Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tfittex il-kontribut tal-pubbliku rigward sistema moderna ta' liġi Ewropea dwar l-insolvenza

Brussell, it-30 ta' Marzu 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea llum varat konsultazzjoni pubblika biex timmodernizza r-regoli tal-UE li jirregolaw l-insolvenzi. Ir-regoli attwali (ir-Regolament dwar proċedimenti ta' falliment) imorru lura sas-sena 2000 u jistabbilixxu kif il-fallimenti – ta' kumpaniji jew ta’ individwi – għandhom jiġu kkoordinati bejn diversi pajjiżi tal-UE. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jgħinu biex jiġi determinat jekk ir-Regolament attwali jeħtieġx jiġi rivedut u jekk iva, kif, sabiex is-Suq Uniku tal-UE jingħata spinta u jissaħħaħ. Dan jifforma parti mill-isforz tal-UE biex jiġu salvati l-impjiegi u biex tippromwovi l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir sostenibbli u rata ogħla ta' investiment, kif stabbilit fl-istrateġija Ewropa 2020.

Il-fallimenti huma fatt tal-ħajja f'ekonomija dinamika u moderna. Madwar nofs l-impriżi jgħixu għal inqas minn ħames snin. Fl-2010, total ta' 220 000 negozju fl-UE marru f'likwidazzjoni. Dan ifisser li kuljum kien hemm madwar 600 kumpanija fl-Ewropa li falliet. Din ix-xejra kompliet fl-2011. Għaldaqstant huwa essenzjali li jkun hemm liġijiet moderni u proċeduri effiċjenti fis-seħħ biex jgħinu lin-negozji, li jkollhom biżżejjed sustanza ekonimka, jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji u jingħataw ċans ieħor.

"Liġi moderna dwar il-falliment hija essenzjali għall-istabbilità finanzjarja u għall-effiċjenza tas-sistema finanzjarja. Hija parti essenzjali minn Suq Uniku modern u tinkoraġġixxi lill-imprendituri biex jieħdu r-riskji., U jekk ikun meħtieġ, tipprovdi mezz ordnat għan-negozji biex jagħlqu," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding. "Liġi moderna dwar il-falliment se tgħin biex tagħti spinta lill-ekonomija għaliex se tgħin biex negozji li għandhom solidità ekonomika, iżda li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji għal perijodu qasir, jingħataw ċans ieħor. Huwa għalhekk li qed nikkonsultaw man-negozjanti kif ukoll mal-avukati, l-awtoritajiet ġudizzjarji u mal-pubbliku inġenerali.”

Ir-Regolament dwar Proċedimenti ta' Falliment tas-sena 2000 saħħaħ iċ-ċertezza legali u ffaċilita il-kooperazzjoni ġudizzjarja fit-trattament ta' każijiet transkonfinali ta' falliment. Madankollu, wara għaxar snin ta' applikazzjoni, seħħew żviluppi importanti fil-liġi nazzjonali ta' falliment u sar tibdil konsiderevoli fl-ambjent ekonomiku u politiku li jsejħu għal reviżjoni ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni qed tikkonsulta negozji żgħar u kbar, individwi li jaħdmu għal rashom, dawk li jaħdmu fil-qasam tal-falliment, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-awtoritajiet pubbliċi, kredituri, akkademiċi u l-pubbliku ġenerali rigward l-esperjenza tagħhom fl-insolvenza u b'mod partikolari l-insolvenza transkonfinali. It-tweġibiet tagħhom se jgħinu lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-qafas legali attwali għandux jitjieb u jiġi mmodernizzat u kif jista' jsir dan.

Il-konsultazzjoni se tibqa' miftuħa sal-21 ta' Ġunju 2012.

Il-konsultazzjoni tinstab hawnhekk:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/opinion/120326_en.htm

Kuntest

Il-Liġi Ewropea dwar l-Insolvenza hija stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment (ir-"Regolament dwar Proċedimenti ta' Falliment"), li ilu japplika mill-31 ta' Mejju 2002, Ir-Regolament jinkludi regoli dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u l-liġi applikabbli u tipprovdi għall-koordinazzjoni tal-proċedimenti tal-falliment li jinfetħu f'diversi Stati Membri. Ir-Regolament japplika kull meta d-debitur ikollu assi jew kredituri f'iktar minn Stat Membru wieħed.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – Proċedimenti ta' falliment:

http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/insolvency/index_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding: http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website