Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tixtieq tkun taf il-fehmiet tiegħek dwar l-għanijiet ta’ prijorità għall-ambjent

Brussell, it-30 ta' Marzu 2012 – Il-Kummissjoni għadha kif varat konsultazzjoni pubblika biex tiġbor il-fehmiet tal-pubbliku dwar is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE (is-7 EAP), li se jfassal għanijiet ta’ prijorità li għandhom jintlaħqu sal-2020. Il-konsultazzjoni tibqa' miftuħa sal-1 ta' Ġunju.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-UE għandha regoli ambjentali fost l-iktar ambizzjużi fid-dinja kollha. Dawn ir-regoli qed jgħinu ħafna biex inħarsu l-ambjent tagħna, u lilna nfusna li ngħixu fih. Iżda s-saħħa ta’ dawn ir-regoli tiddependi minn kif jiġu implimentati fil-prattika, u jeħtieġ li nadattawhom għal sfidi ġodda. Nixtiequ nisimgħu mingħand iċ-ċittadini, u li jgħidulna x'nistgħu nagħmlu, flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha, biex inħarsu aħjar l-ambjent tagħna, filwaqt li nsostnu l-prosperità tagħna b'rispett għal-limiti tal-pjaneta. L-UE x'aktarx ma tkunx kapaċi tlaħħaq ma' kollox, iżda nixtiequ nisimgħu fejn u kif jista' jkollha l-akbar impatt għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent tagħna - għalina u għal ulied uliedna.

F'dawn l-aħħar xhur, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ inizjattivi strateġiċi dwar il-politika ambjentali - il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, u Komunikazzjoni dwar it-titjib tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE. Dawn jimmiraw li jtejbu l-kompetittività tal-Ewropa u li jsaħħu r-reżiljenza ekoloġika tagħha, u huma parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Is-7 EAP għandu jipprovdi qafas wiesa' u koerenti għal dawn l-inizjattivi strateġiċi, billi jfassal għanijiet ta’ prijorità u juri biċ-ċar kif il-politika ambjentali tista' tikkontribwixxi lejn it-tkabbir ekoloġiku filwaqt li twassal għal iktar saħħa u benessri. Il-Programm għandu jiżgura l-impenn tal-atturi kollha kkonċernati – l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, in-negozji u l-partijiet interessati tas-settur privat, l-NGOs u s-soċjetà ċivili – lejn aġenda komuni.

B'mod partikulari, is-7 EAP għandu jiżgura l-impenn lejn:

  • it-titjib tal-implimentazzjoni u tal-infurzar tar-regoli ambjentali tal-UE, sabiex jitwasslu riżultati ambjentali aħjar

  • l-iżgurar li politiki oħra tal-UE jilħqu wkoll l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tagħhom

  • l-aċċess għal provi sodi u għall-iktar għarfien xjentifiku riċenti, bħala bażi għat-tfassil tal-politika ambjentali u għall-implimentazzjoni tagħha

  • il-mili ta’ lakuni sinifikanti fil-politika ambjentali, fejn iġġustifikat mill-iktar tagħrif xjentifiku riċenti, u dejjem bi qbil mal-approċċ ta’ prekawzjoni.

Il-passi li jmiss

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, flimkien mal-fehmiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, se jkomplu jrawmu l-iżvilupp tal-proposta tal-Kummissjoni għas-7 EAP. Il-Kummissjoni beħsiebha tressaq dan is-7 EAP sa tmiem din is-sena.

Sfond

Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali ilhom ikunu ta’ gwida għall-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-Sebgħinijiet. Minbarra r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni, fit-tħejjija għall-proposta tagħha għas-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, il-Kummissjoni se timxi fuq l-isfidi sottolinjati fir-Rapport tal-Qagħda tal-Ambjent u l-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni Finali tas-6 EAP, bl-għajnuna wkoll tal-kontributi li jaslu minn istituzzjonijiet oħra tal-UE dwar ir-riżultati tas-6 EAP.

Aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni tista' timtela fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/7eap_en.htm

Għal iktar dettalji dwar l-EAP, ara: http://ec.europa.eu/environment/newprg/7eap.htm

Kuntatti:

Robert Flies (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website