Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-intrapriżi ż-żgħar: qed jersqu lejn ekonomija ekoloġika, iżda għadhom ma qabdux il-veloċità massima

European Commission - IP/12/316   27/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-Istampa

L-intrapriżi ż-żgħar: qed jersqu lejn ekonomija ekoloġika, iżda għadhom ma qabdux il-veloċità massima

Brussell, is-27 ta' Marzu 2012 – Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar "l-SMEs, l-effiċjenza tar-riżorsi u s-swieq ekoloġiċi" li ġie ppubblikat illum, 37 % tal-SMEs tal-UE għandhom mill-inqas ħaddiem ekoloġiku wieħed full-time jew part-time. L-impjiegi ekoloġiċi jinħolqu l-iżjed fl-SMEs meta mqabbla mal-kumpaniji l-kbar: Fl-2012, wieħed minn kull tmien ħaddiema tal-intrapriżi żgħar u medji kellu "impjieg ekoloġiku jew kważi 13 % tal-SMEs kollha (fil-kumpaniji l-kbar, dan kien biss wieħed minn kull 33 ħaddiem, jiġifieri 3 % tal-impjiegi kollha fl-intrapriżi l-kbar). Fis-sentejn li ġejjin, l-impjiegi ekoloġiċi fl-SMEs huma stmati wkoll li se jiżdiedu dinamikament b'rata ta' 35 %.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru, jiżvela wkoll li għad hemm sorsi oħra ta' potenzjal mhux mittiefes li jista' jiġi sfruttat mill-SMEs. Pereżempju, inqas minn kwart tal-SMEs jieħdu vantaġġ mis-suq uniku għal prodotti jew servizzi ekoloġiċi. Il-burokrazija hija meqjusa waħda mill-ostakli ewlenin, billi 20 % tal-SMEs jgħidu li jkun iktar faċli li jsir investiment ekoloġiku kieku l-proċeduri transkonfinali amministrattivi u legali ma kinux daqshekk kumplessi.

Anke l-SMEs fl-industriji ekoloġiċi qegħedin jimmaturaw. Imqabblin mat-52 % fl-Istati Uniti, tlieta minn kull ħames SMEs (61 %) li jbigħu prodotti jew servizzi ekoloġiċi kienu attivi fis-swieq ekoloġiċi għal iżjed minn tliet snin. L-ikel u x-xorb (25 %) u l-makkinarju u t-tagħmir elettroniku u mekkaniku (23 %) huma l-iżjed prodotti u servizzi ekoloġiċi li jinbiegħu mill-SMEs fl-UE.

Waqt li llum kien qed iħabbar ir-riżultati tal-Ewrobarometru, Antonio Tajani, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea li huwa responsabbli mill-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Tassew jien kuntent nara li l-SMEs qegħdin jisfruttaw dan il-potenzjal kbir li għadu mhux mittiefes u li se jagħti l-frott b'iżjed innovazzjoni, b'SMEs aktar kompetittivi u b'iżjed impjiegi. Madanakollu għad baqa' ħafna ħidma xi ssir. Huma ftit ħafna l-SMEs Ewropej li qed iwessgħu n-negozju ekoloġiku tagħhom fis-swieq barranin. Meta wieħed iqis li l-UE tifforma madwar terz tas-suq dinji għall-industriji ambjentali, joħroġ fid-deher potenzjal kbir li għadu mhux mittiefes għall-SMEs biex jikbru."

Għal aktar tagħrif aqra l-MEMO/12/218

Ir-rapport sħiħ dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar "l-SMEs, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u s-swieq ekoloġiċi"

SMEs ekoloġiċi: b'saħħithom f'pajjiżhom iżda dgħajfin lil hinn

Is-swieq ekoloġiċi1 għall-SMEs fl-UE jibqgħu prinċipalment domestiċi. 87 % tal-SMEs li huma involuti fin-negozju ekoloġiku (jew fl-ekonomija ekoloġika) joperaw fis-swieq nazzjonali tagħhom. Ftit inqas minn kwart tal-SMEs jirrapportaw li huma jaħtfu l-opportunitajiet tas-Suq Uniku. Meta wieħed iqis il-pajjiżi tal-BRIC2 li huma stmati li jammontaw għal madwar 60 % tal-PDG dinji sal-2030, huma biss 3 % tal-SMEs fl-UE li qed jagħrfu jbigħu l-prodotti jew is-servizzi ekoloġiċi tagħhom fl-Asja u fin-Nofsinhar tal-Paċifiku u sempliċiment 2 % fl-Amerika t'Isfel.

Id-domanda tal-klijenti għandha rwol ewlieni

Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, ir-raġuni ewlenija għall-SMEs fl-UE biex ibigħu l-prodotti jew is-servizzi ekoloġiċi tagħhom hija d-domanda tal-klijenti (48 %). Anke l-valuri ġewwiena (32 %) u l-immaġni (30 %) tal-kumpaniji għandhom rwol f'dan ir-rigward.

L-SMEs inaqqsu l-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi

93 % tal-SMEs tal-UE jieħdu azzjonijiet sabiex ikunu iżjed effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. 64 % tal-SMEs jiffrankaw l-enerġija, 61 % jirriċiklaw u 62 % jnaqqsu l-iskart tagħhom kemm jista' jkun. Għal 33 % tal-SMEs hija ta' prijorità kbira li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Il-miżuri politiċi jistgħu jgħinu biex jitħaddem 'il-mutur tat-tkabbir ekoloġiku'

L-SMEs iqisu l-inċentivi finanzjarji bħala l-iżjed mezz li jgħinhom isiru iżjed ekoloġiċi fil-mod kif joperaw u fil-prodotti u s-servizzi li joffru.

  • Madwar nofs l-SMEs (51 %) iqisu li r-rifużjoni tat-taxxa, l-għotjiet u s-self huma l-aqwa miżuri politiċi li jappoġġaw investimenti effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

  • Madwar nofs l-SMEs (49 %) li diġà qed joffru prodotti ekoloġiċi jindikaw li l-inċentivi finanzjarji għall-iżvilupp tal-prodotti jkunu l-aqwa mezz li jgħinhom iwessgħu l-firxiet tagħhom ta' prodotti u servizzi ekoloġiċi.

  • Barra minn hekk, anke 31 % tal-SMEs li bħalissa mhumiex joffru prodotti u servizzi ekoloġiċi jemmnu li l-inċentivi finanzjarji jkunu l-aqwa mezz li jgħinhom iniedu firxa ta' prodotti jew servizzi ekoloġiċi.

Is-simplifikazzjoni amministrattiva tixpruna l-prodotti ekoloġiċi

Anke l-konsulenza teknika u s-simplifikazzjoni amministrattiva jitqiesu bħala effettivi ħafna biex jgħinu l-SMEs ikunu iżjed ekoloġiċi. Fis-sentejn li ġejjin, erbgħa minn kull ħames SMEs (80 %) biħsiebhom iwettqu azzjonijiet għal effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, iżda wieħed minn kull ħames SMEs jgħid li kieku l-proċeduri amministrattivi u legali ma kinux daqshekk kumplessi jew kieku l-ispejjeż biex jittieħdu l-azzjonijiet ikunu inqas, dan kien ikun iktar faċli.

  • Wieħed minn kull erbgħa (25 %) SMEs jgħidu li jekk jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi biex tinħoloq il-kapaċità tal-koġenerazzjoni bħall-installazzjoni tal-pannelli solari, dan ikun partikolarment effettiv biex tiġi xprunata l-effiċjenza fl-enerġija.

  • Aktar tagħrif dwar il-kuntratti tas-servizz tal-enerġija u dwar l-alternattivi kif wieħed jista' jiffranka l-enerġija jgħin ukoll lil wieħed minn kull erba' SMEs (24 %) biex inaqqas il-kont tal-enerġija tiegħu.

  • Madwar wieħed minn kull ħames SMEs li bħalissa ma joffrux prodotti u servizzi ekoloġiċi jgħid li ftit assistenza biex jidentifikaw swieq jew klijenti potenzjali għal prodotti jew servizzi ekoloġiċi, jista' jħajjarhom jikkunsidraw li jidħlu fi swieq ekoloġiċi.

L-akkwist pubbliku ekoloġiku għadu sfida

Bħala stimolu għal ekonomija iżjed sostenibbli, l-akkwist pubbliku ekoloġiku għadu sfida għall-SMEs. Skont id-dejta disponibbli, meta mqabbla mas-16 % tal-kumpaniji l-kbar, huma 11 % biss tal-SMEs fl-UE li tefgħu l-offerti għal tender pubbliku li kien fih rekwiżiti ambjentali.

Il-kuntest

L-istħarriġ 342 tal-Ewrobarometru Flash "SMEs iżjed effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u fis-swieq ekoloġiċi" sar bejn l-24 ta' Jannar u l-10 ta' Frar 2012 mit-TNS Political & Social. Dan sar fis-27 Stat Membru tal-UE u fl-Albanija, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, in-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja, it-Turkija, l-Iżrael u l-Istati Uniti. Huwa stħarriġ li jkopri negozji li jħaddmu persuna jew iżjed fis-setturi tal-Manifattura (kategorija Nace C), tal-Bejgħ bl-Imnut (kategorija Nace G), tas-Servizzi (kategoriji Nace I/J/K/H/L/M/) u tal-Industrija (kategoriji Nace B/D/E/F) fl-Unjoni Ewropea. Dan ma jkoprix lil dawk li jaħdmu għal rashom.

Kuntatti:

Carlo Corazza +32 22 95 17 52

Sara Tironi +32 22 99 04 03

1 :

Il-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi huma dawk li għandhom funzjoni predominanti biex jonqos ir-riskju ambjentali u biex kemm jista' jkun jitnaqqsu t-tniġġis u r-riżorsi . F'dan l-istħarriġ ġew inklużi wkoll prodotti li għandhom karatteristiċi ambjentali (b'eko-disinn, b'eko-tikketta, maħluqa b'mod organiku, b'kontenut riċiklat importanti). L-SMEs fis-settur ekoloġiku li huma attivi fis-setturi tal-industrija (31 %) u tal-bejgħ bl-imnut (29 %) qegħdin f'pożizzjoni aħjar mill-medja (26 %) biex joffru prodotti u servizzi ekoloġiċi. Nofs il-kumpaniji tal-UE (52 %) li huma attivi fis-suq ekoloġiku joffru prodotti u servizzi b'karatteristiċi ambjentali bħad-drycleaning ekoloġiku u l-prodotti organiċi tal-ikel. 29 % jaħdmu fil-qasam tal-materjali riċiklati u 20 % fl-enerġija rinnovabbli jew fl-immaniġġar tal-iskart solidu.

2 :

Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website