Navigation path

Left navigation

Additional tools

IL-KUMMISSJONI EWROPEA - STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Jum għall-Paga Ugwali: In-nisa fl-Ewropa għadhom jaqilgħu 16.4% anqas mill-irġiel bħala medja

Brussell, it-2 ta’ Marzu 2012 - In-nisa fl-UE għadhom jaqilgħu medja ta’ 16.4% inqas mill-irġiel, skont ċifri ġodda maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea fil-Jum Ewropew għall-Paga Ugwali. Dan huwa t-tieni Jum għall-Paga Ugwali fil-livell Ewropew wara t-tnedija tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta’ Marzu 2011 (ara IP/11/255). L-avveniment mifrux madwar l-UE kollha jimmarka n-numru ta’ ġranet iżjed li n-nisa jkollhom jaħdmu biex jilħqu l-ammont ta’ flus li jaqilgħu l-irġiel. Il-Kummissjoni Ewropea trid toħloq kuxjenza dwar id-diskrepanza bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel madwar l-UE. Din is-sena l-Jum għall-Paga Ugwali jiffoka b’mod partikulari fuq min iħaddem u jaħbat qabel il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta' Marzu.

"Il-Jum Ewropew għall-Paga Ugwali jfakkarna fil-jiem u s-sigħat li n-nisa ilhom jaħdmu ‘bla ħlas’ mill-1  ta' Jannar. Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali ilu miktub fit-Trattati tal-UE mill-1957. Wasal iż-żmien li dan jitpoġġa fil-prattika kullimkien,” qalet il-Kummissarju tal-UE għall Ġustizzja Viviane Reding, il-Viċi-President tal-Kummissjoni.

L-aħħar ċifri juru medja ta’ 16.4% fid-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-2010 madwar l-Unjoni Ewropea. Dawn jikkonfermaw xejra li niżlet kemxejn fis-snin riċenti, meta ċ-ċifra kienet madwar 17% jew aktar. Ir-rata tvarja minn madwar 2% fil-Polonja sa aktar minn 27% fl-Estonja.

Id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel – id-differenza medja fi dħul gross fis-siegħa bejn in-nisa u l-irġiel fl-ekonomija kollha kemm hi – hija għolja b’mod persistenti, b’differenzi konsiderevoli bejn pajjiżi u setturi. Din tirrifletti l-problema ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata: ħafna min-nisa jieħdu l-liv tal-ġenituri u jaħdmu part-time. Minkejja x-xejra kemxejn pożittiva, hemm Stati Membri fejn id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel qiegħdha tikber, bħall-Bulgarija, Franza, il-Latvja, l-Ungerija, il-Portugall u r-Rumanija.

L-attivitajiet ta' ħolqien ta' kuxjenza huma essenzjali sabiex dawk li jħaddmu, l-impjegati u dawk kollha involuti jkunu infurmati għaliex għad hemm diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel u kif din tista’ titnaqqas. Għodod ġodda jinkludu:

  • Taħriġ għal kumpaniji u skambji ta’ prattiki tajba dwar il-każ kummerċjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-metodi u l-għodod użati biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel f'kumpaniji;

  • Filmat li jenfasizza l-inugwaljanzi eżistenti fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel;

  • Sit tal-internet dwar il-kampanja aġġornat li jinkludi taqsima ġdida dwar ir-rwol importanti ta' ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali fit-tnaqqis tad-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; għodod li jidentifikaw id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol; u lista ta’ kontroll li tintegra l-ekwità tal-ħlas fi ftehimiet kollettivi;

  • Serje ta' avvenimenti nazzjonali fi 17-il Stat Membru tal-UE biex titferrex l-informazzjoni dwar l-inugwaljanza fil-pagi.

Kuntest

Biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel hemm bżonn ta’ azzjoni fuq diversi livelli biex jiġu indirizzati l-kaġunijiet multipli tagħha, u għalhekk il-Kummissjoni taħdem mill-qrib fuq dan mal-Istati Membri. F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni organizzat skambju ta' prattiki tajba biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Il-Gvern Ġermaniż ippreżenta għodda li nieda hu fl-2009 (is-softwer Logib-D), li tippermetti li l-kumpaniji janalizzaw id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom. L-Awstrija ppreżentat miżuri leġiżlattivi ġodda għat-titjib tat-trasparenza tad-dħul f'kumpaniji li jinkludu obbligi annwali ta' rappurtar dwar id-diskrepanza fil-pagi.

Grazzi għall-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-pagi ugwali, in-numru ta’ każijiet ta' diskriminazzjoni diretta – id-diskrepanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel li jagħmlu eżattament l-istess xogħol – naqas. Iżda d-diskrepanza fil-pagi tmur ferm lil hinn minn dan, peress li dan jirrifletti l-inugwaljanza li għaddejja fis-suq tax-xogħol ġenerali.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel:

http://ec.europa.eu/equalpay

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Anness

 

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website