Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ċentru tal-UE taċ-ċiberkriminalità biex jeħodha kontra l-kriminali li joperaw fuq l-internet u li jipproteġi lill-konsumaturi onlajn

Commission Européenne - IP/12/317   28/03/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Ċentru tal-UE taċ-ċiberkriminalità biex jeħodha kontra l-kriminali li joperaw fuq l-internet u li jipproteġi lill-konsumaturi onlajn

Brussell, it-28 ta’ Marzu 2012 – Huwa stmat li, madwar id-dinja, aktar minn miljun ruħ jisfaw vittmi taċ-ċiberkriminalità kuljum. Il-kost taċ-ċiberkriminalità jista' jilħaq total globali ta’ USD 388 biljun madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità biex jgħin fil-protezzjoni ta’ ċittadini u negozji Ewropej kontra dan it-theddid ċibernetiku li qiegħed dejjem jiżdied. Iċ-ċentru se jiġi stabbilit fi ħdan l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, l-Europol, fl-Aja (il-Pajjiżi l-Baxxi). Iċ-ċentru se jkun il-punt fokali Ewropew fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u se jkun iffukat fuq attivitajiet illegali fuq l-internet imwettqa minn gruppi ta' kriminalità organizzata, partikolarment dawk li jiġġeneraw profitti kbar kriminali, bħall-frodi onlajn li jtinvolvi l-karti tal-kreditu u d-dettalji bankarji.

L-esperti tal-UE se jaħdmu wkoll fuq il-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità li taffettwa t-transazzjonijiet bankarji elettroniċi u l-attivitajiet onlajn ta' reservazzjoni, biex b'hekk iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi elettroniċi. Fost affarijiet oħra, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità se jiffoka fuq il-protezzjoni tal-profili fuq in-netwerks soċjali minn infiltrazzjoni permezz tal-kriminalità eletronika u se jgħin fil-ġlieda kontra s-serq tal-identità onlajn. Huwa se jiffoka wkoll fuq iċ-ċiberkriminalità li tikkawża danni serji lill-vittmi tagħha, bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-attaki ċibernetiċi li jaffetwaw l-infrastruttura kritika u s-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni.

"Miljuni ta’ Ewropej jużaw l-internet għal servizzi bankarji mid-dar, biex jixtru onlajn u biex jippjanaw il-vaganzi, jew biex iżommu kuntatt ma’ membri tal-familja tagħhom jew ma’ ħbiebhom permezz tan-netwerks soċjali fuq l-internet. Iżda hekk kif qed tikber dik il-parti minn ħajjitna ta’ kuljum li nqattgħu onlajn, il-kriminalità organizzata qed tagħmel l-istess - u dawn ir-reati jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minna," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni. "Ma nistgħux inħallu lill-kriminali ċibernetiċi jfixxklu l-ħajja diġitali tagħna. Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fl-Europol se jsir ċentru ta' kooperazzjoni li jiddefendi internet ħieles, miftuħ u bla perikli."

Sal-2011, kważi tliet kwarti (73 fil-mija) tal-unitajiet familjari Ewropej kellhom aċċess għall-internet id-dar u fl-2010 aktar minn terz taċ-ċittadini tal-UE (36 fil-mija) kienu qed jużaw servizzi bankarji onlajn. Tmenin fil-mija miż-żgħażagħ Ewropej jikkomunikaw permezz ta’ netwerks soċjali u madwar USD 8 triljun jgħaddu minn id għall-oħra kull sena madwar id-dinja permezz tal-kummerċ elettroniku.

Bħala konsegwenza, iċ-ċiberkriminalità qed tiżdied u l-kriminali ċibernetiċi ħolqu suq profittabbli madwar l-attivitajiet illegali tagħhom, fejn id-dettalji ta’ karti ta’ kreditu jistgħu jinbiegħu bejn il-gruppi ta' kriminalità organizzata għal €1 biss għal kull karta tal-kreditu, karta tal-kreditu fiżika falsifikata għal madwar €140 u d-dettalji bankarji għal €60 biss.

Iċ-ċiberkriminalità qed tkun immirata wkoll lejn il-medja soċjali: kuljum jiġu ibblukkati sa 600 000 kont tal-Facebook, wara diversi tipi ta’ attentati ta’ hacking u fl-2009 ġew skoperti aktar minn 6 700 000 kompjuter differenti infettat bis-softwer malizzjuż magħruf bħala bot.

Iċ-ċentru Ewropew se jwissi lill-Istati Membri tal-UE meta jkun hemm theddid maġġuri ta’ ċiberkriminalità u jindikalhom id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ difiża onlajn tagħhom. Se jidentifika netwerks ta’ ċiberkriminalità organizzata kif ukoll persuni prominenti fl-ispazju ċibernetiku li qed jisksru l-liġi.. Se jipprovdi appoġġ operazzjonali f’investigazzjonijiet konkreti, kemm jekk ikun fil-qasam tal-assistenza forensika jew inkella billi jkun ta’ għajnuna fit-twaqqif ta’ Skwadri Konġunti ta’ Investigazzjoni fejn tidħol iċ-ċiberkriminalità.

Biex ikun jista' jwettaq b'suċċess il-kompiti tiegħu u għal sostenn aħjar tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, tal-prosekuturi u tal-imħallfin fl-Istati Membri, iċ-Ċentru se jiġbor u jgħaqqad flimkien l-informazzjoni minn sorsi miftuħa, mill-industrija privata, mill-pulizija u mid-dinja akkademika. Iċ-Ċentru l-ġdid se jservi wkoll bħala bażi ta’ għarfien għall-pulizija nazzjonali fl-Istati Membri u se jiġbor flimkien il-kompetenza esperta u l-isforzi ta’ taħriġ Ewropej fejn tidħol iċ-ċiberkriminalità. Se jkun jista’ jwieġeb għal mistoqsijiet minn investigaturi taċ-ċiberkriminalità, minn prosekuturi u mħallfin kif ukoll mis-settur privat dwar kwistjonijiet speċifiċi tekniċi u forensiċi.

Iċ-Ċentru se jservi ta’ pjattaforma għal investigaturi taċ-ċiberkriminalità Ewropea, fejn jista’ jkollhom vuċi kollettiva f’diskussjonijiet mal-industrija tal-IT, ma’ kumpaniji oħra tas-settur privat, mal-komunità tar-riċerka, ma’ assoċjazzjonijiet tal-utenti u ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fl-aħħarnett, iċ-Ċentru għandu jsir is-sieħeb naturali għal sħab u inizjattivi internazzjonali usa’ fil-qasam taċ-ċiberkriminalità.

Iċ-ċentru mistenni jibda jopera f'Jannar tas-sena d-dieħla.

Biex ikun jista’ jiġi stabbilit iċ-Ċentru, il-proposta tal-Kummissjoni issa jeħtieġ tiġi adottata mill-awtorità baġitarja tal-Europol.

Kuntest

Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità f’L-Istrategija ta' Sigurta Interna fl-Azzjoni tal-UE’ (IP/10/1535 u MEMO/10/598), adottata fit-22 ta’ Novembru 2010 mill-Kummissjoni. Il-prijorità strateġika mogħtija lill-mod kif tiġi trattata ċ-ċiberkriminalità hija riflessa wkoll fil-miri strateġiċi u operazzjonali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità li ġew miftiehma bejn l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Europol.

Il-Komunikazzjoni tal-lum dwar iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità hija parti minn sensiela ta’ miżuri li jfittxu li jipproteġu liċ-ċittadini minn reati li jitwettqu onlajn, li tikkumplimenta proposti leġiżlattivi bħad-Direttiva dwar l-attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni, li t-test tagħha bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew (IP/10/1239 u MEMO/10/463) jew id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-isfruttar sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-pedopornografija, adottata fl-2011 (IP/10/379 u MEMO/10/107).

Għal aktar informazzjoni

MEMO/12/221

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site