Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-trasport bl-ajru: L-Istati Membri jappoġġaw reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta' groundhandling

European Commission - IP/12/302   22/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-Istampa

It-trasport bl-ajru: L-Istati Membri jappoġġaw reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta' groundhandling

Brussell, 22 ta' Marzu 2012 - Siim Kallas, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju għat-trasport, illum laqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-Istati Membri għall-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-regoli attwali tal-UE dwar is-servizzi ta' groundhandling.

Il-Viċi President Kallas qal: "L-ajruporti qed jaffrontaw kriżi fil-kapaċità fejn tlieta minn kull erba' każijiet ta' dewmien ta' titjira huma kkaġunati minn problemi fuq l-art, mhux fl-ajru. Hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi ta' groundhandling. Il-ftehim jilħaq il-bilanċ ġust bejn il-possibbiltà li tingħata għażla akbar ta' fornituri ta' servizzi ta' kwalità lil-linji tal-ajru u t-tisħiħ tal-ħarsien tal-ħaddiema f'settur li jesiġi ħafna ħaddiema."

Il-ftehim mal-ministri jħares iż-żewġ elementi ewlenin fil-qalba tal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-groundhandling:

1. Il-linji tal-ajru għandhom bżonn għażla akbar fir-rigward ta' min jipprovdi s-servizzi tagħhom fuq l-art, dan ifisser li jrid ikun hemm tal-anqas tliet fornituri f'kull ajurport prinċipali.

Żgurar ta' ftuħ sħiħ tas-suq tas-self-handling għal-linji tal-ajru u ta' żieda fl-għadd minimu ta' fornituri ta' servizzi (f'servizzi ristretti) minn tnejn għal tlieta fl-ajruporti kbar: Dan jiżgura li l-linji tal-ajru jkollhom għażla akbar ta’ soluzzjonijiet ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-UE.

2. Servizzi ta' kwalità għolja jiddependu fuq ħaddiema ta' kwalità għolja – dan ifisser rinfurzar ta' termini stabbli ta' impjieg għal dawk li jaħdmu fuq l-art.

Tingħata possibbiltà lill-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema sabiex il-persunal jista' jittrasferixxi ruħu taħt il-kundizzjonijiet attwali meta kuntratt imur għand fornitur ġdid: dan huwa essenzjali biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta' impjieg stabbli, li huma meħtieġa biex jinżammu ħaddiema ta' kwalità għolja f'settur li jesiġi ħafna ħaddiema.

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-groundhandling

Titjira komda, sikura u affidabbli tesiġi sensiela sħiħa ta' servizzi fuq l-art, bħat-tindif tal-kabini, riforniment tal-fjuwil, tneħħija tas-silġ fix-xitwa u mmaniġġar tal-bagalji.

Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-linji tal-ajru jkollhom għażla akbar ta' soluzzjonijiet ta' groundhandling, jagħtu aktar kontroll lill-ajruporti fuq il-koordinazzjoni tas-servizzi ta' groundhandling, u jikkjarifikaw ir-regoli dwar it-taħriġ u t-trasferiment tal-persunal ta' groundhandling.

Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, fl-1 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament dwar is-servizzi ta' groundhandling fl-ajurporti tal-UE, fil-kuntest tal-Pakkett "Ajruporti Aħjar", flimkien mal-proposti dwar l-islotts tal-ajruporti u r-restrizzjonijiet tal-istorbju fl-ajruporti (ara IP/11/1484 u MEMO/11/857). Dwar il-groundhandling, il-Kummissjoni pproponiet li tħassar id-Direttiva 96/67/KE u tissostiwixxi din il-leġiżlazzjoni b'regolament ġdid.

Il-groundhandling ikopri varjetà wiesgħa ta' servizzi għal-linji tal-ajru li huma pprovduti fl-ajruporti sabiex jappoġġaw l-operazzjonijiet tagħhom. Dan jinkludi mhux biss servizzi tekniċi bħall-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, servizzi ta’ fjuwil u żejt u mmaniġġar tal-merkanzija, iżda wkoll servizzi li huma essenzjali għas-sikurezza u l-kumdità tal-passiġġieri bħar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri, l-ikel, l-immaniġġar tal-bagalji u t-trasport fuq l-art fl-ajruport.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew għad irid jieħu vot dwar il-proposta fl-ewwel qari. Ir-regolament propost dwar is-servizzi ta' groundhandling huwa l-ewwel minn tliet proposti leġiżlattivi tal-Pakkett "Ajurporti aħjar". Minbarra d-diskussjoni ta' llum dwar il-groundhandling, il-Kummissjoni tistenna li l-Kunsilli jaħdem fuq ir-regolamenti dwar l-istorbju u l-islotts, hekk kif il-Presidenza qed tindika li se tibda bit-tema tal-istorbju sa mill-bidu tal-ġimgħa dieħla permezz tal-grupp ta' ħidma.

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website