Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti l-istess opportunitajiet lin-negozju Ewropew fis-swieq internazzjonali tal-akkwisti

Brussell, il-21 ta' Marzu 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li ttejjeb l-opportunitajiet kummerċjali għad-ditti mill-UE fis-swieq tal-akkwisti. L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tgħin biex is-swieq tal-akkwist pubbliku madwar id-dinja jinfetħu u jiġi żgurat li n-negozju Ewropew ikollu aċċess ġust għalihom. Il-proposta timmira wkoll li tiżgura li l-kumpaniji kollha (kemm Ewropej kif ukoll ditti mhux Ewropej) ikunu fuq l-istess livell meta jiġu biex jikkompetu għal negozju fis-suq li jħalli qligħ tajjeb tal-akkwist pubbliku fl-UE.

L-akkwist pubbliku jaffettwa parti sostanzjali mill-flussi kummerċjali dinjin u jammonta għal EUR 1 000 biljun fis-sena. Fl-UE, l-akkwist pubbliku jirrappreżenta sa 19% tal-PDG u huwa xprun essenzjali biex tingħata spinta għat-tkabbir mill-ġdid, speċjalment waqt kriżi ekonomika. Tradizzjonalment, is-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE huwa miftuħa ħafna. Madankollu, dan mhux dejjem jiġi ppareġġat minn grad simili ta’ ftuħ mis-sħab kummerċjali tagħna. Madwar id-dinja kollha, kwart biss mis-suq tal-akkwist tad-dinja huwa miftuħ għal kompetizzjoni internazzjonali. Ir-restrizzjonijiet li s-sħab kummerċjali tagħna japplikaw, jaffettwaw is-setturi fejn l-UE hija kompetittiva ħafna, bħall-kostruzzjoni, it-trasport pubbliku, it-tagħmir mediku, il-ġenerazzjoni tal-enerġija u s-settur farmaċewtiku.

L-inizjattiva l-ġdida proposta mill-Kummissjoni, llum ser iżżid l-inċentivi għas-sħab kummerċjali tal-UE li jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom għall-offerenti mill-UE. Se tiżgura li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jikkompetu fis-suq intern ma’ kumpaniji barranin fuq l-istess livell. Din l-inizjattiva għandha żżid l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji tal-UE, kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment; issaħħaħ il-potenzjal għal intrapriżi żgħar u ta’daqs medju li joperaw f’ekonomija globalizzata; u żżid l-impjieg u tippromwovi l-innovazzjoni fl-UE.

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli għas-Suq intern u s-Servizzi, Michel Barnier, stqarr: "L-UE ma għandhiex tibqa' inġenwa u għandha timmira għall-ekwità u r-reċiproċità fil-kummerċ dinji. L-inizjattiva tagħna tibni fuq it-twemmin Ewropew li l-ftuħ tal-akkwist pubbliku jiġġenera benefiċċji fuq livelli globali u Ewropej. Aħna miftuħa għan-negozju u ninsabu lesti li niftħu aktar, iżda nagħmlu dan biss jekk il-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell mal-kompetituri tagħhom. Il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti fid-difiża tal-interessi Ewropej u l-kumpaniji Ewropej u l-impjiegi."

Karel De Gucht, Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, qal: "Jien nemmen bis-sħiħ li għandna niżguraw flussi kummerċjali ħielsa u l-akkwist tal-gvern irid ikun parti essenzjali tal-ftuħ tas-swieq kummerċjali fid-dinja kollha. Dan huwa tajjeb għan-negozju, tajjeb għall-konsumaturi u jiġġenera valur tajjeb għall-flus tal-kontribwenti. Din il-proposta se żżid is-saħħa tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali u mas-sħab tagħna biex jiftħu s-swieq tal-akkwist tagħhom għall-kumpaniji Ewropej. Jiena fiduċjuż li l-kumpaniji tagħna mbagħad jirnexxilhom jirbħu sehem ġust mill-kuntratti governattivi lil hinn mill-Ewropa u b'hekk jiġġeneraw l-impjiegi."

L-impenji li l-UE ħadet fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO u ftehimiet kummerċjali bilaterali se jiġu rrispettati bis-sħiħ b'din l-inizjattiva. L-inizjattiva tiċċara l-impenji internazzjonali tal-UE għall-awtoritajiet kontraenti Ewropej b'mod li jorbot legalment.

Aspetti ewlenin tal-proposta għal Regolament huma dawn li ġejjin:

  • Jiġu kkonfermati livelli importanti ta' ftuħ tas-suq tal-akkwist pubbliku fl-UE.

  • Il-Kummissjoni tista' tapprova li l-awtoritajiet kontraenti tal-UE, għal kuntratti 'l fuq minn EUR 5 miljun jeskludu offerti li jikkonsistu f'parti sinifikanti minn merkanzija u servizzi barranin fejn dawn il-kuntratti mhumiex koperti minn ftehimiet internazzjonali eżistenti.

  • Fil-każ ta’ repetizzjoni ta’ diskriminazzjoni serja kontra fornituri Ewropej mhux tal-UE, il-Kummissjoni se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha mekkaniżmu li jippermettilha tirrestrinġi l-aċċess għas-suq tal-UE, jekk il-pajjiż barra l-UE ma jiħux sehem f'negozjati biex jiġi indirizzati l-iżbilanċi tas-suq. Kwalunkwe miżura restrittiva se tkun immirata, pereżempju billi teskludi l-offerti li joriġinaw f 'pajjiż mhux tal-UE jew billi timponi penalitá fuq il-prezz.

  • Fl-aħħarnett, il-proposta żżid it-trasparenza dwar offerti baxxi mhux normali sabiex tkun miġġielda l-kompetizzjoni inġusta minn fornituri mhux mill-UE fis-suq Ewropew.

Kuntest

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 dwar "Att tas-Suq Uniku" u tal-2010 dwar "Il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Kwistjonijiet Dinjin" jisħqu fuq il-kompetizzjoni ġusta u l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku bħala waħda mill-għodod ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika reċenti.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-UE għal ftuħ tal-akkwist pubbliku, fejn irrimarka li l-Ewropa se tkompli tippromwovi l-kummerċ ħieles, ġust u miftuħ filwaqt li fl-istess ħin tasserixxi l-interessi tagħha fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku fir-relazzjoni mal-ikbar ekonomiji tad-dinja.

F’Diċembru tas-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat programm ġenerali biex timmodernizza l-offerti pubbliċi fl-UE (IP/11/1580). L-inizjattiva tal-lum tikkomplimenta dan l-isforz domestiku b'sensiela ta’ regoli fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-akkwist pubbliku.

Tradizzjonalment, l-UE dejjem kienet ekonomija miftuħa u sostenitur tal-kummerċ ħieles. Dan jinkludi l-akkwist pubbliku. L-approċċ tal-UE mhuwiex kondiviż għal kollox madwar id-dinja. Il-parti l-kbira tas-sħab kummerċjali tal-UE joperaw prassi restrittivi fl-akkwisti pubbliċi li jiddiskriminaw kontra l-fornituri mill-UE. L-kriżi ekonomika attwali żiedet l-użu ta’ dawn il-prassi.

Ara wkoll MEMO/12/201

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/modernising_rules/international_access/index_en.htm

http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/trade-topics/public-procurement/

Contacts :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Florian Schubert (+32 2 299 13 62)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site