Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Ambjent: L-Ewropej isejħu għal azzjoni iktar qawwija fir-rigward tal-ilma

Brussell, it-22 ta' Marzu 2012 – Skont sondaġġ ippubblikat illum mill-Ewrobarometru, kważi tliet kwarti mill-Ewropej huma tal-fehma li l-UE għandha tipproponi miżuri addizzjonali biex tindirizza l-problemi tal-ilma fl-Ewropa. Maġġoranza konsiderevoli ta’ 68 % huma tal-opinjoni li l-problemi marbutin mal-ilma huma ta’ natura serja. In-nixfa, l-għargħar u t-tniġġis bil-kimiki jissemmew bħala l-iktar sfidi sinifikanti. 62 % miċ-ċittadini jħossu wkoll li mhumiex infurmati biżżejjed, filwaqt li 67 % jaħsbu li l-iktar mezz effettiv biex jitnaqqsu l-problemi tal-ilma jkun it-tqajjim tal-kuxjenza u t-tixrid tal-għarfien f'dan ir-rigward. Kien hemm appoġġ ukoll għall-idea li jkun hemm penali akbar għal min iniġġes, politika ta’ prezzijiet iktar ġusta, kif ukoll inċentivi finanzjarji (bħal eżenzjonijiet mit-taxxa jew sussidji). B'dan l-isfond, 73 % mill-Ewropej isejħu għal iktar miżuri fuq il-livell tal-UE sabiex jitnaqqsu l-problemi marbutin mal-ilma.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-Unjoni Ewropea ilha taħdem is-snin biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma, u ksibna riżultati li juru dan: il-kwalità tal-ilma tax-xorb u tal-għawm hija ħafna ogħla milli kienet, u llum hemm ħafna iktar bliet u rħula bi trattament tajjeb tad-drenaġġ. Reġgħu feġġew speċijiet bħas-salamun f'għadd ta’ xmajjar Ewropej li minnhom kienu donnhom sparixxew. Dan juri li, b'ħidma għalenija mal-Ewropa kollha, nistgħu nġibu riżultati reali. Madankollu, in-nixfa u l-għargħar qed isiru iktar komuni, u l-ilmijiet tal-Ewropa jinsabu taħt pressjoni dejjem tikber minn sfidi bħat-tniġġis u t-tibdil fil-klima. Dan iċ-ċittadini jafuh, u qegħdin jitolbu li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni. Dawn ir-riżultati huma kontribut importanti lejn il-Blueprint għall-Protezzjoni tar-Riżorsi tal-Ilma Ewropej li qed jitħejja bħalissa."

Il-problemi marbutin mal-ilma jitqiesu ta’ natura serja

Iċ-ċittadini huma mħassbin fir-rigward tal-kwantità u l-kwalità tal-ilma. In-nixfa hija aktar sors ta' tħassib fil-pajjiżi tal-Mediterran, b'ċittadini mill-Portugall (96 %), minn Spanja (95 %) u mill-Italja (94 %) isemmuha bħala problema serja. L-għargħar jitqies problema serja minn maġġoranza mdaqqsa tal-Ewropej (79 %), u huwa sors ta’ tħassib ewlieni għal maġġoranza kbira tal-popolazzjonijiet tar-Rumanija (96 %), il-Bulgarija (94 %) u l-Polonja (94 %). Il-biċċa l-kbira jaħsbu li tul l-aħħar għaxar snin, il-kwalità tal-ilma tjiebet (23 %) jew baqgħet l-istess (25 %), filwaqt li 44 % huma tal-fehma li l-kwalità tal-ilma marret lura. It-tniġġis bil-kimiki jissemma bħala l-ikbar theddid għar-riżorsi tal-ilma minn maġġoranza tal-Ewropej (84 %), segwit mit-tibdil fil-klima (55 %) u mill-bidliet fl-ekosistemi tal-ilma (49 %).

61 % minn dawk li ġew intervistati ħassew li ma kinux qed jagħmlu biżżejjed biex iħarsu r-riżorsi tal-ilma, iżda jqisu wkoll li jeħtieġu iktar sforzi mill-industrija (65 %), mill-agrikultura (51 %) u mill-produtturi tal-enerġija (47 %).

Talba għal aktar informazzjoni

Meta ġew mistoqsija dwar soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi marbutin mal-ilma, 67 % mill-Ewropej qalu li jkun ta’ siwi kbir li tiġi pprovuta iktar informazzjoni dwar il-konsegwenzi ambjentali tal-użu tal-ilma. Iqisu li t-tqajjim tal-kuxjenza jkun l-iktar mezz effettiv għat-tnaqqis tal-problemi tal-ilma.

M'hemmx xi ngħidu, minkejja l-isforzi żgħar individwali ta' ċerti ċittadini biex isalvaw u jħarsu l-ilma, inkluż billi jillimitaw l-ammont tal-ilma li jużaw jew billi jużaw inqas pestiċidi fil-ġonna tagħhom, maġġoranza ta' 61 % iħossu li mhumiex qed jagħmlu biżżejjed biex iħarsu r-riżorsi tal-ilma tagħna. Iċ-ċittadini jixtiequ jagħmlu iktar biex iħarsu r-riżorsi tal-ilma, u biex ikunu infurmati aħjar biex ikunu f'qagħda li jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

Biex jaffaċċjaw dawn il-kwistjonijiet, però, l-Ewropej jitolbu wkoll l-introduzzjoni ta' penali iktar għoljin għal min iniġġes, politika ta' prezzijiet iktar ġusta, jew inċentivi finanzjarji (bħal eżenzjonijiet mit-taxxa jew sussidji). Il-maġġoranza taqbel li l-prezzijiet tal-ilma jkunu bbażati fuq l-użu volumetriku, kif ukoll li l-prezzijiet jiżdiedu hekk kif jikber l-impatt ambjentali.

Appoġġ qawwi għal azzjoni fuq il-livell tal-UE

73 % mill-Ewropej iqisu li l-UE għandha tipproponi miżuri addizzjonali biex jilqgħu għall-problemi tal-ilma fl-Ewropa. Din ix-xejra hija kkonfermata mal-kontinent kollu, billi l-maġġoranza taċ-ċittadini fl-Istati Membri kollha jqisu li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fuq il-livell tal-UE - maġġoranza li tvarja minn 55 % fl-Estonja u 56 % fir-Renju Unit, sa 81 % fis-Slovakkja u fil-Ġermanja. L-Ewropej iqisu li l-punti ewlenin fil-mira ta’ dawn il-miżuri għandhom ikunu t-tniġġis mill-industrija (69 %), l-agrikultura (39 %), l-abbuż u l-isparpaljar tal-ilma (20 %), in-nixfa u l-għargħar (24 %).

Blueprint għal politika dwar l-ilma

Dawn il-kwistjonijiet kollha se jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni Ewropea fil-"Blueprint għall-Protezzjoni tar-Riżorsi tal-Ilma Ewropej", ippjanat għal Novembru 2012. Dan il-blueprint ser jidentifika n-nuqqasijiet attwali u l-prijoritajiet għall-ġejjieni, u ser jipproponi miżuri għad-direzzjoni tal-iżvilupp tal-politika tal-ilma sal-2020. Se jissejjes fuq analiżi li tgħaqqad l-immudellar ekonomiku u tal-klima, f'perjodu sal-2050.

Sfond

Dan l-istħarriġ sar fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bejn il-5 u s-7 ta’ Marzu 2012. Ġew intervistati madwar 25 524 persuna minn gruppi soċjali u demografiċi differenti, fl-ilsien nattiv tagħhom, f’isem il-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/water/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/index_en.htm

MEMO/12/203

Kuntatti:

Robert Flies (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site