Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati

Brussell, il-21 ta' Marzu 2012 – Bil-għan li tagħmel is-suq intern tal-UE jaħdem aħjar għall-ħaddiema u n-negozji, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex jiżdied il-ħarsien tal-ħaddiema li jiġu stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom. Il-ħarsien tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni ġusta huma ż-żewġt uċuh tal-munita tas-suq intern tal-UE, madankollu r-riżultati juru li l-kundizzjonijiet minimi tal-impjegar u tax-xogħol ħafna drabi mhux qed ikunu rrispettati għal miljun jew aktar ta' ħaddiema stazzjonati barra pajjiżhom fl-UE. Biex ikunu ttrattati l-kwistjonijiet speċifiċi ta' abbuż tal-ħaddiema li ma jgawdux id-drittijiet sħaħ tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' pereżempju l-paga jew il-btajjel, speċjalment fis-settur tal-kostruzzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat proposti konkreti u prattiċi bħala parti minn Direttiva ta' inforzar biex jiżdiedu l-monitoraġġ u l-konformità u biex jitjieb il-mod kif qed ikunu applikati fil-prattika r-regoli eżistenti għall-ħaddiema stazzjonati barra pajjiżhom. Dan se jassigura livell ekwu bejn in-negozji involuti u jkunu esklużi kumpaniji li ma jsegwux ir-regoli.

Biex twassal messaġġ qawwi li d-drittijiet tal-ħaddiema u l-libertà tal-istrajk huma pari passu mal-libertà għall-provvista ta' servizzi, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll regolament ġdid li jagħti każ il-każistika eżistenti. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-provvista ta' servizzi transkonfinali bħall-istazzjonar tal-ħaddiema. L-għan ġenerali taż-żewġ proposti hu li jitkattru l-impjiegi ta' kwalità u li tiżdied l-kompetittività fl-UE billi jittejjeb u jiġi aġġornat il-mod ta' kif jaħdem is-suq uniku, filwaqt li fl-istess ħin jibqgħu jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema.

Wara l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv, il-President Barroso kien qal: "Jien kont wegħdt lill-Parlament Ewropew fl-2009 li aħna konna se niċċaraw l-eżerċitar tad-drittijiet soċjali għall-istazzjonar tal-ħaddiema. Il-provvista libera ta' servizzi fis-suq intern tirrappeżenta opportunità kbira għat-tkabbir. Iżda r-regoli jeħtieġ li jkunu applikati ugwalment ma' kulħadd. Dan mhuwiex dejjem il-każ għall-ħaddiema stazzjonati fi Stat Membru ieħor. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni konkreta biex tneħħi l-abbużi inaċettabbli. Aħna rridu nassiguraw li l-ħaddiema stazzjonati jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet soċjali tagħhom mal-Ewropa.

Waqt li kien qed jikkummenta fuq l-importanza tal-proposti kemm għall-ħaddiema u kemm għan-negozju, László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, saħaq li "L-istazzjonar temporanju tal-ħaddiema għandu jgawdi minnu kulħadd, kemm is-swieq tax-xogħol tal-UE kif ukoll in-negozji, iżda dan ma jistax jintuża bħala mezz biex jiġu evitati l-istandards minimi soċjali. Andor enfasizza li s-suq intern jaħdem b'mod effiċjenti biss f'kompetizzjoni ġusta, billi qal "Il-proposti tal-lum jiċċaraw ir-regoli dwar il-ħaddiema stazzjonati għal kulħadd u jdaħħlu fis-seħħ protezzjonijiet prattiċi kontra d-dumping soċjali u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, speċjalment fis-settur tal-bini fejn l-istazzjonar tal-ħaddiema jispikka l-aktar u fejn l-għadd ta' rapporti ta' abbuż huwa l-ogħla".

Sfond

Id-Direttiva ta' Infurzar proposta għandha l-għan li ttejjeb il-mod kif id-Direttiva tal-1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema tiġi applikata fil-prattika, mingħajr ma tibdel id-dispożizzjonijiet tagħha. B'mod partikolari, id-Direttiva ta' Infurzar se:

  • tistabbilixxi standards aktar ambizzjużi biex tinforma lill-ħaddiema u lill-kumpaniji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

  • tistabbilixxi regoli ċari għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu ħsieb l-istazzjonar;

  • tipprovdi elementi għat-titjib tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-kunċett ta' stazzjonar sabiex tevita l-multiplikazzjoni tal-hekk imsejħa kumpaniji "tal-kaxxa tal-ittri" li jinqdew bl-istazzjonar biex jevitaw ir-regoli tal-impjieg;

  • tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni superviżorju u r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;

  • ttejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema, fosthom l-introduzzjoni tal-obbligazzjoni konġunta u proprozjonali għas-settur tal-bini għall-pagi tal-ħaddiema stazzjonati kif ukoll it-trattament tal-ilmenti.

Ir-Regolament Monti II li qed jiġi propost jindirizza t-tħassib li, fis-suq intern, il-libertajiet ekonomiċi se jipprevalu fuq id-dritt tal-istrajk, b'enfażi fuq il-fatt li m'hemmx preċedenza bejn id-dritt ta' azzjoni kollettiva u l-libertà għall-provvista ta' servizzi. Dan jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ġdid ta' twissija għall-kunflitti industrijali f'sitwazzjonijiet transkonfinali b'implikazzjonijiet ħarxa. Ir-Regolament bl-ebda mod ma jaffettwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt tal-istrajk, u lanqas mhu se joħloq ostakli għad-dritt tal-istrajk.

Kull sena, min iħaddem jistazzjona madwar miljun ħaddiem bejn il-fruntieri tal-UE biex jipprovdu servizzi (0.4% tal-forza tax-xogħol tal-UE). Il-pajjiżi l-aktar li "jibagħtu" huma l-Polonja, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Portugall. Dawn il-ħaddiema għandhom rwol importanti għaliex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet li jkun hemm fix-xogħol u l-ħiliet f'diversi setturi u reġjuni bħal dawk tal-bini, l-agrikoltura u t-trasport. L-istazzjonar għandu rwol importanti wkoll fil-provvista ta' servizzi speċjalizzati, ta' ħila għolja, bħal fil-qasam tal-informatika.

Is-suq intern tal-UE jagħti lill-kumpaniji l-libertà li jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra, inkluża l-possibilità li b'mod temporanju jistazzjonaw ħaddiema fi Stati Membri oħra sabiex iwettqu proġetti speċifiċi. Dan jippermetti lill-kumpaniji joffru s-servizzi speċjalizzati tagħhom madwar is-Suq Intern tal-UE, u b'hekk jiżdiedu l-effiċjenza u t-tkabbir ekonomiku.

Il-ħaddiema stazzjonati ma jidħlux fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti, għaliex huma jibqgħu impjegati mill-kumpanija tagħhom fl-Istat Membru li jkun qed jibgħathom.

Biex tiffaċilita l-istazzjonar tal-ħaddiema u biex tiżgura kompetizzjoni ġusta, kif ukoll biex tiggarantixxi livell xieraq ta' protezzjoni għall-ħaddiema stazzjonati, id-Direttiva tal-1996 tiddefinixxi sett ta' kundizzjonijiet ewlenin tax-xogħol li l-fornitur tas-servizz għandu jżomm magħhom matul l-istazzjonar fl-Istat Membru ospitanti. Dan jinkludi r-rati minimi applikabbli tal-paga, il-vaganzi, u l-għadd massimu ta' sigħat tax-xogħol u l-perjodi minimi ta' mistrieħ, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Fil-prattika, dawn il-kundizzjonijiet ewlenin tax-xogħol huma sikwit applikati ħażin jew inkella ma jiġux infurzati fl-Istat Membru ospitanti. Jista' jkun hemm abbuż mill-istazzjonar minn dawk il-kumpaniji li jkunu qegħdin jistabbilixxu ruħhom artifiċjalment barra minn pajjiżhom, sempliċement biex japprofittaw minn livell aktar baxx ta' ħarsien tax-xogħol jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali aktar baxxi. Il-ħaddiema stazzjonati spiss ikunu aktar vulnerabbli minħabba s-sitwazzjoni tagħhom barra minn pajjiżhom. Il-proposta l-ġdida se tintroduċi dispożizzjonijiet aktar effettivi sabiex tiżgura li d-Direttiva tal-1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema tiġi applikata effettivament fuq il-post.

Is-sentenzi Viking Line u Laval tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qajmu dibattitu jaħraq dwar safejn it-trejdjunjins huma kapaċi jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema f'sitwazzjonijiet transkonfinali, li jinvolvu l-istazzjonar jew ir-rilokazzjoni tal-kumpaniji. Uħud mill-partijiet interessati interpretaw is-sentenzi bħala li jfissru li l-libertajiet ekonomiċi se jipprevalu fuq id-drittijiet soċjali, b'mod partikolari d-dritt tal-istrajk. Id-Direttiva l-ġdida ta' infurzar u r-Regolament Monti II jikkonfermaw li dan mhuwiex il-każ.

Għal iktar tagħrif

Is-sit tad-DĠ EMPL dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema:http://ec.europa.eu/social/posted-workers

Proposta għal Directiva rigward l-infurzar tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7479&langId=en

Proposta għal Regolament dwar l-eżerċitar tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi tas-suq intern:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7480&langId=en

Id-Dokument tal-Persunal tal-Kummissjoni, il-Valutazzjoni tal-Impatt, ir-Reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi, SWD(2012) 63:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7481&langId=en

Ara wkoll MEMO/12/199 + MEMO/12/202

Kuntatti:

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Nadège Defrère (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website