Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/12/310

Commission Européenne - IP/12/310   23/03/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tipproponi liġijiet aktar stretti dwar It-tkissir tal-bastimenti

Brussell, it-23 ta' Marzu 2012 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda li jiżguraw li l-bastimenti Ewropej jiġu riċiklati biss f'faċilitajiet li huma sikuri għall-ħaddiema u ekoloġikament razzjonali. Aktar minn 1000 bastiment kummerċjali kbar u qodma bħat-tankers u l-bastimenti li jġorru l-kontejners huma riċiklati għall-metall tal-skrepp tagħhom kull sena, iżda ħafna bastimenti Ewropej jispiċċaw f'faċilitajiet li mhumiex skont l-istandard fuq ix-xtut bil-marea fix-xlokk tal-Asja. Dawn il-faċilitajiet huma nieqsa l-aktar mill-miżuri tas-sikurezza u għall-ħarsien tal-ambjent meħtieġa għall-ġestjoni tal-materjali perikolużi li l-bastimenti jkollhom fihom fi tmiem il-ħajja tagħhom. Dawn jinkludu l-asbestos, il-bifenlili poliklorinati (polychlorinated biphenyls - PCBs), il-landa tributil u l-ħmieġ taż-żejt mormi. Dan iwassal għal rati għolja ta’ inċidenti u riskji għas-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll tniġġis ambjentali estensiv.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Għalkemm sar titjib fil-prassi tas-settur tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, bosta faċilitajiet baqgħu joperaw taħt kundizzjonijiet li huma perikolużi u jagħmlu l-ħsara. Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura li bastimenti antiki tagħna jiġu riċiklati b'mod li jirrispettaw is-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll l-ambjent. Huwa sinjal ċar biex ninvestu urġentement fl-aġġornament tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ.Il-Kummissarju Potočnik ippreżenta r-Regolament flimkien mal-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju għat-Trasport.

Ir-regoli l-ġodda, li se jieħdu s-sura ta’ Regolament, jipproponu sistema ta’ stħarriġ, ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni sabiex il-bastimenti kummerċjali marittimi kbar li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-UE, u li jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom mill-kostruzzjoni sat-tħaddim u r-riċiklaġġ.

Din is-sistema tibni fuq il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong għar-riċiklaġġ tal-bastimenti b’mod sikur u ekoloġikament razzjonali, li ġiet adottata fl-2009. Il-proposta tal-lum għandha l-għan li timplimenta l-Konvenzjoni malajr mingħajr ma tistenna r-ratifika u d-dħul fis-seħħ tagħha, proċess li se jieħu bosta snin. Sabiex jitħaffef id-dħul formali fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong, il-Kummissjoni llum ippreżentat ukoll abbozz ta' deċiżjoni li tirrikjedi li l-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni.

Skont is-sistema l-ġdida, il-bastimenti Ewropej se jkollhom ifasslu inventarju ta’ materjali perikolużi preżenti abbord, u japplikaw għal ċertifikat tal-inventarju. L-ammont ta’ skart perikoluż abbord (inkluż il-fdalijiet mill-merkanzija, iż-żejt tal-fjuwil, eċċ.) għandu jitnaqqas qabel ma l-bastiment jiġi kkunsinnat lil faċilità ta’ riċiklaġġ.

Il-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti se jkollhom jissodisfaw sensiela ta’ rekwiżiti ambjentali u tas-sikurezza sabiex jiġu inklużi fil-lista tal-faċilitajiet awtorizzati madwar id-dinja kollha. Il-bastimenti Ewropej se jitħallew jiġu riċiklati biss fil-faċilitajiet li hemm fuq il-lista. Uħud mir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti huma aktar stretti minn dawk previsti mill-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Dan se jiżgura traċċabilità aħjar għal bastimenti Ewropej, u se jiggarantixxi li l-iskart li jirriżulta miż-żarmar (u kwalunkwe materjali perikolużi fih) jiġi mmaniġġat b’mod li huwa ekoloġikament razzjonali.

Sabiex tkun żgurata l-konformità, il-proposta tirrikjedi lis-sidien tal-bastimenti biex jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali meta jkollhom l-intenzjoni li jibagħtu bastiment għar-riċiklaġġ. Billi jqabblu l-lista ta’ bastimenti li għalihom ikun inħareġ ċertifikat ta’ inventarju mal-lista ta’ bastimenti li jkunu ġew riċiklati fil-faċilitajiet awtorizzati, l-awtoritajiet se jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod iktar faċli r-riċiklaġġ illegali. Is-sanzjonijiet proposti fir-Regolament se jkunu wkoll aktar speċifiċi u preċiżi.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa se jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni.

Kuntest

Fil-preżent, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti huwa rregolat mir-Regolament dwar il-ġarr tal-iskart, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart perikoluż lejn pajjiżi li mhumiex fl-OECD. Madankollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti mhix imfassla speċifikament għall-bastimenti u ta’ spiss qed tiġi evitata. Dan jirriżulta min-nuqqas ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ fil-pajjiżi tal-OECD – iżda huwa wkoll diffiċli biex wieħed jiddetermina meta bastiment isir skart u liema pajjiż qed jesporta l-bastiment. Il-proposta l-ġdida għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet f’din il-leġiżlazzjoni u li tippermetti, taħt kondizzjonijiet stretti, ir-riċiklaġġ ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE f’pajjiżi li mhumiex fl-OECD.

Fl-2009, aktar minn 90 % ta’ bastimenti Ewropej kienu żarmati fil-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti f’pajjiżi li mhumiex fl-OECD, u wħud minnhom ma kinux skont l-istandard. Il-kwantità ta’ bastimenti Ewropej li waslu fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom huwa sinifikanti, billi 17 % mit-tunnellaġġ tad-dinja kollha huwa rreġistrat taħt bandiera tal-UE. Dan jagħmilha prijorità għall-UE biex ittejjeb il-prassi taż-żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja.

Fid-19 ta’ Novembru 2008, imħassba ħafna dwar l-impatti negattivi tar-riċiklaġġ tal-bastimenti fuq is-saħħa u fuq l-ambjent, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti . Din l-istrateġija pproponiet għadd ta’ miżuri għat-titjib malajr kemm jista’ jkun tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, mingħajr ma tistenna li tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong. Il-proposta tal-lum tibni fuq l-ideat li jinsabu fl-istrateġija.

Biex l-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong tidħol fis-seħħ jeħtieġ li din tiġi rratifikata minn tal-inqas 15-il pajjiż ewlieni tal-bandiera u tar-riċiklaġġ. Dawn il-pajjiżi għandhom jirrappreżentaw mill-inqas 40 % tal-flotta dinjija u parti sinifikanti (kważi 50 %) tal-kapaċità tar-reċiklaġġ disponibbli madwar id-dinja kollha.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/waste/ships/index.htm

Kuntatti :

Robert Flies (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site