Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Bologna tirbaħ il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011

European Commission - IP/12/218   05/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: Bologna tirbaħ il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011

Brussell, is-5 ta' Marzu 2012 – Il-belt Taljana ta' Bologna rebħet il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011. Bord indipendenti ta' esperti dwar il-mobbiltà għażel din il-belt bħala l-aħjar waħda fil-promozzjoni ta' alternattivi nodfa għall-użu tal-karozzi u fl-involviment taċ-ċittadini fl-attivitajiet li jappoġġjaw il-mobbiltà urbana matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011. Il-finalisti kienu Larnaka f'Ċipru u l-Belt Kapitali Kroata, Żagreb. Il-premju ngħata lill-belt rebbieħa mill-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik u l-Viċi President u Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Siim Kallas waqt ċerimonja li saret fil-5 ta' Marzu 2012, fil-Mużew tal-Istrumenti Mużikali fi Brussell.

Il-Viċi President Siim Kallas, responsabbli mit-Trasport, qal: "Filwaqt li tirrispondi għall-isfida biex l-ibliet tagħna jsiru aktar indaf u sikuri, il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 tisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ ġdid għall-mobbiltà urbana. L-ibliet rebbieħa għandhom ħafna x'joffru f'dan ir-rigward. Billi naqsmu l-esperjenzi dwar il-mobbiltà alternattiva, l-ibliet Ewropej jistgħu jimplimentaw alternattivi aktar attraenti u affidabbli u b'hekk iħallu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna."

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Bi bliet u ċittadini li qed isofru dejjem aktar mill-konġestjoni u t-tniġġis, qatt ma kien hemm żmien aħjar biex mill-vetturi privati naqilbu għal mezzi oħrajn ta' trasport. Bologna, Larnaka u Żagreb sabu mezzi kreattivi biex l-infrastruttura tat-trasport tagħhom issir aktar sostenibbli b'mod permanenti. Nittama li dan ikun ta' ispirazzjoni għal bliet oħrajn biex dawn jagħmlu l-istess.."

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011

It-tema tal-kampanja tal-2011 – “Mobblità Alternattiva" – stabbilita biex tappoġġja t-tranżizzjoni lejn sistema ta' trasport effiċjenti fl-użu tar-riżorsi billi tippromwovi mezzi ta' trasport indaf, effiċjenti fl-użu tal-fjuwil jew imħaddma mill-bniedem. L-użu żejjed tal-karozzi qed jagħmel ħsara lill-kwalità ta’ ħajja fl-ibliet tagħna billi jiġġenera l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni. Minħabba l-użu eċċessiv tar-riżorsi bħall-enerġija, l-art, l-ilma u l-materja prima, qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa ta’ forom oħrajn ta’ trasport li jiġġeneraw anqas tniġġis, jikkonsmaw anqas riżorsi u jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Billi niffokaw fuq il-promozzjoni ta' alternattivi għall-karozzi privati, il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011 inkoraġġiet liċ-ċittadini li jgħixu fiż-żoni urbani biex, minflok, jużaw mezzi ta' trasport b'karbonju baxx.

Il-belt rebbieħa: Bologna

Il-ġurija għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011 għażlet lil Bologna bħala r-rebbieħa talli organizzat tmiem il-ġimgħa mingħajr karozzi minflok jum wieħed. Il-miżuri permanenti implimentati jinkludu punti fejn jiġu ċċarġjati l-vetturi elettriċi u pjan biex jiġi estiż in-netwerk tal-perkorsi għaċ-ċikliżmu tal-belt għal 130 KM. L-awtoritajiet muniċipali stiednu liċ-ċittadini biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-pjan matul il-Ġimgħa tal-Mobbiltà. Għal dik il-ġimgħa Bologna ħejjiet żona kbira fejn ma jidħlux karozzi fil-qalba tal-belt. Iż-żona pedonali infetħet għall-artisti, il-ħwienet u l-assoċjazzjonijiet sportivi u peress li din l-inizjattiva attirat aktar minn 60 000 viżitatur, l-awtoritajiet tal-belt iddeċiedew li jirrepetu din l-inizjattiva f'avvenimenti fil-ġejjieni. Il-belt organizzat wkoll għadd kbir ta' ġiti bir-roti, sessjonijiet ta' ħidma dwar ir-roti u stands ta' taħriġ fit-tiswija, logħob, mixjiet, u esibizzjoni dwar il-vetturi elettriċi. L-uffiċjali tal-pulizija ħadu sehem f'sessjonijiet ta' informazzjoni fej taw pariri u spjegazzjonijiet lill-familji dwar is-sikurezza fis-sewqan tar-roti u ġie mwaqqaf post ta' informazzjoni għaċ-ċittadini biex jitgħallmu dwar servizzi ġodda offruti liċ-ċiklisti.

Finalista: Larnaka

Larnaka f'Ċipru involviet firxa wiesgħa ta' msieħba fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011. Il-programm kompresiv tagħha tal-attivitajiet promozzjonali kien jinkludi ġurnata sħiħa ta' trasport bla ħlas bil-karozzi tal-linja, esibizzjoni tal-vetturi ibridi, Café Ambjentali u preżentazzjonijiet dwar il-mobbiltà sostenibbli. Il-belt uriet l-impenn fit-tul tagħha għar-riallokazzjoni tal-ispazji tat-toroq billi bidlet f'żona pedonali waħda mit-toroq tagħha fid-distrett kummerċjali ċentrali. Il-belt ħolqot ukoll għadd kbir ta' spazji għall-parkeġġ tar-roti u waqqfet "Bank tar-roti" biex tiffaċilta l-manutenzjoni u l-użu mill-ġdid tar-roti.

Finalista: Żagreb

Il-Belt kapitali Kroata wriet l-impenn tagħha lejn il-mobbiltà urbana sostenibbli permezz ta' sensiela estensiva ta' miżuri għall-ippjanar urban li kienu għall-wiri matul il-Gimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011. B'kollaborazzjoni mal-proġett CIVITAS ELAN EU, Żagreb użat l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika biex ġabret informazzjoni importanti dwar il-possibiltajiet biex tittejjeb l-infrastuttura tat-trasport sostenibbli u l-kwalità tal-avveniment tal-2011. Il-firxa wiesgħa tal-attivitajiet organizzati mill-muniċipalità kienu jinkludu sessjonijiet ta' ħidma edukattivi, mixjiet organizzati, gyms fil-miftuħ, konferenzi, swieq ekoloġiċi u esibizzjonijiet dwar il-vetturi elettriċi.

Il-passi li jmiss

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2012 ser issir bejn is-16 u t-22 ta' Settembru bit-tema "Nimxu fid-Direzzjoni t-Tajba".

Sfond

L-edizzjoni tal-2011 qed tfakkar l-għaxar anniversarju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà. Matul dan l-aħħar deċennju, il-Ġimgħa tal-Mobbiltà għenet lill-ibliet biex joħolqu ambjent aktar pjaċevoli u ta’ benefiċċju għas-saħħa għaċ-ċittadini billi inkoraġġiethom inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku u jużaw mezzi ta’ trasport sostenibbli u mezzi mħaddma mill-bniedem. L-għadd ta' bliet li jipparteċipaw fil-Ġimgħa tal-Mobbiltà żdied b'mod kontinwu minn meta din tnediet fl-2002 u fl-2011 ħadu sehem 2268 belt madwar id-dinja.

Aktar tagħrif:

http://www.mobilityweek.eu

Kuntatti :

Robert Flies (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website