Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi proċeduri ta' ksur aċċellerati kontra l-Ungerija dwar l-indipendenza tal-bank ċentrali tagħha u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta kif ukoll dwar miżuri li jaffettwaw lil ġudikatura.

European Commission - IP/12/24   17/01/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istama

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi proċeduri ta' ksur aċċellerati kontra l-Ungerija dwar l-indipendenza tal-bank ċentrali tagħha u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta kif ukoll dwar miżuri li jaffettwaw lil ġudikatura.

Strasburgu, 17 ta’ Jannar 2012 – Il-Kummissjoni Ewropea llum bdiet azzjoni legali kontra l-Ungerija dwar leġiżlazzjoni ġdida li daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena skont il-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija. Wara diversi skambji mal-awtoritajiet Ungeriżi dwar l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni l-ġdida – speċjalment l-ittri mibgħuta f'Diċembru mill-President José Manuel Barroso, il-Viċi President tal-Kummissjoni Viviane Reading (Il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza) u l-Viċi President Olli Rehn (il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro), - il-Kummissjoni issa kkonkludiet valutazzjoni legali ddettaljata dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata fil-bidu ta' Jannar. Għall-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tinsab f’kunflitt mad-dritt tal-UE peress li qed tiddubita l-indipendenza tal-bank ċentrali tal-pajjiż u tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta u minħabba l-miżuri li qed jaffettwaw lill-ġudikatura tagħha.

Għaldaqstant, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat tliet Ittri ta’ Notifika Formali lill-Ungerija – l-ewwel fażi fil-proċedura ta’ ksur tal-UE, u biex jitqajmu kwistjonijiet relatati ulterjuri mal-awtoritajiet Ungeriżi biex b'hekk jiġi identifikat jekk tistax tittieħed azzjoni ulterjuri skont id-dritt tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura. L-awtoritajiet Ungeriżi issa għandhom xahar biex jirreaġixxu għat-tħassib tal-Kummissjoni.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, qal: “L-Ungerija, bħall-Istati Membri kollha, bit-Trattati tal-UE hija obbligata li tiggarantixxi l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Nazzjonali tagħha u tal-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Dejta tagħha u li ma tiddiskriminax kontra l-imħallfin tagħha. Il-Kummissjoni hija determinata li tieħu kwalunkwe pass legali neċessarju biex tiżgura li tinżamm il-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

Il-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qalet: “Meta rajt l-ewwel abbozzi tal-liġijiet kmieni f’Diċembru, diġà qajjimt tħassib legali serju dwar ksur potenzjali tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Ungerija u tal-awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-dejta. Issa li l-liġijiet għaddew mingħajr kunsiderazzjoni għat-tħassib legali tal-Kummissjoni, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati li tiżgura li titħares il-liġi tal-Unjoni. Nistenna li l-awtoritajiet Ungeriżi jindirizzaw it-tħassib legali tal-Kummissjoni malajr. huma biss tibdiliet reali għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni jew is-sospensjoni immedjata tagħha li se jkunu jistgħu jakkomodaw it-tħassib legali tal-Kummissjoni.”

Il-Viċi President Olli Rehn, responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal : “L-indipendenza tal-bank ċentrali hija waħda mill-pilastri tat-Trattat. Il-gvernijiet għandhom joqgħodu lura milli jippruvaw jinfluwenzaw lill-bank ċentrali tagħhom. Il-liġi MNB ġdida u ċertu dispożizzjonijiet fil-Kostituzzjoni l-ġdida jiksru dawn il-prinċipji. Inħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż biex jiżgura indipendenza sħiħa tal-bank ċentrali. Dan jimplika r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kollha rilevanti, inkluża l-Kostituzzjoni. Dan jeħtieġ li jkun indirizzat qabel ma nibdew negozjati formali dwar l-assistenza finanzjarja mitluba mill-UE/Fond Monetarju Internazzjonali.

Tliet bażijiet legali ewlenin

Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Unġeriża l-ġdida, 274 imħallef ( inklużi mħallfin tal-Qorti Suprema) qed jintalbu jirtiraw b’mod obbligatorju b’kuntradizzjoni għar-regoli tal-UE. Il-gvern qed jirċievi wkoll is-setgħa fuq l-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta li tikkontradixxi t-Trattati tal-UE, li jirrikjedu l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta (l-Artikoli 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea/TFUE, l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u l-indipendenza tal-bank ċentrali nazzjonali (l-Artikoli 130 u 127 tat-TFUE, l-Artikolu 14 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew). Il-Bank Ċentrali tal-Ungerija huwa parti mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (European System of Central Banks (ESCB)) u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ungeriż huwa membru fil-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li huwa t-tielet korp għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE .

1) Indipendenza tal-bank ċentrali nazzjonali

Il-Kummissjoni identifikat diversi ksur tad-dritt primarju, speċjalment ksur tal-Artikolu 130 tat-TFUE li jistipula l-indipendenza sħiħa tal-bank ċentrali u tal-Artikolu 127(4) tat-TFUE li jitlob konsultazzjoni mal-BĊE “dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu”.

  • L-Artikolu 130 TFUE jgħid li: “la l-Bank Ċentrali Ewropew u lanqas bank ċentrali nazzjonali ....ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet korpi u organi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor.”

  • L-Artikolu 127(4) tat-TFUE jistipula li “l-BĊE għandu jiġi kkonsultat [...] dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14.2 tat-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE, kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (98/415/KE) dwar il-konsultazzjoni fil-ħin tal-BĊE, ma kinux osservati. Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jipprovdu kjarifika dwar għadd ta’ elementi.

Il-ksur identifikat fl-ittra ta’ avviż formali jikkonċerna kemm il-liġi MNB ('Magyar Nemzeti Bank'), kif ukoll il-kostituzzjoni l-ġdida.

Skont il-liġi MNB , il-Ministru jista’ jipparteċipa direttament fil-laqgħat tal-Kunsill Monetarju, fattur li joffri lill-gvern il-possibbiltà li jinfluwenza minn ġewwa lill-MNB. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-aġenda tal-laqgħat tal-MNB tintbagħat minn qabel lill-gvern u dan itellef il-possibbiltà li jsiru diskussjonijiet kunfidenzjali. Barra minn hekk, it-tibdiliet fl-iskema tar-rimunerazzjoni tal-Gvernatur għal darb’oħra jsiru direttament applikabbli għar-responsabbli, filwaqt li għandhom japplikaw biss meta jkun hemm terminu ta’ żmien ġdid sabiex ikun evitat li s-salarji jintużaw biex issir pressjoni fuq l-MNB. Fl-aħħar nett, il-Gvernatur u l-Membri tal-Kunsill Monetarju għandhom jieħdu ġurament (ta’ fedeltà lejn il-pajjiż u l-interessi tiegħu) li t-test tiegħu huwa problematiku minħabba li l-Gvernatur tal-MNB huwa membru wkoll tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE.

Il-Kummissjoni tiddubita wkoll ir-regoli dwar it-tkeċċija tal-Gvernatur u l-membri tal-Kunsill Monetarju li faċilment ikunu affettwati minn interferenza politika (anke l-Parlament jista' jipproponi t-tkeċċija ta' membru tal-Kunsill Monetarju) u abbuż li jista' jkun hemm. Anke l-bidliet frekwenti tal-qafas istituzzjonali tal-MNB iqajjem dubji, per eżempju permezz taż-żieda fl-għadd ta’ Membri fil-Kunsill Monetarju flimkien mal-possibbiltà taż-żieda fl-għadd ta’ gvernaturi deputati mingħajr kunsiderazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet tal-MNB.

Barra minn hekk, dispożizzjoni kostituzzjonali tirregola l-amalgamazzjoni possibbli tal-MNB mal-awtorità superviżorja finanzjarja. Filwaqt li l-amalgamazzjoni ma toħloqx problema minnha nnifisha, il-Gvernatur tal-MNB sempliċiment isir deputat president tal-istruttura l-ġdida, kariga li strutturalment tidħol fuq l-indipendenza tiegħu.

2) Indipendenza tal-ġudikatura

Il-każ ta’ ksur li jaffettwa lill-ġudikatura jiffoka fuq l-età tal-irtirar ġdida għall-imħallfin u l-prosekuturi u huwa relatat mad-deċiżjoni tal-Ungerija biex tnaqqas l-età tal-irtirar obbligatorja għall-imħallfin u l-prosekuturi u n-nutara pubbliċi, li qabel kienet 70 sena, għall-età tal-pensjoni ġenerali (62 sena) mill-1 ta’ Jannar 2012.

Ir-regoli tal-UE dwar it-trattament ugwali fl-impjieg (Direttiva 2000/78/KE) jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol abbażi tal-età. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija meħtieġa ġustifikazzjoni oġġettiva u proporzjonata jekk gvern jiddeċiedi li jnaqqas l-età tal-irtirar għal grupp wieħed ta’ persuni iżda mhux għall-oħrajn. Dan il-prinċipju kien ikkonfermat meta l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011 iddeċidiet li l-fatt li l-piloti tal-linji tal-ajru ma jistgħux jaħdmu wara l-età ta’ 60 sena, tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tal-età.

Fil-każ tal-Ungerija, il-Kummissjoni ma sabet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex l-imħallfin u l-prosekuturi jkunu trattati b’mod differenti minn gruppi oħra, speċjalment fi żmien meta l-età tal-irtirar fl-Ewropa qed tiżdied progressivament u mhux tonqos. Is-sitwazzjoni hija saħansitra iktar legalment diskutibbli peress li l-gvern diġà kkomunika lill-Kummissjoni li għandu l-intenzjoni li jgħolli l-età tal-irtirar għal 65 sena.

Fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, il-Kummissjoni qed tistaqsi wkoll lill-Ungerija għal iktar informazzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-qrati. Skont il-liġi, il-President ta’ Uffiċċju Nazzjonali tal-Ġustizzja ġdid, jikkonċentra s-setgħat relatati mal-ġestjoni operazzjonali tal-qrati, ir-riżorsi umani, il-baġit u l-allokazzjoni tal-każijiet. Ma għadx hemm teħid tad-deċiżjonijiet b'mod kolleġjali fir-rigward tal-ġestjoni operazzjonali tal-qrati jew salvagwardji xierqa oħra. Bħalissa persuna waħda waħidha tagħmel id-deċiżjonijiet importanti kollha dwar is-sistema ġudizzjarja, inkluż fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin. Barra minn hekk, il-mandat tal-ex president tal-Qorti Suprema, li kien elett għal sitt snin f’Ġunju 2009, kien terminat kmieni fl-aħħar tal-2011. Bħala kuntrast, ex imħallfin tal-Qorti Suprema għad għandhom mandat bħala mħallfin tal-Curia l-ġdida, li ssostitwixxiet il-Qorti Suprema. Il-Kummissjoni tistenna tweġibiet iddettaljati tal-awtoritajiet Ungeriżi biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk humiex meħtieġa proċeduri ta’ ksur ulterjuri.

3) Indipendenza tal-awtorità ta' sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta.

Il-każ li jikkonċerna lis-superviżur tal-protezzjoni tad-dejta huwa relatat mad-deċiżjoni riċenti tal-Ungerija li toħloq Aġenzija Nazzjonali ġdida għall-Protezzjoni tad-Dejta li mill-1 ta’ Jannar 2012, tissostitwixxi lill-Kummissarju attwali għall-Protezzjoni tad-Dejta. Konsegwentement, it-terminu ta’ sitt snin tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta li bħalissa jinsab fil-kariga u li kien maħtur fl-2008, se jintemm b’mod prematur. Ma hemmx miżuri interim sakemm jintemm it-terminu tal-Kummissarju attwali fl-2014. Ir-regoli l-ġodda joħolqu wkoll il-possibbiltà li l-prim ministru u l-president ikeċċu lis-superviżur il-ġdid abbażi ta’ raġunijiet arbitrarji.

L-indipendenza tas-superviżuri tal-protezzjoni tad-dejta hija garantita skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (Direttiva 95/46/KE) jirrikjedu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korp superviżorju li jimmonitorja l-applikazzjoni tad-Direttiva b’mod kompletament indipendenti. Dan kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha fil-każ li jikkonċerna lill-Ġermanja (C-518/07 tat-9 ta’ Marzu 2010), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-dejta għandhom jibqgħu ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna, inkluża influwenza diretta jew indiretta mill-istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ir-riskju biss ta’ influwenza politika permezz ta’ skrutinju mill-istat waħdu huwa biżżejjed biex ixekkel il-prestazzjoni indipendenti tal-kompiti tal-awtorità superviżorja.

Sfond

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi relatati mal-kostituzzjoni l-ġdida tal-Ungerija wara tħassib muri mill-Kunsill tal-Ewropa, minn Membri tal-Parlament Ewropew u oħrajn. F’dawn l-aħħar xhur, il-Kummissjoni kellha kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ abbozz ta’ liġijiet kardinali li jimplimentaw il-kostituzzjoni. Il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-kompatibbiltà ta' dawn il-liġijiet mad-dritt tal-UE (ara Memo/12/9) Il-President Barroso u l-Viċi Presidenti Reding u Rhen, bagħtu ittri f'Diċembru fejn espprimew dan it-tħassib. Barra minn hekk, matul l-2011, il-Viċi President Kroes kienet ripetutament f’kuntatt mal-awtoritajiet Ungeriżi. F’Jannar 2011, kienet diġà intervjeniet biex temenda erba’ aspetti tal-Liġi tal-Midja Ungeriża li ma kinux jirrispettaw id-dritt tal-UE.

Għal iktar tagħrif

Il-homepage tal-President José Manuel Barroso:

http://ec.europa.eu/president

Il-homepage tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-homepage tal-Viċi President Olli Rehn, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/rehn/index_en.htm

Ara wkoll: MEM0/12/12

Contacts :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Cezary Lewanowicz (+32 2 298 05 09)

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website