Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: implimentazzjoni aħjar tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb l-ambjent

Brussell, is-7 ta' Marzu 2012 – In-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali aktarx li tiswa lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 500 biljun kull sena fi spejjeż għas-saħħa u spejjeż diretti għall-ambjent. Fi sforz biex titnaqqas dik iċ-ċifra u jkun hemm riżultati ambjentali aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji, illum, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar implimentazzjoni aħjar tal-liġi ambjentali tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-liġi tal-UE mhijiex ivvintata minn Brussell; il-liġi hija adottata demokratikament mill-Istati Membri kollha u l-Parlament għall-benefiċċju taċ-ċittadini. L-ambjent tagħna huwa protett minn 200 liġi stabbilita b'mod tajjeb, iżda ta' spiss dawn il-liġijiet ma jiġux applikati kif suppost. Dan ma jagħmilx biss ħsara lill-ambjent – jagħmel ħsara wkoll lis-saħħa umana, iwassal għall-inċertezza fl-industrija, u jimmina s-Suq Uniku. Fi żmien ta' kriżi, jeżistu spejjeż li ma nifilħuhomx."

Il-Komunikazzjoni tal-lum tisħaq fuq il-benefiċċji pożittivi ta' liġi ambjentali, li turi kif nistgħu nonfqu ħafna anqas jekk nilqgħu għall-ħsara lill-ambjent milli nirrimedjaw il-ħsarat fit-tul taż-żmien. Il-liġi ambjentali tista' toffri vantaġġi lill-industrija: l-implimentazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-skart għandha tiġġenera 400 000 impjieg addizjonali, pereżempju, bi spejjeż netti ta' EUR 72 biljun inqas mix-xenarju alternattiv ta' nuqqas ta' implimentazzjoni.

Il-komunikazzjoni maħsuba biex tintensifika d-djalogu mal-gvernijiet u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha dwar kif flimkien nistgħu naħdmu aħjar biex niksbu implimentazzjoni aħjar tal-liġijijiet tal-UE billi ntejbu l-ġbir u l-qsim tal-għarfien u billi kulħadd ikollu sjieda akbar fl-għanijiet ambjentali. B'mod aktar speċifiku, il-komunikazzjoni ser tisħaq fuq miżuri li jgħinu lill-Istati Membri jiksbu approċċ sistematiku sħiħ għall-ġbir u t-tixrid tal-għarfien, li jinkludu mezzi ta' inkoraġġiment għal rispons akbar għall-kwistjonijiet ambjentali.

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi ambjentali tal-UE huwa kompitu konġunt mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Ħafna drabi, implimentazzjoni fqira tkompli taggrava b'nuqqas ta' informazzjoni preċiża dwar kwistjonijiet ambjentali. Fl-Ewropa, l-isforzi ta' monitoraġġ mhumiex ugwali, l-informazzjoni ġenerata tista' tkun f'biċċiet jew mhux aġġornata u ma hemmx informazzjoni utli biżżejjed fuq l-internet. Informazzjoni aħjar u aktar aċċessibbli f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandha tippermetti li problemi kbar ambjentali jistgħu jiġu identifikati aktar kmieni u b'hekk jiġu ffrankati l-ispejjeż fuq perjodu twil ta' żmien.

Implimentazzjoni tajba tinvolvi rispons effikaċi għal problemi ambjentali attwali jew potenzjali. Suġġerimenti għal titjib jinkludu spezzjonijiet u sorveljanza aħjar, kriterji dwar kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw l-ilmenti taċ-ċittadini, aċċess akbar għal ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u appoġġ għal netwerks Ewropej tal-professjonisti ambjentali. F'każi fejn ma teżisti l-ebda problema, għandu jkun hemm impenji aktar ċari minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli biex ikun hemm titjib bi skadenzi u valuri indikattivi konkreti għall-prestazzjoni li tista' tkun ivvalutata pubblikament.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni ser tiġi indirizzata lill-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, iċ-ċittadini tagħhom u kull min hu involut fil-qasam tal-implimentazzjoni u l-infurzar. L-eżitu tad-diskussjonijiet bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE u ser tħejji għas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali.

Sfond

L-Istati Membri huma responsabbli li jiżugraw li l-liġijiet ambjentali tal-UE jiġu implimentati f'pajjiżhom . Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tara li l-impenji tal-Istati Membri jkunu rispettati u li din tieħu azzjoni jekk dan ma jsirx.

L-implimentazzjoni għandha diversi dimensjonijiet. L-Istati Membri għandhom jadottaw liġijiet nazzjonali li jagħtu seħħ dettaljat lil-liġijiet maqbula fuq livell tal-UE. Għandhom jorganizzaw l-amministrazzjonijiet tagħhom biex jiżguraw li dawn il-liġijiet jiġu osservati fil-prattika. Għandhom isiru l-investimenti meħtieġa, pereżempju li l-iskart jiġi ttrattat kif suppost. Għandu jkun hemm ukoll mezzi ta' rispons meta l-kompiti meħtieġa ma jitwettqux għal kollox jew meta jinqalgħu problemi oħrajn, pereżempju r-rimi illegali tal-iskart jew il-kaċċa illegali tal-ħabitat selvaġġ protett.

Aktar tagħrif:

Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali

Ara wkoll:

Komunikazzjoni tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali

Contacts :

Robert Flies (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site