Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb ir-regoli tal-kontabbiltà tal-gassijiet serra għall-forestrija u l-agrikoltura

European Commission - IP/12/234   12/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb ir-regoli tal-kontabbiltà tal-gassijiet serra għall-forestrija u l-agrikoltura

Brussell, 12 ta’ Marzu 2012 – Permezz tal-adozzjoni ta’ proposta ġdida dwar il-kontabbiltà tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-ewwel pass biex tinkorpora l-assorbimenti u l-emissjonijiet mill-foresti u l-agrikoltura fil-politika tal-UE dwar il-klima.

Id-Deċiżjoni proposta tistabbilixxi regoli tal-kontabbiltà għall-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra fis-setturi tal-foresta u l-agrikoltura, l-aħħar setturi ewlenin li ma għandhomx regoli komuni tal-UE.

Il-foresti u l-artijiet agrikoli jkopru aktar minn tliet kwarti tat-territorju tal-UE u b’mod naturali għandhom stokkijiet kbar ta’ karbonju, fejn jipprevjenu li dan jaħrab fl-atmosfera, u għalhekk huma importanti għall-politika dwar il-klima. Billi nżidu l-kapaċità tal-karbonju “maqbud” b’sempliċiment 10 punti perċentwali – pereżempju permezz tat-titjib fil-ġestjoni tal-foresti jew il-bwar – inkunu qed innaqqsu l-emissjonijiet annwali ta’ 100 miljun karozza mill-atmosfera.

Iżda s’issa, l-isforzi tal-bdiewa u tas-sidien tal-foresti u l-prattiki tajbin tagħhom immirati lejn iż-żamma tal-karbonju maħżun fil-foresti u l-ħamrija, għadhom ma ġewx rikonoxxuti jew kienu rikonoxxuti parzjalment biss. Ir-raġuni għal dan kienet l-isfidi li jirriżultaw mill-ġbir ta’ dejta robusta dwar il-karbonju mill-foresti u l-ħamrija u n-nuqqas ta' regoli komuni dwar kif jiġu kkontabbilizzati l-emissjonijiet u l-assorbimenti. Issa, wara d-deċiżjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar ir-regoli riveduti tal-kontabbiltà mill-ħamrija u l-foresti adotatti f’Diċembru tal-2011, l-UE hija determinata li tnaqqas id-distakk fil-kontabbiltà komuni fil-politika tagħha dwar il-klima. Dan se jipprovdi opportunitajiet ġodda, pereżempju, biex il-bdiewa jingħataw premju għall-kontribuzzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard qalet: “Li qed nipproponu llum huma regoli armonizzati biex nikkontabbilizzaw l-emissjonijiet tal-foresti u dawk agrikoli. Dan huwa l-ewwel pass biex ninkorporaw dawn is-setturi fl-isforzi ta’ tnaqqis tal-UE. F’Durban il-pajjiżi kollha qablu dwar regoli tal-kontabbiltà riveduti għal dawn is-setturi. L-UE issa qed issarraf l-impenn tagħha permezz ta' din il-proposta. Il-proposta se tikkontribwixxi wkoll lejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u r-riżorsi tal-ilma, tappoġġa l-iżvilupp rurali u jkollna agrikoltura aktar favur il-klima.”

Xi jmiss?

Id-Deċiżjoni proposta għal regoli armonizzati għall-kontabbiltà tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra mill-foresti u l-ħamrija se tiġi sottomessa lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Mal-proposta hemm ukoll l-obbligu għal kull Stat Membru biex jadotta pjanijiet ta’ azzjoni dwar kif se jżiedu l-assorbimenti tal-karbonju u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-foresti u l-ħamrija madwar l-UE. Il-proposta ma tinkludix impenn għal miri nazzjonali ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għal dawn is-setturi. Dan jista’ jsir aktar tard wara li r-regoli ta’ kontabbiltà jkunu taw prova li huma robusti.

Għal iktar informazzjoni:

Negozjati tan-NU dwar it-tibdil fil-klima:

http://ec.europa.eu/clima/policies/international/negotiations/durban/index_en.htm

Tibdil fil-Foresti u l-Klima:

http://ec.europa.eu/clima/policies/forests/index_en.htm

Ara wkoll:

Q & A MEMO/12/176

Kuntatti:

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website