Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni se teżamina miżuri fiskali għall-ħaddiema transkonfinali

Brussell, it-2 ta' April 2012 - Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri se jiġu eżaminati biex jiġi żgurat li ma jiddiskriminawx kontra l-ħaddiema transkonfinali, f'inizjattiva mmirata li għadha kif ġiet varata mill-Kummissjoni. Huwa stmat li aktar minn 1.2 miljun ruħ fl-UE jaqsmu fruntiera biex imorru għax-xogħol. Il-pagi gross lill-ħaddiema transkonfinali u staġunali fl-2010 ammontaw għal EUR 46.9 biljun. Il-mobbiltà tal-ħaddiema ġiet identifikata bħala potenzjal ewlieni għaż-żieda tat-tkabbir u tal-impjieg fl-Ewropa. Madankollu, ix-xkiel fiskali jibqa' wieħed mill-aktar elementi li jgerrxu liċ-ċittadini milli jfittxu xogħol fi Stat Membru ieħor.

Huwa għalhekk li, tul l-2012, il-Kummissjoni ser twettaq valutazzjoni fil-fond tat-taxxi diretti nazzjonali, sabiex tiddetermina jekk iwasslux għal żvantaġġi inġusti għall-ħaddiema li jgħixu fi Stat Membru iżda jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Fejn jinstab li hemm diskriminazzjoni jew ksur tal-libertajiet fondamentali tal-UE, il-Kummissjoni se tindikahom bi twissija lill-awtoritajiet nazzjonali, u tinsisti li jsiru l-emendi meħtieġa. Jekk il-problemi jippersistu, il-Kummissjoni tibda proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri inkwistjoni.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Ir-regoli tal-UE huma ċari: iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jiġu ttrattati b'mod ekwu fi ħdan is-Suq Uniku. Ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni, u d-dritt tal-ħaddiema għall-moviment ħieles ma għandux jixxekkel. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jirrispettaw dawn il-prinċipji ewlenin, iżda jiena lest li nieħu kull miżura meħtieġa biex niżguraw li dawn il-prinċipji jiġu riflessi fir-regoli tat-taxxa tal-Istati Membri kollha, mingħajr eċċezzjoni. "

Billi x-xkiel fiskali jibqa' wieħed mill-elementi li l-iktar igerrxu l-mobbiltà transkonfinali, il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq ħafna fronti sabiex twaqqa' l-ostakoli għall-ħaddiema tal-UE, pereżempju, fil-proposta tagħha li tiġġieled t-tassazzjoni doppja (IP/11/1337), jew li tħeġġeġ il-protezzjoni għall-ħaddiema stazzjonati (IP/12/267).

Sfond

F'din l-iktar inizjattivi riċenti, il-Kummissjoni qiegħda tifli:

  • jekk iċ-ċittadini li jaqilgħu l-biċċa l-kbira mid-dħul tagħhom fi Stat Membru ieħor humiex intaxxati iktar miċ-ċittadini ta’ dak l-istess Stat Membru. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tivverifika jekk it-tnaqqis tat-taxxa personali u familjari disponibbli għar-residenti huwiex disponibbli wkoll, fil-prattika, għal dawk li mhumiex residenti;

  • jekk l-Istati Membri jagħmlux distinzjoni bejn iċ-ċittadini proprji tagħhom u bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jaħdmu kultant fit-territorju tagħhom, b'mod partikulari fir-rigward tad-dritt tat-tnaqqis tal-ispejjeż, u fir-rigward tal-applikazzjoni ta' rati fiskali differenti.

Il-Kummissjoni mhix se tħares biss lejn is-sitwazzjoni għall-ħaddiema impjegati u dipendenti, iżda wkoll għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-pensjonanti.

Il-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu applikati għat-tassazzjoni ta’ ħaddiema transkonfinali ġew stabbiliti f'ċerti sentenzi ta’ referenza tal-Qorti tal-Ġustizzjoni tal-UE, bħal Schumacker (C-279/93), Wielockx (C-80/94), Turpeinen (C-520/04) u Gerritse (C-234/01).

Id-dritt li wieħed jgħix u jaħdem kull fejn irid fl-UE huwa dritt fondamentali għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll strument ewlieni għall-iżvilupp ta' suq tal-impjieg mifrux mal-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fid-diżinn ta' politiki li jindirizzaw ix-xkiel legali u amministrattiv għall-mobbiltà tal-ħaddiema (eż. Youth on the move - IP/10/1124), iżda li jiżguraw fl-istess ħin li l-ħaddiema transkonfinali ma jiġux trattati mod ieħor mill-ħaddiema nazzjonali, u li jgawdu mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (aktar tagħrif).

Żewġ servizzi li jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozjanti Ewropej jifhmu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-UE huma Pariri tal-Ewropa tiegħek u SOLVIT. Pariri tal-Ewropa tiegħek iwieġeb liċ-ċittadini li jsaqsu dwar id-drittijiet tagħhom, ngħidu aħna dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa jew il-benefiċċji tal-qgħad meta jmorru jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom. SOLVIT jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi u f'waqthom liċ-ċittadini u lin-negozji li jħabbtu wiċċhom ma' xkiel amministrattiv, ngħidu aħna, dwar kif jiksbu r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali fi Stat Membru ieħor biex ikunu jistgħu jaħdmu hemm. Dawn iż-żewġ servizzi flimkien ippermettew lil eluf ta’ ċittadini u negozji Ewropej igawdu mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku.

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Contacts :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website