Navigation path

Left navigation

Additional tools

Paper ġdida dwar Strateġija għall-Benessri tal-Annimali: Il-Kummissjoni Ewropea tfittex li ttejjeb il-kwalità

European Commission - IP/12/28   19/01/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Paper ġdida dwar Strateġija għall-Benessri tal-Annimali: Il-Kummissjoni Ewropea tfittex li ttejjeb il-kwalità

Brussell, id-19 ta’ Jannar 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija ġdida ta’ erba’ snin (2012-2015) li għandha l-għan li tkompli ttejjeb il-benessri tal-annimali fl-Unjoni Ewropea.

“Id-dħul fis-seħħ reċenti tal-leġiżlazzjoni dwar “tiġieġ tal-bajd” wera li għad hemm problemi fil-benessri tal-annimali f’bosta Stati Membri. Qed isiru xi sforzi iżda fadal ħafna kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati b’mod differenti biex jinkisbu riżultati aktar sostenibbli. L-istrateġija l-ġdida se tagħti l-flessibbiltà xierqa lill-operaturi biex jiksbu l-livelli meħtieġa ta’ benessri b’modi differenti. L-ottimizzazzjoni tal-koerenza politika u t-trasparenza tas-suq f’qafas leġiżlattiv komprensiv dwar il-benessri tal-annimali se tnaqqas kemm jista’ jkun it-tensjonijiet reali u perċepiti bejn il-benessri u l-ekonomija. Il-miżuri ta’ benessri tal-annimali jeħtieġ li jkunu kost-effettivi. L-assenjazzjoni ta’ riżorsi għall-edukazzjoni u t-taħriġ li ġiet proposta mistennija li tkun kost-effettiva ħafna, kemm f’termini ekonomiċi kif ukoll ta’ benessri.” Hekk qal il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli.

Bżonn li jkun hemm bidla

Il-leġiżlazzjoni dwar il-Benessri tal-Annimali tal-UE, li ġiet żviluppata bħala reazzjoni għall-kontinġenzi u t-talba politika tul dawn l-aħħar tliet deċenni, hija ta' spiss fid-dettall u speċifika għas-settur iżda sporadika fil-kopertura tagħha. L-applikazzjoni mhux uniformi ta’ dawn ir-regoli fl-Istati Membri twassal għal kundizzjonijiet mhux uniformi f’dan is-settur ekonomiku importanti. Meta jitqabbel mal-isfond tad-diversità tas-sistemi tal-klima, tat-terren u tal-biedja li fih irid jiġi applikat, dan il-qasam tal-liġi Ewropea jitlob li jkun hemm bidla.

L-istrateġija l-ġdida ġiet adottata f’forma ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Għaliex jippersistu l-problemi

Il-Komunikazzjonmi tal-Kummissjoni tidentifika n-nuqqas ta’ nfurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri f’għadd ta’ oqsma bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw ħażin il-benessri tal-annimali fl-UE. Diffikultà oħra għall-implimentazzjoni sħiħa u uniformi huwa l-fatt li s-suq ma jipprovdix biżżejjed inċentivi ekonomiċi għall-konformità.

Il-Komunikazzjoni tinnota wkoll li ħafna mill-partijiet involuti ma għandhomx biżżejjed għarfien dwar il-benessri tal-annimali filwaqt li tiġbed l-attenzjoni dwar lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jagħmluha aktar diffiċli li wieħed jiżgura kundizzjonijiet ta’ benessri xierqa għal xi kategoriji ta’ annimali.

Azzjonijiet Issuġġeriti

Għall-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet u dan it-tħassib, l-Istrateġija tipprovdi approċċ b'żewġ possibbiltajiet: proposta għal liġi komprensiva dwar il-benessri tal-annimali u infurzar mill-ġdid tal-azzjonijiet attwali. Il-leġiżlazzjoni li trid tiġi proposta mistennija li ġġib ‘il quddiem approċċ innovattiv li jikkonċentra fuq ir-riżultati attwali fir-rigward tal-benessri aktar milli fuq kontributi mekkanistiċi, u li żżid l-attenzjoni fuq l-istandards edukattivi u professjonali tal-partijiet kollha kkonċernati.

It-tieni element jipproponi tisħiħ u l-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet attwali tal-Kummissjoni: it-titjib tal-għodda biex il-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti legali tissaħħaħ; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali li diġà teżisti dwar kwistjonijiet ta’ benessri tal-annimali; it-twassil ta’ tagħrif aħjar lill-konsumaturi, u t-twettiq ta’ studji fejn jidher li l-benessri tal-annimali jiltaqa’ ma’ l-akbar numru ta' problemi.

Kuntest

Il-Kummissjoni adottat Strateġija dwar il-Benessri tal-Annimali għall-ewwel darba fl-2006. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010, ġabar flimkien l-aspetti differenti tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali li tirregola it-trobbija ta’ biljuni ta’ annimali għal finijiet ekonomiċi.

L-istrateġija l-ġdida sserraħ fuq l-antika u, b’mod partikolari, fuq it-tagħlimiet meħuda matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ ħames snin tal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni. Il-ħtieġa ta’ strateġija ġdida tidher ċara jekk wieħed iħares lejn l-importanza tal-annimali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Is-settur tal-biedja huwa l-ikbar sa fejn għandu x’jaqsam l-użu tal-annimali. Fl-azjendi agrikoli madwar l-UE, hemm madwar żewġ biljun tajra (tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam, tiġieġ tal-bajd, dundjani, papri u wiżż) u tliet mitt miljun mammal (baqar, qżieqeż, ngħaġ, eċċ.). Il-popolazzjoni tal-annimali domestiċi hija wkoll kemxejn imdaqqsa fl-UE. Skont l-istimi li saru hemm qrib mitt miljun kelb u qattus fl-Unjoni. L-istima tal-valur annwali tal-annimali mrobbija fl-UE hija ta’ madwar 150 biljun ewro. L-istima tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni bħala appoġġ għall-benessri tal-annimali hija madwar 70 miljun ewro fis-sena, jew imħallsa lill-bdiewa bħala pagamenti għall-benessri tal-annimali taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali jew assenjata għal attivitajiet oħra marbuta mal-benessri tal-annimali, bħar-riċerka, l-istudji ekonomiċi, il-komunikazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni eċċ.

Għal aktar informazzjoni żur is-siti ta' hawn taħt:

http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/actionplan/actionplan_en.htm

MEMO/12/18

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website