Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nieħdu azzjoni fuq is-sistema bankarja "parallela": nevitaw sorsi ġodda ta’ riskju fis-settur finanzjarju

European Commission - IP/12/253   19/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Nieħdu azzjoni fuq is-sistema bankarja "parallela": nevitaw sorsi ġodda ta’ riskju fis-settur finanzjarju

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2012 – Sabiex l-UE tikseb dak kollu li tista’ mill-esperjenza tal-kriżi, qed timplimenta riformi regolatorji ambizzjużi fis-settur finanzjarju inġenerali u fis-settur bankarju b'mod partikolari. Dan se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ settur finanzjarju iktar b’saħħtu u sod għas-servizz tal-ekonomija reali. Bħala parti minn dawn ir-riformi, issa wasal iż-żmien li nindirizzaw il-qasam dejjem jikber tal-attività tal-kreditu mhux bankarju, jew kif inhu magħruf aħjar is-“sistema bankarja parallela”, liema qasam s’issa għadu ma ngħatax attenzjoni partikolari mil-lat tar-regolazzjoni prudenzjali u tas-superviżjoni. Sa ċertu punt, sistema bankjara parallela twettaq funzjonijiet importanti fis-sistema finanzjarja. Pereżempju toħloq sorsi addizzjonali ta' finanzjament u toffri lill-investituri alternattivi għad-depożiti bankarji. Iżda tista’ tippreżenta wkoll potenzjal ta' theddida għall-istabbiltà finanzjarja fit-tul għaliex sorsi mhux magħrufa ta' riskju jakkumulaw fis-settur finanzjarju u jista’ jkun hemm effetti riperkussivi mis-sistema bankarja parallela għas-settur bankarju regolari.

B'reazzjoni għall-istediniet tal-G20 f'Seoul fl-2010 u f'Cannes fl-2011, il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (FSB - Financial Stability Board) huwa fil-proċess li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni ta' dawn l-entitajiet u l-attivitajiet. Billi l-konsultazzjoni tal-lum qed issir fil-forma ta’ Green Paper, il-Kummissjoni qed tipparteċipa b’mod attiv fil-ħidma kontinwa tal-FSB.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “L-Unjoni Ewropea wriet tmexxija globali fl-implimentazzjoni ta’ riformi ambizzjużi fil-qasam tar-regolamentazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari għal banek. Li ma rridux huwa li l-attivitajiet u l-entitajiet finanzjarji jevitaw ir-regoli eżistenti u previsti, u b’hekk jippermettu sorsi ġodda ta’ riskju biex jakkumulaw fis-settur finanzjarju. Din hija r-raġuni għaliex irridu nifmhu aħjar x’inhi realment is-sistema bankarja parallela u x’tagħmel, u x’tip ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni jistgħu jkunu xierqa, u f’liema livell. Irridu nifmhu l-partijiet kollha tas-settur finanzjarju."

Sfond

Skont il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja, is-sistema bankarja parallela hija "is-sistema ta' intermedjazzjoni tal-kreditu li tinvolvi entitajiet u attivitajiet barra mis-sistema bankarja regolari". Entitajiet u attivitajiet tas-sistema bankarja parallela possibbilment jinkludu:

  • Fondi tas-Suq Monetarju (MMFs - Money Market Funds) u tipi oħra ta’ fondi ta’ investiment jew prodotti b’karatteristiċi li huma simili għal depożitu

  • Fondi tal-investiment li jipprovdu kreditu jew huma ingranati, inklużi Fondi Negozjati fil-Borża (ETFs - Exchange Traded Funds), u fondi ħeġġ

  • Kumpaniji finanzjarji u entitajiet ta' titoli li jipprovdu krediti jew garanziji ta' krediti, jew li jwettqu t-trasformazzjoni tal-likwidità u/jew tal-maturità mingħajr ma jkunu rregolati bħal m’huma l-banek

  • Impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joħorġu jew jiggarantixxu prodotti ta' kreditu, u

  • Titolizzazzjoni u self ta’ titoli u tranżazzjonijiet ta’ ftehim ta’ riakkwist (repo).

Il-Green Paper tal-lum tistabbilixxi kif miżuri eżistenti u proposti tal-UE diġà jindirizzaw attivitajiet ta’ sistema bankarja parallela. Pereżempju, vetturi li ma jinsabux fuq il-karta tal-bilanċ, bħal Vetturi ta’ Użu Speċjali, huma rregolati indirettament permezz ta’ regolamentazzjoni bankarja. L-amministraturi tal-fondi ħeġġ huma rregolati direttament permezz tad-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi, li tindirizza għadd ta’ kwistjonijiet dwar is-sistema bankarja parallela. Uħud mill-Istati Membri għandhom ukoll regoli nazzjonali addizzjonali għas-sorveljanza ta’ entitajiet u ta’ attivitajiet finanzjarji li mhumiex irregolati fil-livell tal-UE.

Għalkemm dawn il-miżuri sa ċertu punt jindirizzaw entitajiet u attivitajiet tas-sistema bankarja parallela, għad irid isir iktar progress minħabba n-natura dejjem tevolvi tas-sistema bankarja parallela u l-fehim tagħna tagħha. B'koordinazzjoni mal-FSB, il-korpi li jistabbilixxu l-istandards u l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji relevanti tal-UE, l-għan tal-ħidma attwali tal-Kummissjoni huwa li teżamina bir-reqqa l-miżuri eżistenti u tipproponi approċċ xieraq biex tiżgura superviżjoni komprensiva tas-sistema bankarja parallela, flimkien ma' qafas regolatorju adegwat.

F’dan il-kuntest, hemm ħames oqsma ewlenin marbuta mas-sistema bankarja, mal-amministrazzjoni tal-assi, mas-self tat-titoli, u l-ftehimiet dwar r-riakkwist, mat-titolizzazzjoni, u ma’ entitajiet oħra tas-sistema bankarja parallela fejn il-Kummissjoni qed tkompli tinvestiga l-għażliet u l-passi li jmiss.

Il-passi li jmiss

Il-partijiet interessati huma mistiedna jwieġbu għal din il-konsultazzjoni qabel l-1 ta’ Ġunju 2012.

Fis-27 ta’ April fi Brussell se jkun hemm konferenza dwar is-sistema bankarja parallela.

Din il-ħidma kollha se tinforma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fl-arena internazzjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar is-segwitu xieraq li għandu jingħata.

Ara wkoll il-MEMO/12/191

Iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/shadow_banking/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website