Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tispara t-tir tat-tluq dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej

European Commission - IP/12/336   30/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tispara t-tir tat-tluq dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej

Brussel, it-30 ta’ Marzu 2012 – Nhar il-Ħadd taħbat it-tnedija tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Minn dak inhar, miljun ċittadin minn madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien fuq kwistjoni li tkun importanti gћalihom, u jitlobu lill-Kummissjoni tieħu azzjoni dwarha.

Il-Viċi President Šefčovič iddikjara: "Ninsab kuntent li wara x-xogħol iebes u l-istennija twila, l-Ewropej finalment se jkunu jistgħu jniedu l-Inizjattivi taċ-Ċittadini billi jitolbu li jiġu reġistrati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Personalment, ninsab eċitat ħafna biex nara x’ideat se joħorġu bihom iċ-ċittadini.

"Din hija espansjoni mingħajr preċedent tad-demokrazija parteċipattiva. Huwa strument qawwi f’idejn iċ-ċittadini li permezz tiegħu jkunu jistgħu jistabbilixxu l-aġenda. Nispera li se jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ ‘demos’ Ewropew ġenwin, hekk kif iċ-ċittadini jinġabru flimkien lil hinn mill-fruntieri tagħhom biex jiddibattu kwistjonijiet li jkunu importanti għalihom ilkoll."

Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattivi hija pass essenzjali bikri fil-proċess. It-talba għandha ssir minn kumitat taċ-ċittadini magħmul minn tal-anqas seba’ ċittadini tal-UE li jkunu residenti f’mill-inqas seba’ Stati Membri differenti tal-UE.

Darba li jkun reġistrat, il-kumitat se jkollu 12-il xahar biex matulhom jiġbor id-dikjarazzjonijiet neċessarji ta’ appoġġ minn tal-inqas seba’ Stati Membri. Sabiex Stat Membru jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed mis-sebgħa, ikun irid jinġabar fih ammont ta’ firem li jkun tal-anqas ekwivalenti għal 750 darba l-għadd ta’ MEPs li dak l-Istati Membru jkollu. Dawk kollha li jkunu laqħu l-età tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (bħalissa hija 18-il sena fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Awstrija, fejn hi 16) jistgħu jappoġġjaw inizjattiva.

In-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għandu jkun iċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni mbagħad ikollha tliet xhur biex teżamina l-inizjattiva u biex tiddeċiedi x'se tagħmel dwarha. Hija tiltaqa’ mal-organizzaturi sabiex ikunu jistgħu jispjegaw il-kwistjonijiet imqajma fl-inizjattiva tagħhom aktar fil-fond. L-organizzaturi se jkollhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-Inizjattiva tagħhom fi smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew.

Imbagħad il-Kummissjoni tadotta Komunikazzjoni li fiha tispjega l-konklużjonijiet tagħha dwar l-inizjattiva, x’azzjoni beħsiebha tieħu, jekk ikun il-każ, u l-motivazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni Ewropea ħadmet bis-sħiħ biex il-proċess tagħmlu sempliċi kemm jista’ jkun għaċ-ċittadini, filwaqt li tiżgura li jkun hemm is-salvagwardji neċessarji sabiex l-inizjattivi li jkunu manifestament abbużivi, frivoli, vessatorju, li jmorru kontra l-valuri Ewropej jew li jkun barra ‘l barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni ma jiġux irreġistrati. Hemm ukoll miżuri biex jiżguraw li d-dejta ta’ dawk li jappoġġjaw l-inizjattivi tiġi protetta kif suppost.

Kuntest

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) ġiet introdotta bit-Trattat ta' Lisbona. Se tippermetti li miljun ċittadin minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel proposti għal atti legali f’oqsma fejn il-Kummissjoni għandha l-poter li tagħmel dan.

Ir-Regolament li jirregola l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ġie adottat fis-16 ta’ Frar 2011. Madankollu fuq talba tal-Istati Membri li ħteġilhom iż-żmien sabiex jistabbilixxu l-mekkaniżmi għaċ-ċertifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jniedu l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (ECIs) mill-1 ta’ April 2012 ‘l quddiem biss.

Link għall-websajt tal-ECI:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative

Link li tieħu għar-Regolamenti tal-ECI:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:065:0001:0022:MT:PDF

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website