Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni ttajjar il-burokrazija żejda għar-reġistrazzjoni tal-karozzi fi Stat Membru ieħor

Brussell, l-4 ta’ April 2012. Kull sena, iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE jkollhom iċaqilqu madwar 3.5 miljun vettura lejn Stat Membru ieħor, u jridu jirreġistrawhom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Iżda, dik li suppost għandha tkun proċedura ta’ reġistrazzjoni sempliċi fis-Suq Uniku tas-seklu 21 għadha fil-fatt proċedura amministrattiva ta’ piż u li tieħu fit-tul minħabba d-diversità tar-regoli u l-bosta rekwiżiti li ma jaqblux ma’ xulxin. Il-proċedura tieħu ħames ġimgħat bħala medja u l-ispejjeż jilħqu madwar EUR 400 għaċ-ċittadini u għall-impriżi. Barra minn hekk, dawn il-problemi huma ta' xkiel sinifikanti għall-moviment liberu ta’ prodotti, ta' servizzi u ta' ħaddiema, u għaldaqstant għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed taġixxi llum biex tnaqqas drammatikament dan il-piż amministrattiv żejjed. Il-proposta mressqa mill-Viċi President Antonio Tajani twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva sostanzjali li tħalli ffrankar ta’ flus ta’ mill-inqas EUR 1.500 biljun fis-sena għall-impriżi, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ta’ reġistrazzjoni.

Il-proposta hija ċara u tittratta kwistjonijiet konkreti ħafna. Ir-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vetturi ġejjin minn pajjiż ieħor tal-UE se tkun limitata. Pereżempju, iċ-ċittadini li jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE li jużaw karozza reġistrata minn min jimpjegahom mhux se jkollhom għalfejn jirreġistrawaha mill-ġdid. Il-formalitajiet amministrattivi ġenerali għar-reġistrazzjoni mill-ġdid ġewwa l-UE ta’ karozzi, vannijiet, karozzi tal-linja u trakkijiet se jkunu ssemplifikati sewwa, pereżempju meta wieħed jibdel ir-residenza tiegħu minn pajjiż tal-UE lejn ieħor u meta jixtri karozza użata minn pajjiż ieħor tal-UE. Mhux se jkun aktar possibbli li wieħed jirreġistra karozza misruqa f'pajjiż ieħor tal-UE. Il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi se jiffrankaw sostanzjalment billi se jkunu jistgħu jittrasferixxu l-karozzi tagħhom lejn pajjiż ieħor tal-UE matul il-perjodi ta' vaganza mingħajr ma jirreġistrawhom mill-ġdid. Din hija aħbar tajba għat-turisti billi l-kiri tal-karozzi mistenni jorħos hekk kif il-proposta tal-lum tiġi approvata.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Durão Barroso qal: “ Bil-proposta ta’ llum liċ-ċittadini u l-kumpaniji l-Kummissjoni trid tagħmilhielhom kemm jista’ jkun faċli li jċaqilqu u jirreġistraw il-karozzi minn fruntiera għal oħra fl-Unjoni Ewropea. Regoli ħafna iktar issimplifikati għar-reġistrazzjoni ta’ karozzi minn fruntiera għal oħra u tnaqqis sostanzjali tal-piż amministrattiv se jressquna aktar qrib lejn Suq Uniku li jiffunzjona mingħajr intoppi li huwa l-mutur tagħna għat-tkabbir u l-impjiegi.”.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-Intraprenditorija, stqarr: “Mhux aċċettabbli li għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ tas-suq intern għad għandna daqstant ostakli għaċ-ċittadini u għall-impriżi. Il-proposta tagħna ġġib fi tmiem ħafna formalitajiet u proċeduri twal ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi. Dan ifisser iffrankar sostanzjali ta’ flus għall-kumpaniji li jikru l-karozzi. L-ekonomija fis-sħiħ tagħha se tiggwadanja, u b’mod partikolari l-industrija tat-turiżmu.”

Reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li jkunu ġejjin minn pajjiż ieħor tal-UE

Il-formalitajiet għar-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ karozzi f’pajjiż ieħor tal-UE se jitnaqqsu radikalment

Il-proposta li qed titressaq illum tfisser titjib għal dawk li jqattgħu parti mis-sena f’pajjiż ieħor tal-UE li bħalissa ta’ spiss jintalbu jirreġistraw mill-ġdid il-vettura tagħhom. Il-proposta tintroduċi l-prinċipju li karozza għandha tkun reġistrata fil-pajjiż tal-UE fejn jgħix sidha, u li l-Istati Membri l-oħra kollha ma jistgħux jitolbuh jirreġistra l-karozza magħhom, anke jekk sid il-karozza jqatta’ perjodu itwal hemmhekk.

Meta l-proposta tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, dan se jkun ifisser li:

  • Dawk li jqattgħu parti mis-sena f’residenza ta' vaganza f’pajjiż ieħor tal-UE mhux se jkollhom jirreġistraw mill-ġdid il-karozza tagħhom hemmhekk.

  • Dawk li jmorru jgħixu b’mod permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE se jkollhom ċans sitt xhur biex jirreġistraw mill-ġdid il-karozza tagħhom hemmhekk.

  • Dawk li jixtru jew ibigħu karozza użata f’pajjiż ieħor tal-UE mhux se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' kontrolli tekniċi addizzjonali u ma’ problemi amministrattivi.

  • Dawk li jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE u jużaw karozza reġistrata minn min iħaddimhom hemmhekk mhux se jkollhom jirreġistrawha f’pajjiżhom.

  • Il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi se jkunu jistgħu jittrasferixxu l-karozzi lejn pajjiż ieħor tal-UE matul il-perjodi ta’ vaganza mingħajr ma jkollhom jirreġistraw mill-ġdid (pereżempju, jkunu jistgħu jżommu l-istess karozzi ħdejn il-baħar fis-sajf u fl-Alpi fix-xitwa). Dan għandu jnaqqas il-prezzijiet tal-kiri tal-karozzi.

  • Għall-kumpaniji, japplika l-istess prinċipju: il-karozzi, il-karozzi tal-linja, il-vannijiet u t-trakkijiet għandhom jiġu rreġistrati fil-pajjiż tal-UE fejn huwa stabbilit l-uffiċċju ċentrali, u l-pajjiżi l-oħra tal-UE dan iridu jaċċettawh.

  • L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni se jikkooperaw flimkien dejjem aktar, u b’hekk se jkun aktar faċli li wieħed jittraċċa karozzi misruqa. Mhux se jkun aktar possibbli li wieħed jirreġistra karozza misruqa f'pajjiż ieħor tal-UE.

  • Ħafna kontrolli se jispiċċaw għalkollox, u l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu kull tagħrif tekniku meħtieġ dwar xi karozza direttament mingħand il-kollegi tagħhom fil-pajjiż fejn hija diġà reġistrata.

Sfond

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” 1(IP/10/1390, MEMO/10/525),, il-problemi ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi l-Kummissjoni identifikathom bħala wieħed mill-ostakli ewlenin li ċ-ċittadini jkollhom jiffaċċaw meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom u ħabbret, fost waħda mill-25 azzjoni konkreta li kienet biħsiebha twettaq biex tneħħi dawn l-ostakli, is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor.

651 persuna u 151 impriża huma u jwieġbu konsultazzjoni pubblika fl-2011 semmew dawn il-problemi:

Il-problemi ta’ reġistrazzjoni għandhom impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u l-impriżi. Il-proċeduri twal (għal 77.8% taċ-ċittadini u 83.1% tal-impriżi) u l-ispejjeż żejda (għal 86.5% taċ-ċittadini u 81.4% tal-impriżi) huma identifikati bħala l-effetti ewlenin, filwaqt li 50.8% tal-impriżi jsibuha bi tqila li jċaqilqu l-karozzi minn Stat Membru għal ieħor. Din hija r-raġuni għaliex 55.9% tal-impriżi kkonsultati jistqarru li l-produttività tagħhom hija affettwata b’mod serju. Għal 64.4%, dawn jaffettwaw ukoll it-tkabbir. Fl-aħħar nett, 23.7% taċ-ċittadini u 28.8% tal-impriżi qalu li, fl-aħħar mill-aħħar, ma setgħux jirreġistraw vettura fl-Istat Membru kkonċernat.

Xi jmiss

Issa l-proposta se jiddiskutuha fil-Parlament u fil-Kunsill. Hekk kif tiġi approvata l-Istati Membri jingħataw sena biex iħejju għall-proċeduri l-ġodda, bħal software għall-iskambju tad-dejta, eċċ. Il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattiva aktar tard din is-sena biex tiċċara r-regoli tal-UE li l-Istati Membri jridu jirrispettaw meta jiġu applikati taxxi ta’ reġistrazzjoni u ta’ ċirkolazzjoni tal-karozzi. Il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet biex ittejjeb is-suq uniku, b’mod partikolari biex jiġu evitati taxxi doppji fuq il-karozzi meta wieħed jiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor u biex tneħħi l-ostakli għall-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi transfruntiera.

Għal aktar tagħrif ara l-MEMO/12/242

Kuntatti:

Carlo Corazza +32 22 95 17 52

Sara Tironi +32 22 99 04 03

1 :

COM(2010) 603, 27.10.2010.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site