Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-inawgurazzjoni tal-Aġenzija tal-UE l-ġdida għal sistemi tal-IT fuq skala kbira

European Commission - IP/12/258   21/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – stqarrija għall-istampa

L-inawgurazzjoni tal-Aġenzija tal-UE l-ġdida għal sistemi tal-IT fuq skala kbira

Brussell, il-21 ta’ Marzu 2012 – Għada se tiġi inawgurata aġenzija ġdida għat-tmexxija ta’ sistemi tal-informazzjoni tal-UE fuq skala kbira f’Tallinn, l-Estonja, bl-attendenza tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström. Il-kompitu ewlieni tagħha se jkun li s-sistemi tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-EURODAC joperaw 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. L-aġenzija għandha ssir operattiva kompletament minn Diċembru 2012.

Il-Kummissarju se tindirizza lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-EUROJUST u lill-EUROPOL, kif ukoll lill-osservaturi minn pajjiżi assoċjati qabel il-laqgħa inawgurali tal-Bord tat-Tmexxija li se jiddiskuti kwistjonijiet baġitarji, finanzjarji u organizzattivi ewlenin.

L-aspettattivi huma għolja u l-kompiti huma ħafna", qalet il-Kummissarju Cecilia Malmström, “Din l-Aġenzija għandha ssir malajr iċ-ċentru ta’ eċċellenza li lkoll nixtiquha tkun; għas-sorveljanza tal-aktar tendenzi teknoloġiċi promettenti, għall-identifikazzjoni ta’ modi kif jiġu applikati u għall-iżgurar ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati."

Mill-2013, l-aġenzija se tmexxi wkoll is-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II). Barra minn hekk, se tkun responsabbli għal kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà ta’ dawn is-sistemi, ċerti kompiti relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni u diversi attivitajiet bħas-sorveljanza u r-rappurtar, l-istatistiċi u t-taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali.

Għan ewlieni ieħor tal-Aġenzija, relevanti b’mod partikulari fil-kriżi ekonomika attwali, se jkun li tfittex b'mod proattiv u tagħti soluzzjonijiet kosteffiċenti fil-firxa sħiħa tal-operazzjonijiet tagħha.

Wara l-fażi tal-bidu, l-Aġenzija se tkun kapaċi tibni gradwalment il-kompetenza u l-għarfien li eventwalment isiru ċentru ta’ eċċellenza għall-iżvilupp u t-tmexxija ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, b’hekk tiżgura li jkunu użati l-aħjar teknoloġiji u proċessi disponibbli.

L-Aġenzija tista’ wkoll tiġi mistiedna tiżviluppa u tmexxi sistemi oħra tal-IT f’dan il-qasam ta’ politika fil-futur.

Kuntest

Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija (ir-Regolament 1077/2011) ġie adottat f'Ottubru 2011.

Għaddejjin tħejjijiet intensivi sabiex jiġi żgurat li l-persunal, l-infrastrutturi u l-proċessi meħtieġa jkunu fis-seħħ sal-1 ta' Diċembru 2012 meta l-Aġenzija għandha ssir operattiva kompletament.

L-Aġenzija tal-IT mhix marbuta mal-proposti għal Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità li għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni dalwaqt.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/12/197

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tas-sit tad-DĠ Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website