Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-karti u l-muniti tal-ewro – 10 snin wara

Commission Européenne - IP/12/2   02/01/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-karti u l-muniti tal-ewro – 10 snin wara

Brussell, it-2 ta' January 2012 – L-1 ta' Jannar 2012 fakkar l-introduzzjoni tal-karti u l-muniti tal-ewro fl-Unjoni Ewropea, li ġabet magħha allinjament mingħajr preċedent tal-politiki monetarji u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi taż-żona tal-ewro. Filwaqt li l-ewro u l-Unjoni Monetarja u Ekonomika pprovdew sisien sodi għall-progress ekonomiku, il-kriżi bankarja tal-2008 u l-konsegwenzi tagħha għaddew lis-sistema minn prova ħarxa. Huwa evidenti li s-suċċess tal-ewro huwa dipendenti fuq finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u politiki makroekonomiċi b'saħħithom. Il-bażi għall-irkupru teżisti diġà fir-regoli tal-UE dwar il-governanza u s-sorveljanza ekonomiċi, li dan l-aħħar ġew imsaħħa. Dan l-irkupru qed jiġi msaħħaħ aktar permezz ta' "Patt Fiskali" miftiehem bejn il-mexxejja tal-UE, li għandu l-għan li jiggarantixxi dixxiplina baġitarja u koordinazzjoni u governanza tal-politika ekonomika msaħħa maż-żona kollha tal-ewro.

Fil-perjodu ta' qabel il-kriżi, iż-żona tal-ewro kollha kemm hi gawdiet minn stabbiltà makroekonomika b'inflazzjoni stabbli, rati baxxi tal-imgħax, perjodu eċċezzjonalment twil ta' tkabbir ekonomiku, u suq intern aktar b'saħħtu. It-332 miljun ruħ li jużaw l-ewro ma għadhomx iġarrbu spejjeż żejda biex jibdlu l-flus minn munita għall-oħra u t-tranżazzjonijiet transkonfinali saru aktar trasparenti, u b'hekk il-konsumaturi jistgħu jqabblu l-prezzijiet bejn pajjiż u ieħor taż-żona tal-ewro.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Ewro, Olli Rehn, qal, "Fil-kuntest attwali ta' fraġilità ekonomika, dan huwa mument opportun biex niftakru fil-prinċipji fundamentali li fuqhom inbniet l-ewro, u biex noħolqu l-kundizzjonijiet li jwassluna lura għal Ewropa ta' saħħa u opportunità. Għandna r-riżorsi materjali u anke dawk umani. Issa nistennew volontà politika, determinazzjoni qawwija u azzjoni rapida biex nirrestawraw it-tkabbir ekonomiku, noħolqu aktar impjiegi u nirrestwixxu l-fiduċja lill-investituri u l-pubbliku."

Sfond

Qabel ma jingħaqdu maż-żona tal-ewro, mingħajr ebda eċċezzjoni, il-pajjiżi membri potenzjali kollha huma meħtieġa jissodisfaw kriterji ekonomiċi u monetarji sabiex tinżamm id-dixxiplina baġitarja. L-ewro ressqet lill-Istati Membri lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib għall-għan komuni ta' munita stabbli u ekonomija li lkoll nibbenefikaw minnha. Qabel ma faqqgħet il-kriżi bankarja fl-2008, l-Unjoni Ewropea kienet fit-triq it-tajba biex tilħaq dawn il-miri.

Madankollu, fi ħdan iż-żona tal-ewro, l-iżbilanċi fiskali u makroekonomiċi akkumulaw tul l-aħħar deċennju. L-indirizzar ta' dawn l-iżbilanċi rrikjeda sforzi enormi mis-settur pubbliku biex l-interessi tal-gvernijiet, tan-negozji u taċ-ċittadini fl-Ewropa kollha jiġu protetti.

Mingħajr l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-kriżi finanzjarja globali kienet tirriżulta f'serje ta' kriżijiet monetarji devastanti fl-Ewropa. L-effett fuq l-ekonomiji, il-gvernijiet, in-negozji u anke l-ħajja ta' kuljum tan-nies ma kienx ikun immaġinabbli.

L-għan fundamentali tal-unjoni ekonomika u monetarja u l-ewro kien - u għadu - li jippermetti lill-ekonomija Ewropea tiffunzjona aħjar, joħloq aktar impjiegi u ħajja aħjar għall-Ewropej. L-ewro mhijiex sempliċi arranġament monetarju tekniku, iżda simbolu tad-determinazzjoni li naħdmu flimkien fi spirtu ta' solidarjetà.

L-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir ma ġġibhomx l-ewro waħedha. L-ewwel nett, dawn jintlaħqu permezz ta' ġestjoni tajba tal-ekonomija taż-żona tal-ewro skont ir-regoli tat-Trattat tal-UE u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), li huma ta' importanza kbira għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

It-tieni, l-ewro bħala l-munita tal-Unjoni Ewropea hija l-mekkaniżmu essenzjali biex jiżdiedu l-benefiċċji tas-suq uniku, tal-politika kummerċjali u tal-kooperazzjoni politika.

Il-PST għadu kif ġie msaħħaħ permezz ta' sett ta' sitt regoli (l-hekk imsejjaħ "six-pack") li daħal fis-seħħ fl-UE fit-13 ta' Diċembru 2011. Dawn l-istrumenti l-ġodda se jgħinu biex jiġi żgurat, illum iktar minn qatt qabel, li kulħadd iżomm mar-regoli miftiehma b'mod konġunt, u għalhekk se jgħinu b'mod sinifikanti biex jistabbilizzaw l-ekonomija tal-UE u jipprevjenu li terġa' sseħħ kriżi ġdida. Dan is-sett ta' għodod jinkludi regoli fiskali u enfasi ġdida fuq it-tnaqqis ta' livelli għoljin ta' dejn, appoġġat minn mekkaniżmu kredibbli ta' sanzjonijiet, u qafas effettiv biex jiġu evitati u indirizzati żbilanċi makroekonomiċi usa'.

Din il-mira importanti ntlaħqet ftit tal-jiem biss wara l-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru, li matulu l-mexxejja tal-UE ħadu deċiżjonijiet kuraġġużi biex isaħħu l-kredibbiltà tar-reazzjoni tagħna għall-kriżi, kemm fir-rigward ta' aktar tisħiħ tal-governanza ekonomika lejn patt fiskali ġdid, kif ukoll għat-tisħiħ tat-tarek finanzjarji biex il-kriżi ma tkompliex tinfirex, u fl-aħħar mill-aħħar, biex jiġu protetti t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/11/945

MEMO/11/898

Websajt tad-DĠ ECFIN:

http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/index_mt.htm

Kuntatti:

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site