
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa
L-Ambjent: Bristol, Kopenħagen u Frankfurt magħżula bħala l-finalisti tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea għall-2014
Brussell, it-12 ta' April 2012 - Bristol, Kopenħagen u Frankfurt intgħażlu bħala t-tliet finalisti fil-konkors tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea għall-2014. Dawn l-ibliet ġew magħżula mit-tmintax-il belt li applikaw għall-premju tal-2014. Il-finalisti ġew proposti minn bord indipendenti ta’ esperti, li vvalutaw l-entrati fi tnax-il qasam differenti:
Il-kontribut lokali lejn it-tibdil fil-klima globali
It-trasport lokali
Żoni urbani ekoloġiċi li jintegraw l-użu sostenibbli tal-art
In-natura u l-bijodiversità
Il-kwalità tal-arja tal-ambjent lokali
L-istorbju
Il-produzzjoni u l-ġestjoni tal-iskart
Il-konsum tal-ilma
It-trattament tad-drenaġġ
L-ekoinnovazzjoni u l-impjieg sostenibbli
It-tmexxija ambjentali tal-awtorità lokali
Il-prestazzjoni fl-użu tal-enerġija.
Erbat ibliet ingħataw il-premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea mindu tnieda fl-2010. Fl-ewwel sena dan it-titlu ngħata lil Stokkolma, imbagħad fl-2011 lil Ħamburg. Il-premju ta’ din is-sena huwa f'idejn Vitoria-Gasteiz, Spanja, filwaqt li fl-2013, it-titlu se jingħata lil Nantes.
Fit-8 ta’ Ġunju 2012 fi Brussell, il-bliet ta’ Bristol, Kopenħagen u Frankfurt se jippreżentaw quddiem il-Ġurija l-viżjoni tagħhom, pjanijiet ta’ azzjoni, strateġiji ta’ komunikazzjoni, u l-potenzjal tagħhom li jservu ta' xempju għal bliet oħra. Il-Ġurija se tikkomunika l-verdett tagħha f'ċeremonja tal-premju f'Vitoria-Gasteiz, Spanja, fid-29 ta’ Ġunju.
Sfond
Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jingħata lil belt li tinsab fuq quddiem nett fl-għajxien urban ekoloġiku. Il-bliet jiġu vvalutati minn bord ta’ esperti abbażi ta’ tnax-il indikatur ambjentali, u jkopru l-prestazzjoni tal-istess bliet fil-ksib ta' standards ambjentali għoljin, l-impenn attwali tagħhom lejn miri ambjizzjużi għal aktar titjib ambjentali u żvilupp sostenibbli, u safejn jistgħu jservu ta’ xempju u jippromwovu l-aħjar prassi għal bliet Ewropej oħra.
Il-ġurija hija magħmula minn rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjuni, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, mill-ICLEI (Gvernijiet Lokali għas-Sostenibbiltà), mill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki, u mill-Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent.
Aktar tagħrif:
Facebook: EuropeanGreenCapitalAward
Twitter: EU_GreenCapital_Twitter
Kuntatti: Joe Hennon (+32 2 295 35 93) Monica Westeren (+32 2 299 18 30) |