Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport tal-Kummissjoni jgħid li ċ-ċittadini tal-UE għadhom qed isibu x-xkiel biex jagħmlu użu mill-jeddijiet tagħhom b’rabta mal-ivvutar fil-livell lokali

European Commission - IP/12/229   09/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Rapport tal-Kummissjoni jgħid li ċ-ċittadini tal-UE għadhom qed isibu x-xkiel biex jagħmlu użu mill-jeddijiet tagħhom b’rabta mal-ivvutar fil-livell lokali

Brussell, id-9 ta Marzu 2012 – Għadd dejjem jikber ta’ ċittadini tal-UE qed jagħmlu użu mill-jedd tagħhom li joqogħdu u jaħdmu fejn iridu fl-Unjoni Ewropea, u bħalissa hemm madwar 8 miljun ruħ ta’ età li jistgħu jivvutaw li qed joqogħdu f’pajjiż tal-UE li mhux pajjiżhom. Bħala ċittadini tal-UE, dawn għandhom il-jedd li jivvutaw jew li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu joqogħdu. Madanakollu, skont rapport ġdid li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, bħalissa huma biss 10% li qed jisfruttaw dan il-jedd. Ir-rapport sab li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi implimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE (id-Direttiva 94/80/KE) b’mod sodisfaċenti, għad baqa’ xi xkiel. Barra minn hekk, xi ċittadini jistgħu ma jkunux jafu x’inhuma jeddijiethom, u xi kultant il-proċeduri jistgħu jagħmluha skomda wisq biex l-individwu jagħmel użu minn dawn il-jeddijiet.

Għalhekk, sabiex tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-jeddijiet elettorali tagħhom, il-Kummissjoni se taħdem id f’id mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tidentifika u ssolvi d-diffikultajiet li għad baqa’ biex dan il-jedd jiġi applikat b'mod effettiv. Il-proposta għal Sena Ewropea taċ-Cittadini fl-2013 tagħtina opportunità tajba biex inxerrdu aktar għarfien dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell muniċipali li jista jkollhom xjaqsmu ma kwistjonijiet li varjaw mit-tħawwil tas-siġar, għas-servizzi ta emerġenza u t-trasport lokali jolqtu lil kull min ikun joqgħod fil-lokal. Huwa għalhekk li, bit-Trattati tal-UE, iċ-ċittadini tal-UE għandhom l-istess jeddijiet demokratiċi li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali fis-27 Stat Membru kollha kemm huma, joqogħdu fejn joqogħdu fl-UE,” qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding. Se nibqgħu naħdmu mal-Istati Membri sabiex niżguraw li dawn il-jeddijiet ikunu effettivi fil-prattika, biex bhekk iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar il-kwistjonijiet li jolqtuhom.”

Ir-rapport tal-lum dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini tal-UE b’rabta mal-ivvutar fil-livelll lokali sab li filwaqt li l-Istati Membri ttrasponew id-Direttiva rilevanti tal-UE b’mod sodisfaċenti, għad baqa’ xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati. Dawn jinkludu rekwiżiti għaċ-ċittadini tal-UE li jistgħu jkunu differenti minn dawk li jiġu applikati fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali, bħall-ħtieġa li wieħed ikun residenti fil-pajjiż għal ċertu perjodu biex ikun jista’ japplika għall-vot.

Iżda filwaqt li l-għadd ta’ Ewropej li joqogħdu barra minn pajjiżhom fl-UE kiber, ir-rapport sab li ċ-ċittadini tal-UE li għamlu użu mill-jedd tagħhom li jivvutaw kienu biss medja ta' 10%. Jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jkunu infurmati dwar il-jeddijiet elettorali tagħhom u dwar il-proċeduri amministrattivi li huma meħtiġin biex dawn il-jeddijiet jitpoġġew fil-prattika. Il-Kummissjoni se tibqa’ tissorvelja l-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva u se tgħin lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jgawdu mit-tħaddim sħiħ tal-jeddijiet elettorali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi l-aħjar prattiki billi tħeġġeġ liċ-ċittadini tal-UE li joqogħdu f'pajjiż li mhumiex ċittadini tiegħu biex jieħdu sehem fil-ħajja istituzzjonali u politika fil-livell lokali.

Il-kuntest

Il-libertà tal-moviment hija l-aktar jedd taċ-ċittadinanza tal-UE li huwa miżmum b'għożża (ara l-istqarrija għall-istampa Nru 14/2011). Tabilħaqq, kulma jmur aktar Ewropej qed igawdu minn dan il-jedd u qed imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE: huwa stmat li fl-2009 kien hemm 11.9 miljun ċittadin jgħixu fi Stat Membru li mhux dak tagħhom stess; fl-2010 din iċ-ċifra kibret għal 12.3 miljun (STAT/11/105). Madwar 8 miljuni minn dawn huma f’età li jistgħu jivvutaw.

B’konsegwenza taċ-ċittadinanza tal-UE – li ma tiħux post iċ-ċittadinanza nazzjonali imma tikkumplimentaha – iċ-ċittadini kollha tas-27 Stat Membru tal-UE għandhom ukoll il-jedd li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu joqogħdu.

Ir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza għall-2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) semma 25 azzjoni konkreta li jridu jittieħdu sabiex jitneħħa dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini tal-UE milli jagħmlu użu mill-jedd tagħhom li jiċċaqilqu b’mod ħieles fl-UE. Waħda minn dawn hija li ċ-ċittadini jkunu jafu aktar dwar l-istejtus tagħhom ta' ċittadini tal-UE, dwar jeddijiethom u dwar dawn xi jfissru fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, billi jiġi propost li l-2013 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u billi matul din is-Sena jiġu organizzati avvenimenti mmirati dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u dwar il-linji politiċi li għandhom x'jaqsmu maċ-ċittadini. Matul is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013, il-Kummissjoni se tippubblika t-tieni rapport tal-UE dwar iċ-ċittadinanza, li se jservi bħala pjan ta' azzjoni għat-tneħħija ta’ dak kollu li għadu jxekkel liċ-ċittadini milli jgawdu bis-sħiħ jeddijiethom bħala ċittadini tal-Unjoni.

Għal iktar tagħrif

Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website