Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Transport: l-ewwel Sfida tal-Mobbiltà Intelliġenti – u r-rebbieħ huwa …

European Commission - IP/12/233   12/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-Transport: l-ewwel Sfida tal-Mobbiltà Intelliġenti – u r-rebbieħ huwa …

Brussell, it-12 ta’ Marzu 2012 – Il-Viċi President u l-Kummissarju għall-Mobbiltà u t-Trasport, Siim Kallas, illum ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel Sfida tal-Mobbiltà Intelliġenti dwar pjanifikaturi multimodali Ewropej tal-vjaġġi. Fil-kategorija tal- pjanifikaturi multimodali operattivi' iż-żewġ rebbieħa huma Idos u Trenitalia, u fil-kategorija tal-'ideat innovattivi' ir-rebbieħa huma Penelope Ventures GmbH u SNCF. L-inizjattiva mmirata biex tippromwovi l-iżvilupp tal-pjanifikaturi komprensivi (all-in-one) tal-vjaġġi, li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u li joffru għażliet ta' trasport alternattivi billi jgħaqqdu flimkien modi differenti ta' trasport.

Waqt li kien qed jikkummenta dwar ir-riżultati tal-vot, il-Viċi President Kallas qal: "Nemmen bis-sħiħ li dawn ir-rebbieħa, kif ukoll il-proġetti kollha li ħadu sehem, ser jgħinu sabiex titwessa’ l-għażla tal-vjaġġi multimodali għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Din il-kompetizzjoni kkonfermat ukoll l-isfidi li għad fadal quddiemna u speċjalment il-ħtieġa li jinfetaħ l-aċċess għad-dejta tal-vjaġġi".

L-għadd u l-kwalità tal-proġetti u l-ideat imressqa kienu impressjonanti. Kif kienet ukoll il-parteċipazzjoni permezz tal-vot elettroniku li għenet biex intgħażlu r-rebbieħa fil-kategorija tal-'pjanifikaturi tal-vjaġġi operattivi'. L-aħjar żewġ sottomissjonijiet f’din il-kategorija kienu Idos (mir-Repubblika Ċeka, ipprovduta minn Chaps spol. s.r.o.) u l-pjanifikatur tal-vjaġġi Trenitalia (mill-Italja, ipprovduta minn Ferrovie dello Stato Italiane SpA). Fil-kategorija tal-'ideat innovattivi' ntgħażlu r-rebbieħa li ġejjin: Penelope Ventures GmbH, għall-idea tagħha tal-pjanifikatur tal-vjaġġi Byebyehello, u SNCF għall-idea tagħha tal-pjanifikatur tal-vjaġġi Mytripset.

Ir-rebbieħa fil-kategorija tal-'pjanifikatur tal-vjaġġi operattivi' rċevew l-akbar għadd ta’ voti mit-12-il pjanifikatur li ħadu sehem permezz tal-vot elettroniku:

Idos huwa pjanifikatur tal-vjaġġi minn destinazzjoni għal oħra fir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Dan il-pjanifikatur jipprovdi wkoll konnessjonijiet oħrajn ta’ vjaġġi transkonfinali permezz tal-karozzi tal-linja u l-ferroviji madwar l-Ewropa. Għandu 66 miljun persuna li kull xahar iżuruh fuq l-internet.

Il-pjanifikatur tal-vjaġġi Trenitalia – SIPAX – jipprovdi l-konnessjonijiet tal-ferroviji, il-karozzi tal-linja u l-vapuri fl-Italja u f’għadd ta’ pajjiż ġirien tagħha. Dan il-pjanifikatur huwa kkumplimentat bl-għodda Viaggiatreno għall-monitoraġġ tat-traffiku f’ħin reali. Kuljum iżuru lil dan il-pjanifikatur 3 miljun ruħ.

Ir-rebbieħa fil-kategorija 'ideat innovattivi' ġibdu l-attenzjoni tal-ġurija minħabba l-għarfien bir-reqqa tan-natura tal-isfida u l-iżvilupp tal-proġetti li jkopru l-ħtiġiet prospettivi kollha tal-vjaġġaturi, inklużi servizzi bħal tal-biljetti:

L-idea tal-pjanifikatur tal-vjaġġi Byebyehello, ippreżentat minn Penelope Ventures GmbH, ikkonvinċiet lill-ġurija bid-diversi elementi innovattivi tagħha u b’tim b’saħħtu ta’ persuni interessati li jistgħu jagħmlu din il-viżjoni realtà. F’Mejju 2012, il-kumpanija biħsiebha tniedi dan il-pjanifikatur li ser jibda fil-Ġermanja.

L-idea tal-pjanifikatur tal-vjaġġi Mytripset, ippreżentata minn SNCF, ħalliet impressjoni tajba fuq il-ġurija bl-użu innovattiv ta’ netwerks soċjali li jipprovdu aġġornamenti tal-kontenut u tat-traffiku. Dan jiddependi wkoll minn tim qawwi ta’ msieħba. It-tnedija mistennija tibda fi Franza fil-ħarifa tal-2012.

Ir-rebbieħa tal-ewwel Sfida tal-Mobbiltà Intelliġenti ser jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex fis-26 ta’ Marzu 2012, jippreżentaw l-ideat u s-soluzzjonijiet tagħhom waqt laqgħa tal-Kumitat TRAN tal-Parlament Ewropew. Ser jiġu mistiedna wkoll fil-Kungress Dinji tal-ITS fi Vjenna (bejn it-22 u s-26 ta’ Ottubru 2012), sabiex iqanqlu diskussjoni ulterjuri dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tas-soluzzjonijiet tal-vjaġġi multimodali mad-dinja kollha.

Il-promozzjoni ta’ pjanifikaturi innovattivi, multimodali tal-vjaġġi hija ta’ prijorità. Fl-2011, il-Kummissjoni wettqet studju bl-isem "Towards a European Multimodal Journey Planner". Illum qed jiġi ppubblikat ukoll ir-rapport finali tiegħu:

http://ec.europa.eu/transport/its/studies/index_en.htm.

L-isfida li tnediet fis-6 ta’ Ġunju 2011 mill-Viċi President Kallas, stiednet lill-partijiet interessati tal-industrija u liċ-ċittadini Ewropej biex jew iressqu soluzzjonijiet tal-pjanifikaturi Ewropej tal-vjaġġi multimodali (tal-inqas transkonfinali), jew iressqu ideat innovattivi li jippermettu l-iżvilupp ta’ dawn l-għodod verament Ewropej u multimodali.

Fl-ewwel kategorija, ġew proposti 28 pjanifikatur tal-vjaġġi li minnhom l-aktar 12-il proposta promettenti tressqu għal vot elettroniku bejn il-5 ta’ Diċembru 2011 u t-13 ta’ Jannar 2012. Fl-istess waqt, ġurija esperta vvalutat it-22 'idea innovattiva' li ġew imressqa.

MEMO/12/175

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website