3: Dispożizzjoni ta' linji gwida ċentrali u materjali għall-edukazzjoni intraprenditorjali, 2011/12

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58);

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Wim Vansteenkiste, Komunikazzjoni u Pubblikazzjoni, il-Eurydice (+32 2 299 50 58)

Ania Bourgeois, awtur, il-Eurydice (+32 2 296 45 31)

1 :

() http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2006:394:0010:0018:mt:PDF

2 :

() http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc1120_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site