Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli għal apparti 'intelliġenti' u mqabbda - "l-Internet tal-Oġġetti"

Commission Européenne - IP/12/360   12/04/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli għal apparti 'intelliġenti' u mqabbda - "l-Internet tal-Oġġetti"

Brussell, it-12 ta' April 2012 – L-"Internet tal-Oġġetti" (IoT) tfisser futur fejn oġġetti ta’ kuljum, bħall-mowbajls, il-karozzi, it-tagħmir domestiku, il-ħwejjeġ u saħansitra l-ikel, ikunu mqabbdin mal-internet mingħajr fili, permezz ta’ ċipep intelliġenti, u jkunu jistgħu jiġbru u jaqsmu dejta. Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkun taf liema qafas ikun meħtieġ biex jaqla' l-għatu minn fuq il-kaxxa tal-potenzjal tal-IoT ħalli jibdew joħorġu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjetali tiegħu, filwaqt li jiġi żgurat livell xieraq ta’ kontroll tat-tagħmir li jiġbor, jipproċessa u jaħżen l-informazzjoni. L-informazzjoni kkonċernata tinkludi x-xejriet jew id-drawwiet tal-imġiba tal-utenti, kif ukoll il-pożizzjoni u l-preferenzi tagħhom. Il-Kummissjoni tixtieq tiżgura li d-drittijiet tal-individwi jiġu rispettati, u qiegħda tvara konsultazzjoni pubblika li tistieden il-kummenti sat-12 ta' Lujlu 2012.

Illum, persuna medja jkollha tal-anqas żewġ oġġetti mqabbdin mal-internet, u dan in-numru mistenni jikber għal sebgħa sal-2015, b'total dinji ta’ 25 biljun apparat imqabbad mingħajr fili. Sal-2020, jista' jkun li dan in-numru jirdoppja għal 50 biljun. Dan ifisser futur fejn isir possibbli li ħafna oġġetti ta’ kuljum ikunu mqabbda ma' xulxin. Ngħidu aħna, jekk professur tal-università jħassar lekċer filgħodu minħabba mard, l-iżveljarini tal-istudenti u l-magni tal-kafè tagħhom ikunu jistgħu jiġu awtomatikament issettjati mill-ġdid, u b'hekk ikollhom siegħa oħra biex jixxaħxħu fis-sodda. Jekk persuna anzjana tinsa li tieħu pirmla importanti, ikun jista' jintbagħat sms ta' twissija lil xi ħadd tal-familja tiegħu, jew anki lil ċentru lokali tal-emerġenza, biex xi ħadd jgħaddi jiċċekkja li kollox sew.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: "L-Internet tal-Oġġetti, b'intelliġenza integrata fl-oġġetti ta’ kuljum, huwa l-invenzjoni l-kbira li jmiss. Nixtieq nippromwovi Internet tal-Oġġetti li jaqdi l-miri ekonomiċi u soċjetali tagħna, filwaqt li nippreżervaw is-sigurtà, il-privattezza, u r-rispett tal-valuri etiċi."

L-isfruttar tal-potenzjal enormi, kemm ekonomiku kif ukoll soċjetali, tal-IoT jirrikjedi kundizzjonijiet indaqs għal kull min ikun jikkompeti fih, mingħajr restrizzjonijiet fuq il-fornituri, u mingħajr ma l-utenti jkunu mġiegħla jibqgħu ma' fornitur wieħed biss. Biex jintlaqa' mis-soċjetà, għandu jiġi ddefinit qafas etiku u legali, bl-appoġġ tat-teknoloġija, li joffri lill-pubbliku kontroll u sigurtà. Permezz tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tistieden fehmiet dwar il-privattezza, is-sikurezza u s-sigurtà, is-sigurtà tal-infrastruttura kritika appoġġata mill-IoT, l-etika, l-interoperabbiltà, il-governanza, u l-istandards. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni jkunu l-bażi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-IoT, li se titressaq sas-sajf tal-2013. L-ixprunar tal-IoT huwa prijorità tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Sfond

L-Internet kif inhu llum joffri aċċess għal kontenut u informazzjoni permezz tal-konnessjoni ma' websajts minn terminali multipli, bħal PCs, telefowns intelliġenti jew televixins. Fl-evoluzzjoni li jmiss, ikun possibbli li wieħed ikollu aċċess għal informazzjoni marbuta mal-ambjent fiżiku, permezz ta' oġġetti mqabbda li jkunu kapaċi "jħossu" l-ambjent u jikkomunikaw permezz ta’ ċipep intelliġenti bl-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID), bl-intervent tal-bniedem jew mingħajru.

L-eżempji ta’ din l-evoluzzjoni tat-tagħmir imqabbad huma bla tarf: karozza tkun tista' tirrapporta l-qagħda tas-subsistemi varji tagħha għad-dijanjożi remota u għall-manteniment permezz ta’ sensuri integrati li jikkomunikaw ma' xulxin; nies li jkunu qed jivvjaġġaw ikunu jistgħu jirċievu informazzjoni fuq l-ismartphone tagħhom dwar il-qagħda tal-bibien jew tal-persjani tad-dar, jew anki dwar x'hemm fil-friġġ, mibgħuta minn sensuri li jkollhom fid-dar; karozza tkun tista' tiggwidak biex tevita konġestjoni potenzjali tat-traffiku; tagħmir personali jkun jista' jikkomunika l-qagħda l-iktar riċenti ta’ informazzjoni medika ta' pazjenti remoti sa post ċentrali.

Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun il-bażi għal Rakkomandazzjoni ġdida dwar l-IoT. Din ir-Rakkomandazzjoni se tkun is-segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-IoT ippubblikata fl-2009 (ara IP/09/952), li identifikat 14-il linja ta' azzjoni biex jippermettu lill-Ewropa tiddiżinja teknoloġiji u sistemi tal-IoT li jkunu kompatibbli mal-valuri tal-qofol tiegħu, bħall-ħarsien tal-privattezza u tad-dejta personali.

Ħoloq utli

Id-dokument ta' konsultazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar l-Internet tal-Oġġetti, 2009

Vidjows dwar l-Internet tal-Oġġetti

L-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID) u l-Internet tal-Oġġetti

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali

Il-websajt ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq it-Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site