Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

CLIMATE-ADAPT: għodda ġdida għat-tfassil tal-politiki dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012 – Il-Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (CLIMATE-ADAPT), għodda interattiva bbażata fuq l-internet dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, se tiġi attivata onlajn illum fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) f’Kopenħagen. Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, ingħaqdet ma’ Ida Auken, il-Ministru Daniż għall-Ambjent, u ma’ Jacqueline McGlade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA għall-varar ta’ din il-pjattaforma.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima hija pjattaforma bbażata fuq l-internet u aċċessibbli għall-pubbliku (http://climate-adapt.eea.europa.eu), iddisinjata biex tappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-iżvilupp ta’ miżuri u politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima. Adattament tfisser l-antiċipazzjoni ta' effetti avversi tat-tibdil fil-klima u t-teħid ta’ azzjoni xierqa biex tiġi evitata jew minimizzata l-ħsara li dawn jistgħu jikkawżaw.

CLIMATE-ADAPT ġiet żviluppata bl-appoġġ tal-komunità xjentifika u politika Ewropea, u se tgħin lill-utenti biex ikollhom aċċess,għall-informazzjoni ta’ hawn taħt kif ukoll ixerrduha u jintegrawha:

  • It-tibdil fil-klima li huwa mistenni fl-Ewropa

  • Il-vulnerabbiltà tar-reġjuni, il-pajjiżi u s-setturi, issa u fil-futur

  • Informazzjoni dwar attivitajiet u strateġiji nazzjonali, reġjonali u transnazzjonali

  • Studji ta’ każijiet ta’ adattament u għażliet potenzjali għall-adattament fil-futur

  • Għodod fuq l-internet li jappoġġaw l-ippjanar tal-adattament

  • Proġetti tar-riċerka marbuta mal-adattament, dokumenti ta’ linji gwida, sorsi u rapporti ta’ informazzjoni, links, aħbarijiet u avvenimenti.

Il-Kummissarju Hedegaard qalet: Din tista’ tkun għodda straordinarja li tgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jagħżlu l-aħjar soluzzjonijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom. Aħna veru m’aħniex tajbin biex nikkondividu l-aħjar prassi kif ukoll l-informazzjoni dwar dak li MA GĦANDNIEX nagħmlu. Din l-għodda interattiva ġdida se tagħmel l-isforzi tagħna ħafna iżjed effiċjenti.

L-impatti tat-tibdil fil-klima huma theddida soċjali, ambjentali u ekonomika għall-Komunità Ewropea kif ukoll għal dik globali. Avvenimenti tat-temp aktar frekwenti u estremi – xita u għargħar, mewġiet tas-sħana u nixfiet - kopertura tas-silġ imnaqqsa, temperaturi dejjem ogħla u livelli tal-baħar dejjem jogħlew se jaffettwaw dejjem iżjed l-għajxien, il-produzzjoni tal-ikel, il-provvista tal-enerġija, l-infrastruttura, u l-ekosistemi: is-soċjetà inġenerali. Is-sajf sħun tal-2003 ġie stmat, minn Munich Re, li wassal għal telf ta’ EUR 10 biljun għall-biedja, il-bhejjem u l-forestrija tal-UE mill-effett ikkombinat ta’ nixfa, stress tas-sħana u nirien.

L-istudju PESETA taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-UE ħareġ bl-istima li, mingħajr adattament għat-tibdil fil-klima, jekk il-klima pprojettata għas-sena 2080 kellha sseħħ illum, il-ħsara annwali lill-ekonomija tal-UE tkun bejn EUR 20 u EUR 65 biljun. Riskji bħal dawn jirrikjedu li aħna nieħdu azzjoni issa biex niżguraw li s-soċjetà tagħna hija kapaċi tadatta għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, filwaqt li timmodera l-effetti negattivi tagħha u tisfrutta l-opportunitajiet ta’ benefiċċju. L-evidenza tal-benefiċċji ekonomiċi ta’ azzjoni għal adattament qed tikber: il-ħsara ekonomika annwali attwali għall-UE minħabba l-għargħar waħedhom hija madwar EUR 6.4 biljun u, skont il-proġett ClimateCost tal-FP7, qed tiġi pprojettata li din se tiżdied ħafna drabi sal-2050. Il-miżuri ta’ adattament ikunu jistgħu jevitaw ħsara bħal din u jkunu jiswew biss proporzjon żgħir tal-ispejjeż mistennija mill-ħsara.

Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji dwar l-aħjar mod ta’ adattament, huwa essenzjali li jkun hemm aċċess għal dejta affidabbli dwar l-impatt probabbli tat-tibdil fil-klima, l-aspetti soċjoekonomiċi assoċjati u l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażliet ta’ adattament differenti. Il-White Paper dwar l-Adattament ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2009, enfasizzat li n-nuqqas ta' għarfien huwa ostaklu kbir għall-iżvilupp ta' reazzjonijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li jirnexxu.

Xi jmiss?

CLIMATE-ADAPT se tkun ospitata u amministrata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f'Kopenħagen. CLIMATE-ADAPT se tappoġġa l-ħolqien tal-bażi tal-għarfien meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-adattament ibbażati fuq l-evidenza. Il-kontribut tagħha se jinforma l-iżvilupp ta’ Strateġija tal-UE ta’ Adattament li tkun komprensiva u l-Kummissjoni qed tippjana li tadottaha fil-bidu tal-2013, bil-għan li tappoġġa l-ħtiġijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet transnazzjonali u l-partijiet interessati lokali b’azzjonijiet xierqa fil-livell tal-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima:

http://climate-adapt.eea.europa.eu

Adattament għat-tibdil fil-klima:

http://ec.europa.eu/clima/policies/adaptation/index_en.htm

Webcast tal-Avveniment tal-Varar, il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu 2012 mill-10:00 sas-13:30 CET

http://webcast.ec.europa.eu

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site