Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni taġixxi biex iżżid is-sikurezza u l-effiċjenza fis-saldu tat-titoli fl-Ewropa

Commission Européenne - IP/12/221   07/03/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni taġixxi biex iżżid is-sikurezza u l-effiċjenza fis-saldu tat-titoli fl-Ewropa

Brussell, is-7 ta’ Marzu 2012 – Bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħha biex toħloq sistema finanzjarja iktar b’saħħitha, illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tistabbilixxi qafas regolatorju komuni Ewropew għall-istituzzjonijiet responsabbli mis-saldu tat-titoli, magħruf bħala d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs - Central Securities Depositories). Il-proposta se ġġib iktar sikurezza u effiċjenza għas-saldu tat-titoli fl-Ewropa. Qed tipprova wkoll tnaqqas iż-żmien li tieħu għas-saldu tat-titoli – u tillimita l-fallimenti tat-titoli.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: “Jien impenjat li niżgura li s-swieq finanzjarji kollha jkunu rregolati u ssorveljati kif suppost. Is-saldu huwa proċess kruċjali għas-swieq tat-titoli u l-iffinanzjar tal-ekonomija tagħna, u għalhekk il-ħtiġijiet tas-sikurezza u l-effiċjenza tiegħu jridu jkunu assigurati. Iċ-ċifri huma ċari: fl-Unjoni Ewropea, fl-aħħar sentejn is-CSDs għamlu s-saldu ta’ tranżazzjonijiet li jiswew iktar minn kwadriljun euro. Il-proposta tal-lum se tintroduċi, b’konformità mal-imsieħba internazzjonali tagħna, standards komuni madwar l-Unjoni għas-saldu tat-titoli u s-CSDs sabiex tiżgura suq verament uniku għas-servizzi pprovduti mis-CSDs nazzjonali.”

Il-proposta tinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:

  • Il-perjodu tas-saldu se jkun armonizzat u ffissat għal massimu ta’ jumejn wara l-ġurnata tal-Borża tal-kummerċ fit-titoli innegozjati jew swieq irregolati oħrajn. (fil-preżent huma neċessarji jumejn jew tlitt ijiem għal bosta mit-tranżazzjonijiet tat-titoli fl-Ewropa).

  • Il-parteċipanti tas-suq li jonqsu milli jressqu t-titoli tagħhom fid-data maqbula għas-saldu se jkunu suġġetti għall-penalitajiet, u se jkollhom jixtru dawk it-titoli fis-suq u jressquhom għand il-kontrapartijiet tagħhom.

  • L-emittenti u l-investituri se jkunu meħtieġa jżommu reġistru elettroniku prattikament għat-titoli kollha, u jirreġistrawhom fis-CSDs jekk isir kummerċ fihom fuq il-Borża jew swieq irregolati oħrajn.

  • Is-CSDs iridu jkunu konformi ma' rekwiżiti stretti organizzattivi, tal-kondotta tal-operazzjonijiet u prudenzjali, sabiex jiżguraw il-vijabbiltà tagħhom u l-protezzjoni tal-utenti tagħhom. Għandhom jiġu wkoll awtorizzati u sorveljati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.

  • Is-CSDs awtorizzati se jingħataw “passaport” biex jipprovdu s-servizzi tagħhom lil Stati Membri oħra.

  • L-utenti se jkunu jistgħu jagħżlu bejn it-30 CSD kollha li hemm fl-Ewropa.

  • Is-CSDs fl-UE se jkollhom aċċess għal kwalunkwe CSD jew infrastruttura tas-suq oħra bħaċ-ċentri tan-negozjar jew Kontrapartijiet Ċentrali (CCPs - Central Counterparties) ikunu f'liema pajjiż ikunu.

Il-proposta issa ser tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (l-Istati Membri) biex tiġi nnegozjata u adottata.

Sfond

Is-saldu huwa proċess importanti, li jiżgura l-iskambju tat-titoli meta mqabbla mal-flus kontanti wara tranżazzjoni tat-titoli (pereżempju akkwist jew bejgħ ta’ titoli). Is-CSDs huma istituzzjonijiet sistematikament importanti għas-swieq finanzjarji għaliex joperaw l-infrastrutturi (magħrufin bħala sistemi ta’ saldu tat-titoli) li jgħinu s-saldu tat-tranżazzjonijiet prattikament kollha tat-titoli. Is-CSDs isegwu wkoll kemm inħarġu titoli, minn min, u kull bidla fil-parteċipazzjoni ta' titoli bħal dawn. Finalment, għandhom rwol kruċjali għall-finanzjament tal-ekonomija, għaliex kważi l-kollateral kollu mqiegħed għad-dispożizzjoni mill-banek biex iżidu l-fondi jsir permezz ta' sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSDs.

Madankollu, is-CSDs għadhom irregolati fil-livell nazzjonali biss, u s-saldu transkonfinali huwa inqas sikur (il-falliment ta’ tranżazzjoni transkonfinali jista’ jilħaq l-10 % f’ċerti swieq) u effiċjenti mis-saldu domestiku: l-ispejjeż huma erba’ darbiet iktar.

Ir-Regolament propost se jikkonkludi l-qafas regolatorju Ewropew għas-swieq tat-titoli. Hemm tliet stadji ewlenin fit-tranżazzjonijiet tat-titoli:

Kummerċ – dan huwa rregolat mill-MiFID

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/isd/index_en.htm

Approvazzjoni – din hija rregolata mill-EMIR

http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/derivatives/index_en.htm

Saldu – dan huwa indirizzat mill-proposta attwali

http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/central_securities_depositories_en.htm

Ara wkoll: MEMO/12/163

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site