
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa
Is-sikurezza fit-toroq: Il-progress fit-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq tal-UE jaqa’ għal 2 % fl-2011
Brussell, id-29 ta' Marzu 2012 - Il-progress fit-tnaqqis tal-għadd ta’ fatalitajiet fit-toroq waqa’ sinifikament matul is-sena l-oħra (għal -2 %) meta mqabbel mat-tnaqqis verament promettenti madwar l-UE fl-aħħar għaxar snin (medja ta' -6 %), skont l-aħħar ċifri ppubblikati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Agħar minn hekk, xi Stati Membri tal-UE, bħall-Ġermanja u l-Isvezja, li għandhom rekords tas-sikurezza tajbin ħafna, issa qed juru żieda sinifikanti fl-imwiet. Fi Stati Membri oħra, bħall-Polonja u l-Belġju - li diġà qed jaqaw lura fis-sikurezza fit-toroq - l-imwiet żdiedu. Għadha qed tippersisti l-problema tal-muturi – fejn f’iktar minn għaxar snin il-fatalitajiet għadhom ma naqsux.
Il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, Siim Kallas qal; “Dawn iċ-ċifri qed iġagħluna nirrealizzaw ir-realtà x’inhi. Dan huwa l-iżjed nuqqas bil-mod fl-imwiet fit-toroq f'għaxar snin. Kuljum għadhom imutu 85 persuna fit-toroq tal-Ewropa.
Dan huwa inaċċettabbli. Irridu nintensifikaw ħafna l-isforzi tagħna kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq dak nazzjonali biex nilħqu l-għan tagħna li nerġgħu nnaqqsu l-fatalitajiet bin-nofs sal-2020. Jien qed nikteb lill-Ministri fl-Istati Membri kollha biex nitlob għal informazzjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali ta' infurzar tas-sikurezza fit-toroq għall-2012. Jien irrid inkun żgurat li anki fi żminijiet ekonomiċi ibsin, din il-ħidma importanti, li hija daqshekk ċentrali għas-sikurezza fit-toroq, mhix qed tonqos. Fuq il-livell tal-UE, fl-2012 jien se nimmira speċifikament ukoll il-fatalitajiet tal-muturi, għax irridu naraw bidla f’din ix-xejra attwali u li dawn l-imwiet jibdew jonqsu.”
It-tabella mehmuża - "fatalitajiet fit-toroq għal kull pajjiż" - turi l-progress li sar mill-2001, biċ-ċifri tal-pajjiżi kollha madwar l-UE, imqassmin skont il-pajjiż. Tinkludi l-aktar ċifri riċenti għall-2011.
Matul l-aħħar għaxar snin sar progress kbir taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tas-Sikurezza fit-Toroq tal-UE 2001-2011. Il-fatalitajiet fit-toroq naqsu bi kważi 45 % u ġew salvati iktar minn 125 000 ruħ .
L-imwiet fit-toroq fl-UE naqsu fuq medja ta’ 6 % kull sena. U f’ċerti pajjiżi dan in-nuqqas tela' wkoll għall-11 % (2010).
Il-pjan ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq tal-UE 2011-2020
F'Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat pjanijiet ta' sfida biex tnaqqas bin-nofs l-għadd ta' mwiet fit-toroq Ewropej fl-10 snin li ġejjin. L-inizjattivi proposti fl-"Orjentazzjonijiet ta' Politika Ewropea għas-Sikurezza tat-Toroq 2011-2020" ivarjaw minn standards ogħla stabbiliti għas-sikurezza tal-vetturi, sat-titjib fit-taħriġ tal-utenti tat-toroq u ż-żieda fl-infurzar tar-regoli tat-toroq. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex timplimenta dan il-programm.
Programm ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq 2011-2020:
Il-programm ta' azzjoni għas-Sikurezza tat-Toroq jistabbilixxi taħlita ta' inizjattivi li jikkonċentraw fuq it-titjib tal-vetturi, l-infrastruttura u l-imġiba tal-utenti tat-toroq.
Hemm seba' għanijiet strateġiċi:
Miżuri tas-sikurezza mtejba għat-trakkijiet u l-karozzi
Bini ta' toroq iktar sikuri
Żvilupp ta' vetturi intelliġenti
Tisħiħ fl-għoti tal-liċenzji u t-taħriġ
Infurzar aħjar
Konċentrazzjoni fuq il-korrimenti
Konċentrazzjoni ġdida fuq is-sewwieqa tal-muturi.
Il-miżuri dettaljati għal kull għan strateġiku jinsabu elenkati fil-MEMO/10/343.
Ara wkoll: MEMO/11/483
Xi jmiss issa?
Se titkattar l-ħidma biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tas-Sikurezza tatt-Toroq tal-UE 2011-2020. Barra minn hekk, il-Viċi President illum ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jintensifika l-isforzi marbuta mal-infurzar nazzjonali u mal-utenti tat-toroq li jużaw il-muturi, li huma fost l-iktar vulnerabbli.
Stat Membru | Fatalitajiet għal kull miljun persuna | Evoluzzjoni tal-fatalitajiet | ||||
| 2001 | 2010 | 2011 (proviżorja) | 2001-2010 | Medja tat-tnaqqis annwali | 2010-2011 (proviżorja) |
Il-Belġju | 145 | 75 | 77 | -45% | -6% | 4% |
Il-Bulgarija | 124 | 103 | 88 | -23% | -3% | -15% |
Ir-Repubblika Ċeka | 130 | 76 | 73 | -40% | -5% | -4% |
Id-Danimarka | 81 | 46 | 40 | -41% | -6% | -18% |
Il-Ġermanja | 85 | 45 | 49 | -48% | -7% | 10% |
L-Estonja | 146 | 58 | 75 | -61% | -10% | 29% |
L-Irlanda | 107 | 47 | 42 | -49% | -7% | -13% |
Il-Greċja | 172 | 111 | 97 | -33% | -4% | -13% |
Spanja* | 136 | 54 | 50 | -50% | -9% | -6% |
Franza | 134 | 62 | 61 | -51% | -8% | 0% |
L-Italja* | 125 | 68 | 65 | -42% | -6% | -4% |
Ċipru | 140 | 75 | 88 | -39% | -5% | 18% |
Il-Latvja | 236 | 97 | 80 | -61% | -10% | -18% |
Il-Litwanja | 202 | 90 | 92 | -58% | -9% | -3% |
Il-Lussemburgu | 159 | 64 | 70 | -54% | -8% | 13% |
L-Ungerija | 121 | 74 | 64 | -40% | -6% | -14% |
Malta | 41 | 36 | 41 | -6% | -1% | 13% |
Il-Pajjiżi l-Baxxi* | 62 | 32 | 33 | -46% | -7% | 2% |
L-Awstrija | 119 | 66 | 62 | -42% | -6% | -6% |
Il-Polonja | 145 | 102 | 109 | -29% | -4% | 7% |
Il-Portugall | 163 | 79 | 74 | -44% | -6% | -6% |
Ir-Rumanija | 109 | 111 | 94 | -3% | 0% | -15% |
Is-Slovenja | 140 | 67 | 69 | -50% | -7% | 1% |
Is-Slovakkja | 114 | 68 | 59 | -40% | -5% | -6% |
Il-Finlandja | 84 | 51 | 54 | -37% | -5% | 6% |
L-Isvezja | 66 | 28 | 33 | -54% | -8% | 18% |
Ir-Renju Unit* | 61 | 31 | 32 | -47% | -7% | 5% |
UE | 112 | 62 | 61 | -43% | -6% | -2% |
*Dejta preliminarja bbażata fuq l-aħħar dejta disponibbli. L-istimi tar-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi huma bbażati fuq dejta minn Jannar sa Settembru. L-istimi tal-Italja u Spanja huma bbażati fuq dejta miġbura mill-pulizija, u jeskludu ż-żoni urbani.
Tabella 1 Xejriet fil-fatalitajiet fit-toroq tal-UE (l-utenti kollha) 2000-2010
It-tabella turi li filwaqt li l-fatalitajiet tal-karozzi, persuni mexjin, roti u mopeds ilkoll naqsu mill-2001 'l hawn, dan mhux il-każ għall-muturi.

Kuntatti: Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |